Skrittura
2 Nefi 24


Kapitlu 24

Iżrael se jinġabar u se jgawdi l‑mistrieħ waqt il‑millennju—Luċifru ġie mkeċċi ’l barra mis‑smewwiet talli rvella—Iżrael se joħroġ rebbieħ fuq Babilonja (id‑dinja)—Qabbel Isaija 14. Madwar 559–545 Q.K.

1 Għax il‑Mulej se jħenn għal Ġakobb, u jerġa’ jagħżel lil Iżrael, u jġibhom jistrieħu f’arthom; u magħhom jissieħbu l‑barranin, u huma jingħaqdu ma’ dar Ġakobb.

2 U jeħduhom il‑popli u jġibuhom f’imkienhom; iva, mill‑bogħod sat‑truf l‑art; u huma se jerġgħu lura fl‑artijiet imwiegħda tagħhom. U tiksibhom dar Iżrael, u art il‑Mulej tkun għall‑qaddejja, rġiel u nisa; u jeħduhom lsiera għand dawk li kienu jassruhom; u huma jaħkmu fuq il‑ħakkiema tagħhom.

3 U jiġri dakinhar li l‑Mulej iserrħek min‑niket, u mill‑biża’, u mill‑jasar iebes li fih ġagħluk isservi.

4 U jiġri f’dak il‑jum, li int tippronunzja dan il‑proverbju kontra s‑sultan ta’ Babilonja, u tgħidlu: Kif intemm it‑tirann, kif intemmet il‑belt tad‑deheb!

5 Kisser il‑Mulej ħatar il‑ħżiena, ix‑xettru tal‑ħakkiema.

6 Hu li sawwat il‑popli fil‑qilla tiegħu, bi swat ma jaqta’ qatt; hu li saltan f’qilltu fuq il‑ġnus, hu ppersegwitat, u ħadd ma jopponi.

7 Strieħet u kkwitat l‑art kollha; nfexxew jgħannu.

8 Iva, iċ‑ċipress jifraħ minħabba fik, hekk ukoll iċ‑ċedri tal‑Libanu, u jgħidu: Mindu int tinsab mimdud, ħadd ma jitla’ jqaċċat minna.

9 L‑infern minn taħt tqanqal għalik biex jilqgħek mal‑wasla tiegħek; iqajjem għalik il‑mejtin, saħansitra il‑kbarat kollha tal‑art; qajjem mit‑tronijiet tagħhom is‑slaten kollha tal‑ġnus.

10 U jinfexxu jitkellmu u jgħidulek: Int ukoll ġejt dgħajjef bħalna? Int sirt tixbaħna?

11 Tniżżlet kburitek fil‑qabar; ma jinstemax aktar id‑daqq taċ‑ċitra tiegħek; taħtek hemm sodda tad‑dud, u d‑dud għatietek.

12 Kif waqajt mis‑smewwiet, O Luċifru, bin iż‑żerniq! Stabatt mal‑art, int li l‑ġnus dgħajjift!

13 Għax int kont għidt f’qalbek: Nitla’ sas‑smewwiet, ’il fuq mill‑kwiekeb ta’ Alla t‑tron tiegħi ngħolli; u npoġġi wkoll fuq il‑muntanja tal‑kongregazzjoni, fi truf it‑tramuntana;

14 Nitla’ sa fuq qċaċet is‑sħab; insir nixbah lil Alla l‑Għoli.

15 Imma int titniżżel fl‑infern, f’qiegħ l‑għammieq.

16 Dawk li jarawk jifluk waħda sew, iħarsu lejk u jgħidu: Hu dan il‑bniedem li heżżeż l‑art, li riegħed is‑saltniet?

17 U għamel deżert mid‑dinja, u blietha qeridhom, u ma fetaħx id‑dar tal‑ħabsin tiegħu?

18 Is‑slaten kollha tal‑ġnus, sewwasew, lkoll jistrieħu fil‑glorja, kull wieħed f’daru.

19 Imma int mormi ’l bogħod minn qabrek, bħal fergħa mistmerra, u l‑fdal ta’ dawk li ġew maqtulin, minfuda bis‑sejf, li jinżlu sal‑qiegħa tal‑ħofra; bħal ġisem mirfus taħt ir‑riġlejn.

20 Int ma tingħaqadx magħhom fid‑difna, għax int ħarbatt lil artek, u l‑poplu tiegħek qtilt; qatt iżjed ma jissemma nisel il‑ħażin.

21 Ħejju għall‑qatla ta’ wliedu minħabba l‑ħażen ta’ missirijiethom, li ma jqumux, jew jirtu l‑art, jew jimlew bil‑bliet wiċċ id‑dinja.

22 Għax jien inqum għalihom, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, u neqred minn Babilonja, isimha u fdalha, u binha, u neputiha, jgħid il‑Mulej.

23 Nagħmel minnha wkoll xagħri għall‑kappun, u għadajjar ta’ ilma; u niknisha bl‑ixkupa tal‑qerda, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

24 Ħalef il‑Mulej tal‑Eżerċti u qal: Bħalma ħsibt jien, hekk se jiġri; bħalma jien ipproponejt, hekk isir—

25 Lill‑Assirjan nġib f’arti, u fuq il‑muntanji tiegħi nitfgħu taħt riġlejja; u minn fuqu jitneħħa l‑madmad tiegħu, u minn fuq spallejhom jitneħħa tagħbijietu.

26 Dan hu l‑għan li ġie propost għall‑art kollha; u din hi l‑id merfugħa fuq il‑ġnus kollha.

27 Għax il‑Mulej tal‑Eżerċti ppropona, u min se jħassru? U idu merfugħa, u min se jiċħadha?

28 Fis‑sena li miet is‑sultan Aħaż tħabbret din il‑kundanna.

29 La tifraħx, Filistja, kollha, talli tkisser il‑ħatar li kien isawwtek; għax minn għerq is‑serp toħroġ lifgħa, u frottu jkun serpent tan‑nar itir.

30 U jiekol l‑ewwel wild tal‑foqra, u min hu fil‑bżonn jistrieħ b’moħħu kwiet; u jien noqtol bil‑ġuħ lil għerqek, u lil fdalek huwa jeqred.

31 Ixher, ja bieb; għajjat, ja belt; iddiżintegra, Filistja, kollok kemm int; għax se tiġi daħna mit‑tramuntana, u waħdu ħadd mhu ħa jkun fiż‑żminijiet maħtura tiegħu.

32 Xi jwieġbu mela l‑messaġġiera tal‑ġnus? Li l‑Mulej waqqaf lil Sijon, u fiha jistkennu l‑imsejknin tal‑poplu tiegħu.