Skrittura
2 Nefi 7


Kapitlu 7

Ġakobb ikompli jaqra minn Isaija: Isaija jitkellem f’sens messjaniku—Il‑Messija se jkollu lsien ta’ wieħed jitgħallem—Hu jagħti dahru lil dawk li jsawwtuh—Huwa ma jitħawwadx—Qabbel Isaija 50. Madwar 559–545 Q.K.

1 Iva, għax dan jgħid il‑Mulej: Jien lilek bgħattek ’l hemm, jew warrabtek għal dejjem? Għax dan jgħid il‑Mulej: Fejn hi l‑kitba tad‑divorzju ta’ ommkom? Għand min bgħattek ’l hemm jew min hu dak li jien imdejjen miegħu li begħtkom lilu? Iva, min hu dak li begħtkom lilu? Araw, minħabba ħżunitkom bgħettu lilkom infuskom, u minħabba ħtijietkom ommkom tkeċċiet.

2 Għalhekk, meta ġejt, ma kien hemm ħadd; meta sejjaħt, sewwasew, ma kien hemm ħadd li jwieġeb. O dar ta’ Iżrael, jaqaw idi qsaret li ma tistax tifdi, jew m’għandix qawwa biex neħles? Arawni, b’tehdida jien innixxef il‑baħar, nagħmel deżert mix‑xmajjar tagħhom u l‑ħut tagħhom irejjaħ għax nixfu l‑ilmijiet, u jmut bil‑għatx.

3 Inlibbes is‑smewwiet bis‑swied, u bl‑ixkejjer niksihom.

4 Il‑Mulej Alla tani lsien ta’ wieħed jitgħallem, biex nagħraf ngħinek b’xi kelma f’waqtha, O dar ta’ Iżrael. Meta tkun għajjien hu jqajmek għodwa wara għodwa. Hu jqajjimli ’l widinti, biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem.

5 Il‑Mulej Alla fetaħli widinti, u jiena ma rvellajtx, u lanqas ma rġajt lura.

6 Tajt dahri lil dawk li kienu jsawwtuni, u ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli xagħri. Ma ħbejtx wiċċi mit‑tgħajjir u l‑bżieq.

7 Għax il‑Mulej Alla jgħinni, għalhekk ma nitħawwadx. Għalhekk għamilt wiċċi bħaż‑żnied, u jien naf li ma jkollix mniex nistħi.

8 U l‑Mulej jinsab fil‑qrib, u hu jagħmel ġustizzja miegħi. Min se jeħodha miegħi? Ħa nieqfu flimkien. Min hu kontrija? Ħa jersaq lejja, u jien nidorbu bil‑qawwa ta’ fommi.

9 Għax il‑Mulej Alla jgħinni. U dawk kollha li se jikkundannawni, arahom, ilkoll kemm huma jitmermru bħal libsa, u tikolhom il‑kamla.

10 Min minnkom jibża’ mill‑Mulej, illi jobdi leħen il‑qaddej tiegħu, li jimxi fid‑dlam b’ebda dawl fih?

11 Araw, intom ilkoll li tkebbsu n‑nar, li ddawwru lilkom infuskom bi xrar jaqbad, imxu fid‑dawl ta’ narkom u qalb ix‑xrar li qabbadtu. Dan jiġrilkom minn idejja—fin‑niket għad timteddu.