Skrittura
2 Nefi 18


Kapitlu 18

Kristu se jkun ġebla ta’ tfixkil u blata ta’ offiża—Fittxu l‑Mulej, mhux lis‑sħaħar li jsefsfu—Ħarsu lejn il‑liġi u lejn it‑testimonjanza għall‑gwida—Qabbel Isaija 8. Madwar 559–545 Q.K.

1 Barra minn hekk, il‑kelma tal‑Mulej qaltli: Ħu romblu kbir, u ikteb fih b’pinna ta’ bniedem, dwar Maħer‑salal‑ħas‑baż.

2 U ħadt xhieda ta’ fiduċja biex jiktbu, il‑qassis Urija u ’l Żakkarija bin Ġeberkija.

3 Mbagħad mort għand il‑profetessa; u tqalet, u wildet iben. Mbagħad il‑Mulej qalli: Semmih, Maħer‑salal‑ħas‑baż.

4 Għax ara, it‑tifel mhux se jitgħallem jgħid, Pa u ma qabel ma jittieħed il‑ġid ta’ Damasku u l‑priża ta’ Samarija quddiem is‑sultan tal‑Assirja.

5 Il‑Mulej issokta jkellimni u jgħidli:

6 Ladarba dan il‑poplu jirrifjuta l‑ilmijiet ta’ Silwam, li jgħaddu ħelu ħelu u jifraħ b’Resin u b’bin Remalija;

7 Għalhekk mela, araw, il‑Mulej itella’ għal fuqhom l‑ilmijiet tax‑xmara, qawwija u kotrana, sewwasew is‑Sultan tal‑Assirja u l‑glorja tiegħu kollha; u jogħla ’l fuq mis‑swieqi kollha tiegħu, u jaqbeż xtutu kollha.

8 U hu jgħaddi minn fuq art Ġuda; jgħarraq u jfawwar, sa ma jilħaq sa l‑għonq; u l‑medda ta’ ġwenħajh, tgħatti l‑wisa’ kollu ta’ artek, O Għimmanu‑el.

9 Ingħaqdu flimkien, O ġnus, u intom titkissru biċċiet; u agħtu widen, intom ilkoll mill‑ibgħad artijiet; tħażżmu, u intom titkissru biċċiet; tħażżmu, u intom titkissru biċċiet.

10 Fasslu pjan u jisfrattalkom; tkellmu bejnietkom, imma kliemkom ma jseħħx; għax Alla magħna.

11 Għax il‑Mulej kellimni b’id qawwija, u talabni biex ma nimxix fi triq dan il‑poplu, fejn qalli:

12 Issejjħulux ftehim dak li dan il‑poplu jsejjaħlu ftehim; la tibżgħux mit‑tbeżżigħ tiegħu, u la titregħdux minnu.

13 Il‑Mulej tal‑Eżerċti, lilu għandkom tqaddsu, u minnu għandkom tibżgħu, u minnu għandkom titriegħdu.

14 U jkun għalikom maqdes; imma ġebla ta’ tfixkil, u blata ta’ offiża għaż‑żewġt idjar ta’ Iżrael, ta’ xbiek u mansab għal min jgħammar f’Ġerusalemm.

15 U ħafna minnhom għad jogħtru u jaqgħu, u jitfarrku, u fix‑xbiek jinqabdu, u jaħtfuhom.

16 Orbot ix‑xhieda, issiġilla t‑tagħlim fost id‑dixxipli tiegħi.

17 U nittama fil‑Mulej, li jaħbi wiċċu minn dar Ġakobb, u nafda fih.

18 Arawni, jien u wliedi li tani l‑Mulej, aħna sinjali u għeġubijiet f’Iżrael, mingħand il‑Mulej tal‑Eżerċti, li jgħammar fuq l‑Għolja ta’ Sijon.

19 U meta jgħidulkom: Fittxu lil dawk li jsejjħu l‑ispirti, u lis‑sħaħar li jsefsfu u jgemgmu—m’għandux il‑poplu jistaqsi lil Alla tiegħu biex il‑ħajjin jisimgħu mill‑mejtin?

20 Għat‑tagħlim u għax‑xhieda; u jekk ma jitkellmux b’dan il‑mod, dan għax m’hemm l‑ebda dawl fihom.

21 U jgħaddu minnha magħkusin u mġewħin; u jiġri li meta jeħodhom il‑ġuħ, jitmasħnu u jisħtu lis‑sultan tagħhom u lil Alla tagħhom, u jgħollu wiċċhom ’il fuq.

22 U jħarsu lejn l‑art u jilmħu tbatija, u dalma, u dellijiet ta’ diqa, u jitkeċċew fid‑dalma.