Skrittura
2 Nefi 30


Kapitlu 30

Il‑Ġentili li jikkonvertu se jingħaddu mal‑poplu tal‑patt—Bosta Lamaniti u Lhud se jemmnu l‑kelma u jsiru nies dħulin—Iżrael se jiġi rrestawrat u l‑ħżiena sejrin jinqerdu. Madwar 559–545 Q.K.

1 U issa araw, għeżież ħuti, jiena se nkellimkom; għax jiena, Nefi, mhux se nħallikom taħsbu li intom aktar twajbin milli jistgħu jkunu l‑Ġentili. Għax araw, jekk intom ma tħarsux il‑kmandamenti ta’ Alla intom żgur li tinqerdu; u minħabba l‑kliem li ntqal ara taħsbu li l‑Ġentili se jinqerdu għalkollox.

2 Għax araw, jien ngħidilkom li dawk kollha fost il‑Ġentili li jindmu huma l‑poplu tal‑patt tal‑Mulej; u dawk kollha fost il‑Lhud li ma jindmux sejrin jitwarrbu; għax il‑Mulej ma jagħmel patt ma’ ħadd ħlief ma dawk li jindmu u jemmnu f’Ibnu, li hu l‑Qaddis ta’ Iżrael.

3 U issa, jien se nħabbrilkom xi ftit aktar dwar il‑Lhud u l‑Ġentili. Għax wara li l‑ktieb li tkellimt dwaru joħroġ għad‑dawl, u jinkiteb għall‑Ġentili, u jerġa’ jiġi ssiġillat mill‑ġdid għall‑Mulej, se jkunu ħafna li jemmnu l‑kliem miktub; u huma sejrin iwassluh lill‑fdal ta’ nisilna.

4 U mbagħad il‑fdal ta’ nisilna se jsiru jafu dwarna, li aħna ħriġna minn Ġerusalemm, u li huma ġejjin minn nisel il‑Lhud.

5 U l‑evanġelju ta’ Ġesù Kristu se jiġi mxandar fosthom; għalhekk, huma se jerġgħu lura għall‑għarfien ta’ missirijiethom, kif ukoll għall‑għarfien ta’ Ġesù Kristu, li kien fost missirijiethom.

6 U mbagħad huma jithennew; għax se jkunu jafu li din hija barka mogħtija lilhom minn id Alla; u l‑qxur tad‑dlam jibda jaqa’ minn għajnejhom; u mhumiex se jgħaddu wisq ġenerazzjonijiet fosthom, meta huma jsiru poplu safi u dħuli.

7 U għad jiġri li l‑Lhud imxerrdin jibdew jemmnu wkoll fi Kristu; u huma jibdew jinġabru flimkien fuq wiċċ l‑art; u dawk kollha fosthom li jemmnu fi Kristu għad isiru wkoll poplu dħuli.

8 U għad jiġri li l‑Mulej Alla sejjer jagħti bidu għall‑ħidma tiegħu fost kull ġens, tribù, ilsien, u poplu, biex iġib fis‑seħħ ir‑restawrazzjoni tal‑poplu tiegħu fuq l‑art.

9 U l‑Mulej Alla se jagħmel ħaqq mill‑imsejknin skont il‑ġustizzja, u se jagħti sentenza skont is‑sewwa lill‑fqajrin tal‑art. U huwa se jsawwat lid‑dinja bix‑xettru ta’ fommu; u b’nifs xufftejh joqtol lill‑ħżiena.

10 Għax ma jdumx ma jasal iż‑żmien meta l‑Mulej Alla se joħloq firda kbira fost il‑poplu, u lill‑ħżiena huwa jeqred; u huwa jħenn għall‑poplu tiegħu, iva, anke jekk ikollu jeqred lill‑ħżiena permezz tan‑nar.

11 U l‑ħżiem ta’ ġenbejh tkun il‑ġustizzja, u l‑fedeltà l‑ħżiem ta’ qaddu.

12 Mbagħad il‑lupu jibda jgħix mal‑ħaruf; u l‑leopard mal‑gidi jimtedd, u jirgħu flimkien l‑għoġol, u ferħ l‑iljun, u l‑bhima msemmna; u daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom.

13 U l‑baqra u l‑ors sejrin jirgħu; il‑frieħ tagħhom flimkien jimteddu; u l‑iljun bħall‑gendus jiekol it‑tiben.

14 U t‑tarbija tal‑ħalib tilgħab fuq il‑ħofra tas‑serp, u t‑tifel miftum idaħħal idu fil‑bejta tal‑lifgħa.

15 Ma jagħmlux deni u anqas ħsara fuq il‑muntanja qaddisa kollha tiegħi; għax mimlija se tkun l‑art bl‑għarfien tal‑Mulej bħalma l‑baħar hu miksi bl‑ilmijiet.

16 Għalhekk, se jiġu żvelati l‑ħwejjeġ ta’ kull ġens; iva, kull ħaġa se tiġi żvelata lill‑ulied il‑bnedmin.

17 M’hawn xejn li hu sigriet li mhuwiex se joħroġ fid‑deher; m’hawn l‑ebda għemil tad‑dlam li mhuwiex se joħroġ għad‑dawl; u m’hawn xejn issiġillat fid‑dinja li mhuwiex se jinħall.

18 Għalhekk, kull ħaġa li ġiet żvelata lill‑ulied il‑bnedmin se tiġi żvelata dakinhar; u għal żmien twil Satana mhux se jkollu aktar setgħa fuq ulied il‑bnedmin. U issa, għeżież ħuti, jiena se ntemm hawnhekk id‑diskors tiegħi.