Skrittura
2 Nefi 21


Kapitlu 21

Iz‑zokk ta’ Ġesse (Kristu) se jagħmel ħaqq ġust—L‑għarfien ta’ Alla se jilħaq lid‑dinja kollha fil‑Millennju—Il‑Mulej se jgħolli sinjal u jiġbor flimkien lil Iżrael—Qabbel Isaija 11. Madwar 559–545 Q.K.

1 U għad toħroġ fergħa miz‑zokk ta’ Ġesse, u għad tinbet fergħa minn għeruqu.

2 U fuqu jistrieħ l‑Ispirtu tal‑Mulej, l‑ispirtu tal‑għerf u d‑dehen, l‑ispirtu tal‑għaqal u l‑qawwa, l‑ispirtu tal‑għarfien u l‑biża’ tal‑Mulej;

3 U se jagħmlu jifhem malajr permezz tal‑biża’ tal‑Mulej; u ma jiġġudikax skont ma jara b’għajnejh, lanqas ma jċanfar skont ma jisma’ b’widnejh.

4 Iżda jiġġudika lill‑foqra skont il‑ġustizzja, u jċanfar skont is‑sewwa għall‑imsejknin tal‑art; u jsawwat id‑dinja bix‑xettru ta’ fommu, u b’nifs xufftejh joqtol lill‑ħażin.

5 U l‑ħżiem ta’ ġenbejh tkun il‑ġustizzja, u l‑fedeltà l‑ħżiem ta’ qaddu.

6 Il‑lupu wkoll jibda jgħammar mal‑ħaruf, u l‑leopard jimtedd mal‑gidi, u jirgħu flimkien l‑għoġol u ferħ l‑iljun; u daqsxejn ta’ tfajjel imexxihom.

7 U l‑baqra u l‑ors jieklu flimkien; il‑frieħ tagħhom flimkien jimteddu; u l‑iljun bħall‑gendus jiekol it‑tiben.

8 U t‑tarbija tal‑ħalib tilgħab fuq il‑ħofra tas‑serp, u t‑tifel miftum idaħħal idu fil‑bejta tal‑lifgħa.

9 Ma jagħmlux deni u anqas ħsara fuq il‑muntanja qaddisa tiegħi kollha, għax mimlija se tkun l‑art bl‑għarfien tal‑Mulej, bħalma l‑baħar hu miksi bl‑ilmijiet.

10 U f’dak il‑jum se jkun hemm għerq ta’ Ġesse, li jieqaf bħala sinjal għall‑popli; lilu jfittxu l‑Ġentili; u glorjuż se jkun il‑mistrieħ tiegħu.

11 U jiġri f’dak il‑jum li l‑Mulej jerġa’ jmidd idu għat‑tieni darba, biex jikseb lura fdal il‑poplu tiegħu, li jkun fadal, mill‑Assirja u mill‑Eġittu, minn Patros u minn Kus, minn Għelam u minn Singħar, u minn Ħamat u mill‑gżejjer tal‑baħar.

12 U jgħolli sinjal lill‑ġnus, u jiġbor il‑mormijin ta’ Iżrael, u jiġbor flimkien l‑imxerrdin ta’ Ġuda mill‑erbat itruf tal‑art.

13 Tintemm ukoll l‑għira ta’ Efrajm, u jinqerdu l‑għedewwa ta’ Ġuda; Efrajm ma jgħirx aktar għal Ġuda, u Ġuda ma jaħqarx lil Efrajm.

14 Iżda huma jtiru fuq spallejn il‑Filistin lejn il‑punent; flimkien jaħtfu lin‑nies tal‑lvant; fuq Edom u Mowab imiddu idejhom, u wlied Għammon lilhom jobdu.

15 U l‑Mulej inixxef għalkollox ilsien il‑baħar tal‑Eġittu; u jxejjer idu fuq ix‑xmara bil‑qawwa tar‑riħ tiegħu, u jofroqha f’seba’ widien, u jwassal lin‑nies biex jaqsmuha bi qrieq niexfa.

16 U jkun hemm triq għall‑poplu tiegħi, għal dawk li jifdal fl‑Assirja, bħalma kien hemm għal Iżrael, dakinhar li tela’ ’l barra mill‑art tal‑Eġittu.