Skrittura
2 Nefi 12


Kapitlu 12

Isaija jara t‑tempju tal‑aħħar żmien, il‑ġabra ta’ Iżrael, u l‑ġudizzju u s‑sliem f’żmien il‑millennju—Il‑kburin u l‑ħżiena se jieħdu tisbita ’l isfel waqt it‑Tieni Miġja—Qabbel Isaija 2. Madwar 559–545 Q.K.

1 Il‑kelma li ra Isaija bin Amos, dwar Ġuda u Ġerusalemm:

2 U din tiġi fis‑seħħ fl‑aħħar żminijiet, meta l‑għolja tad‑dar tal‑Mulej se tiġi stabbilita fil‑quċċata tal‑muntanji, u se tintrefa ’l fuq mill‑għoljiet, u lejha għad jiġru l‑ġnus kollha.

3 U kotra ta’ popli għad imorru u jgħidu, Ejjew ħalli mmorru u nitilgħu fuq l‑għolja tal‑Mulej, lejn id‑dar ta’ Alla ta’ Ġakobb; u hu jgħallimna triqatu, u nimxu fil‑mogħdijiet tiegħu; għax minn Sijon joħroġ it‑tagħlim, u l‑kelma tal‑Mulej minn Ġerusalemm.

4 U hu jagħmel il‑ħaqq bejn il‑ġnus, u jċanfar bosta popli: u huma jibdlu x‑xwabel tagħhom f’sikek tal‑moħriet, u l‑lanez tagħhom fi mnieġel—ebda ġens ma jerfa’ x‑xabla kontra ġens ieħor, u s‑sengħa tal‑gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.

5 Ejja, O dar Ġakobb, ħalli nimxu fid‑dawl tal‑Mulej; iva, ejja, għax intom intliftu lkoll, kull wieħed minnkom spiċċa fi triqat il‑ħażen.

6 B’hekk, O Mulej, int abbandunajt il‑poplu tiegħek, id‑dar ta’ Ġakobb, għax huma jimtlew bin‑nies tal‑lvant, u jisimgħu mis‑sħaħar bħall‑Filistin, u jieħdu gost b’ulied il‑barranin.

7 Arthom imtliet ukoll bil‑fidda u d‑deheb, u t‑teżori tagħhom bla qjies; arthom mimlija wkoll biż‑żwiemel, u l‑karrijiet tagħhom bla qjies.

8 U mtliet arthom bl‑idoli; iqimu xogħol idejhom, dak li huma ħadmu subgħajhom.

9 U l‑bniedem komuni ma jitbaxxiex, u r‑raġel setgħan ma jiċċekkinx, għalhekk, la taħfirlux.

10 Ja nies ħżiena, idħlu fil‑blat, u nħbew fit‑trab, għax mill‑biża’ tal‑Mulej u mill‑glorja tal‑kobor tiegħu sejrin tintlaqtu.

11 U għad jiġri li sejra titbaxxa l‑ħarsa mkabbra tal‑bniedem, u s‑suppervja tal‑bniedem tiġi fix‑xejn, u dakinhar jitgħolla waħdu l‑Mulej.

12 Għax ma jdumx ma jasal jum il‑Mulej tal‑Eżerċti għal ġnus kollha, iva, għal kulħadd; sewwasew, għal kull min hu kburi u supperv, u għal kull min hu merfugħ, u hu se jieħu tisbita ’l isfel.

13 Iva, u jasal jum il‑Mulej għaċ‑ċedri kollha tal‑Libanu, għax huma mkabbra u għolja; u għall‑ballut kollu ta’ Basan;

14 U għall‑muntanji kollha għolja, u għall‑għoljiet kollha, u għall‑ġnus kollha merfugħa, u għal kull poplu;

15 U għat‑torrijiet kollha għolja, u għal kull sur imsaħħaħ;

16 U għal kull ġifen tal‑baħar, u kull ġifen ta’ Tarsis, u għal kull xena pjaċevoli.

17 U tiġġarraf il‑kburija tal‑bniedem, u titniżżel is‑suppervja tal‑bniedem; u dakhar, jitgħolla waħdu l‑Mulej.

18 U l‑idoli hu jeqred għalkollox.

19 U huma jidħlu fil‑blat, u fl‑għerien tal‑art, għax huma se jinħakmu mill‑biża’ tal‑Mulej, u se jintlaqtu bil‑glorja tal‑kobor tiegħu, meta jqum biex iriegħed l‑art.

20 Dakinhar il‑bniedem se jixħet allatu tal‑fidda, u allatu tad‑deheb, li hu għamel għalih biex iqimhom, qalb il‑ġrieden u l‑friefet il‑lejl;

21 Biex jidħol fl‑għerien tal‑blat u fil‑quċċata tal‑irdum, għax se jinħakmu mill‑biża’ tal‑Mulej u se jintlaqtu mill‑kobor tal‑glorja tiegħu, meta jqum biex iriegħed l‑art.

22 Ħallikom minnu l‑bniedem, li nifs biss għandu fi mnifsejh; għax huwa x’jiswa?