2010-2019
Permezz ta’ Pjan Divin
Ottubru 2017


Permezz ta’ Pjan Divin

Id il-Mulej qed tiggwidakom. Permezz ta’ “pjan divin,” Huwa jinsab fid-dettalji ż-żgħar ta’ ħajjitkom kif ukoll fil-mumenti l-aktar importanti.

Ħuti, hekk kif ninsab wieqaf hawn quddiemkom f’ din il-konferenza ġenerali dinjija li tispira lilna lkoll u hekk kif inħoss il-qawwa tagħkom u l-ispirtu tagħkom, ma nistax ma naħsibx dwar kliem l-Appostlu Pietru: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn.”1

Dan mhuwiex eżattament dak li lissen Alma wara li ppriedka fost in-nies ta’ Ammonija. Alma kellu jitlaq mill-belt minħabba l-ħażen tan-nies. Ftit wara deher anġlu lil Alma u talbu biex “jerġa’ lura lejn il-belt ta’ Ammonija, u jerġa’ jippriedka qalb in-nies tal-belt.”2

Alma għamel dan “fil-pront,” u daħal “il-belt minn naħa oħra.”3

Hekk kif huwa daħal fil-belt, qabdu l-ġuħ u qal lil wieħed raġel: Inti lest toffri xi ħaġa tal-ikel lil dan il-qaddej umli ta’ Alla?

“U r-raġel wieġbu: Jiena Nefita, u naf li inti profeta qaddis ta’ Alla, għax għalik kien qed jirreferi l-anġlu meta f’ viżjon qalli: Inti se tilqa’.”4

Dan ir-raġel kien Amuleki.

Mela, tgħid kienet koinċidenza li Alma ltaqa’ ma’ Amuleki? Le, ma kenitx kumbinazzjoni li huwa daħal fil-belt minn triq li wasslitu biex jiltaqa’ ma’ dan ir-raġel fidil li ftit wara kellu jsir il-missjunarju sieħeb tiegħu.

Il-Presbiteru Neal A. Maxwell darba spjega: “Ħadd minna qatt ma juża l-milja tal-potenzjal tan-nies ta’ madwaru-opportunitajiet li aħna lkoll għandna fiċ-ċirku tal-ħbieb tagħna. Jien u intom dawn l-intersezzjonijiet nafu nsejħulhom ‘koinċidenzi.’ Tifhem għalfejn in-nies ta’ din id-dinja jużaw din il-kelma, iżda koinċidenza mhijiex il-kelma xierqa biex aħna niddeskrivu l-ħidma ta’ Dan Alla li jaf kollox. Huwa ma jagħmel xejn b’ koinċidenza iżda … permezz ta’ ‘pjan divin.’”5

Ħajjitna tixbah bord taċ-ċess u l-Mulej jinsab imexxina minn post għall-ieħor—dejjem jekk aħna nwieġbu għas-suġġerimenti spiritwali. Jekk nagħtu ħarsa lejn il-passat, aħna nistgħu naraw l-influwenza Tiegħu f’ ħajjitna.

Eżempju ta’ dan it-tip ta’ intervent divin nistgħu narawh meta Nefi mar lura biex iġib il-pjanċi mingħand Laban. Huwa “ġie ggwidat mill-Ispirtu, mingħajr ma kien jaf minn qabel x’ kellu jagħmel.”6 Laban ma damx ma deher quddiemu fis-sakra ma jarax art u Nefi qatlu, ħa f’ idejh il-pjanċi u telaq jiġri lura lejn ħutu. Tgħid kienet il-fortunata li huwa spiċċa ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Laban? Jew kien permezz ta’ “pjan divin”?

Fl-evanġelju u fil-Knisja jseħħu ċerti avvenimenti mill-aktar sinifikanti li jgħinu biex tinfirex is-saltna ta’ Alla fid-dinja. Dawn ma jseħħux b’ kumbinazzjoni iżda permezz ta’ pjan ta’ Alla. Dak li fassal din id-dinja jista’ anke jikkalma l-ibħra permezz ta’ kliemu, u jista’ jiggwida kemm lil Alma u lil Amuleki, u lin-Nefi u lil Laban biex huma jkunu fil-post il-ġust sewwasew fil-ħin ġust.

Bl-istess mod, ċerti avvenimenti u ħbiberiji, li jseħħu fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, iseħħu biex tkun tista’ timxi ‘l quddiem il-ħidma ta’ Alla fid-dinja.

L-għażiż Presbiteru Joseph B. Wirthlin tkellem dwar okkażżjoni partikolari meta l-Thomas S. Monson qallu: “Hemm id li tinsab tiggwidana f’ kollox. Ħafna drabi, meta sseħħ xi ħaġa, ma tkunx b’ kumbinazzjoni. Xi darba, meta nħarsu lura lejn dawk l-affarijiet li kienu jidhru li seħħew b’ koinċidenza f’ ħajjitna, aħna nirrealizzaw li probabbilment ma kienet koinċidenza xejn.”7

Bosta drabi, l-għemejjel tajbin tagħna jkunu jafu bihom biss il-ftit. Madankollu, huma jiġu rreġistrati fis-smewwiet. Xi darba, aħna għad irridu nagħtu xhieda tad-devozzjoni sħiħa tagħna lejn l-għemejjel tas-sewwa. L-ebda sfida jew għawġ mhu se jwaqqfu l-pjan ta’ ferħ ta’ Alla. Fil-fatt, permezz ta’ “pjan divin,” “filgħodu jidwi l-għajjat ta’ ferħ.”8 “Jiena ġejt fid-dinja sabiex nagħmel ir-rieda ta’ Missieri,”9 għallem Ġesù. Għeżież ħuti, l-istess għandna nagħmlu aħna.

Permezz tal-esperjenza personali tiegħi fil-ħajja, jiena naf li l-Mulej se jkun qed jiggwidana, fuq din li tidher bħala bord taċ-ċess, biex aħna nwettqu l-ħidma Tiegħu. Dak li jidher li jkun seħħ b’ kumbinazzjoni, fil-fatt, ikun qed jiġi kkontrollat minn Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna, li kapaċi jgħodd kull xagħra li kull bniedem għandu f’ rasu.10 Lanqas biss għasfur tal-bejt ma jaqa’ mal-art bla ma jinduna Missierna.11 Il-Mulej jinsab fid-dettalji żgħar ta’ ħajjitna, u dawk l-inċidenti u l-opportunitajiet iseħħu biex iħejjuna ħalli nkunu nistgħu nelevaw lill-familji tagħna u lil oħrajn hekk kif aħna ngħinu s-saltna ta’ Alla fid-dinja. Ftakru, kif il-Mulej qal lil Abraham, “Jiena naf it-tmiem mill-bidu; għalhekk idi se tkun dejjem fuqek.”12

Il-Mulej qegħidni ġo dar b’ ġenituri li jħobbuni. Skont l-istandards tad-dinja, huma kienu nies mill-aktar ordinarji; missieri, raġel verament devot, kien isuq it-trakkijiet; l-anġlu ommi, mara tad-dar. Il-Mulej għenni nsib il-mara meraviljuża tiegħi, Melanie; Huwa nebbaħ lil wieħed negozjant, li sar wieħed mill-għeżież ħbieb tiegħi, biex jagħtini opportunità naħdem. Il-Mulej sejjaħli biex inservi fl-għalqa tal-missjoni, kemm bħala ġuvni kif ukoll bħala president tal-missjoni; Huwa sejjaħli fil-Kworum tas-Sebgħin; u illum sejjaħli bħala Appostlu. Meta nħares lura fiż-żmien, nirrealizza li ma kontx jiena li mexxejt dawn il-manuvri; kien il-Mulej li għamel dan, bl-istess mod kif Huwa jmexxi ċerti manuvri importanti għalikom u għal dawk li intom tħobbu.

Liema huma dawk il-ħwejjeġ li intom għandkom tfittxu f’ ħajjitkom? X’ mirakli ta’ Alla seħħew f’ ħajjitkom li jfakkrukom li Huwa jinsab viċin, li bihom jgħidilkom, “Jien ninsab hawnhekk”? Aħsbu ftit f’ dawk il-mumenti f’ ħajjitkom, kultant ta’ kuljum, li fihom il-Mulej wera l-id divina Tiegħu—u mbagħad reġa’ wrieha. Għożżuhom bħala mumenti li fihom il-Mulej wera l-fiduċja Tiegħu fikom u fl-għażliet tagħkom. Iżda ħalluh jagħmel minnkom ferm aktar milli tistgħu tagħmlu intom stess għalikom infuskom. Għożżu l-involviment Tiegħu. Xi kultant aħna niddeskrivu ċertu tibdil li jkun seħħ fil-pjanijiet tagħna bħala passi żbaljati li aħna nkunu ħadna fil-vjaġġ tagħna. Ibdew ħarsu aktar lejn dan it-tibdil bħala l-ewwel passi tagħkom biex issiru verament “qaddejja kkummissjonati mill-Mulej.”13

Ftit tax-xhur ilu, in-neputija tagħna ngħaqdet ma’ grupp ta’ żgħażagħ li flimkien marru jżuru diversi siti storiċi tal-Knisja. L-itinerarju finali kien jgħid li hija kellha tgħaddi mill-istess inħawi fejn kien qed iservi ħuha l-missjunarju, li jiġi n-neputi tagħna. In-neputija tagħna ma kellha l-ebda intenzjoni li tara lil ħuha waqt il-missjoni tiegħu. Madankollu, hekk kif il-karozza tal-linja daħlet fil-belt fejn kien qed iservi ħuha, hija rat żewġ missjunarji mexjin fit-triq. Wieħed minn dawn il-missjunarji kien ħuha.

Iż-żagħżagħ li kien hemm fil-karozza tal-linja mtlew b’ antiċipazzjoni hekk kif huma talbu lis-sewwieq biex jitfa’ ftit mal-ġenb ħalli hija tkun tista’ ssellem lil ħuha. F’ anqas minn minuta, wara li t-tnejn li huma qabżitilhom xi demgħa u lissnu xi kelma ħelwa lil xulxin, ħuha reġa’ kompla jaqdi d-dmirijiet missjunarji tiegħu. Aktar tard sirna nafu li ħuha kien ilu biss f’ dik it-triq għal mhux aktar minn ħames minuti, hekk kif huwa kien fi triqtu lura lejn il-karozza tiegħu wara appuntament.

Immaġni
In-neputijiet tal-Presbiteru Rasband flimkien mill-ġdid

Missierna tas-Smewwiet jista’ jpoġġina f’ ċerti sitwazzjonijiet għaliex ikollu xi intenzjoni speċifika f’ moħħu. Huwa hekk għamel f’ ħajti, u l-istess jinsab jagħmel f’ ħajjitkom, kif fil-fatt għamel fil-ħajja tal-għeżież neputijiet tiegħi.

Ilkoll kemm aħna prezzjużi u għeżież għall-Mulej, li jimpurtah minna, li jkellimna b’ dak il-leħen sieket Tiegħu u li jieħu ħsiebna b’ mod uniku u partikolari għal kull wieħed u waħda minna. Hu infinitament aktar għaqli u aktar setgħan min-nies tad-dinja. Huwa jaf l-isfidi tagħna, it-trijonfi tagħna u x-xewqat tajbin ta’ qlubna.

Ftit aktar minn sena ilu, hekk kif jiena kont miexi lejn il-Pjazza tat-Tempju, ġiet fuqi waħda mit-tfajliet missjunarji u staqsietni, “Tiftakarni? Jiena minn Florida.” Qaltli li kien jisimha Sister Aida Chilan. Iva, ftakart meta kont iltqajt magħha u mal-familja tagħha. Il-president tal-wited tagħha kien issuġġerixxa li mmorru nżuru l-familja tagħha. Deher ċar li r-raġuni talli konna morna hemm kienet minħabba binthom, Aida, li ma kenitx mgħammda. Wara ż-żjara tagħna, u wara sena titgħallem u tiltaqa’ mal-membri, Aida tgħammdet.

Immaġni
Il-Presbiteru Rasband flimkien ma’ Aida Chilan u s-sieħba tagħha

Wara l-laqgħa tagħna fil-Pjazza tat-Tempju, hija kitbitli ittra. Hija qaltli: “Jiena naf b’ qalbi kollha li Missierna tas-Smewwiet jaf lil kull wieħed u waħda minna u li Hu jkompli jlaqqagħna flimkien għal raġunijiet li jafhom Hu. Grazzi talli kont wieħed mill-missjunarji tiegħi, talli ġejt biex tgħinni u talli ħames snin ilu ġejt tfittjxni.”14 Aida bagħtitli wkoll l-istorja tal-konverżjoni tagħha fejn semmiet il-“koinċidenzi divini” li seħħew f’ ħajjitha li wassluha biex titgħammed u tiġi kkonfermata, biex isservi missjoni fil-Pjazza tat-Tempju kif ukoll għaż-żwieġ riċenti tagħha fit-tempju.15

Tgħid kienet koinċidenza li l-president tal-wited talabna biex immorru fid-dar tal-familja Chilan jew li jien u hi kellna nerġgħu niltaqgħu fil-Pjazza tat-Tempju? It-testimonjanza ta’ Aida kienet xhieda li dan kien kollu parti mill-“pjan divin” ta’ Alla.

Il-Mulej iħobb ikun magħna. Mhijiex koinċidenza li meta intom tħossu l-Ispirtu Tiegħu u taġixxu skont dawk l-ewwel suġġerimenti intom tħossuh li Hu verament ikun jinsab magħkom kif Huwa wiegħed: “Jiena se nkun quddiemkom. “Jiena sa nkun fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi sa jkun f’ qalbkom, u l-anġli tiegħi jduru magħkom, biex jgħinukom.”16

Aħna lkoll esperjenzajna ħwejjeġ simili f’ ħajjitna. Aħna nafu niltaqgħu ma’ xi ħadd li jkun jidher familjari magħna, jew nafu nerġgħu nġeddu xi ħbiberija antika jew inkella nsibu li għandna ħafna affarijiet komuni ma’ xi ħadd li lanqas biss qatt ma ltqajna miegħu qabel. Meta jseħħ dan, jista’ jagħti l-kas li l-Mulej ikun qed jipprova jfakkarna li aħna verament ilkoll aħwa. Fil-verità lkoll kemm aħna ninsabu naħdmu għall-istess kawża—f’ dik li Joseph Smith sejħilha “il-kawża ta’ Kristu.”17

Allura fiex tidħol l-għażla ħielsa tagħna f’ dan il-“pjan divin”? Aħna għandna għażla li nimxu jew ma nimxux wara s-Salvatur tagħna u l-mexxejja magħżulin Tiegħu. Il-mudell li hemm fil-Ktieb ta’ Mormon huwa wieħed ċar, meta n-Nefiti tbiegħdu mill-Mulej. B’ qalbu mnikkta Mormon qal:

“U huma raw … li l-Ispirtu tal-Mulej ma baqax iħarishom aktar; iva, huwa ma baqax aktar magħhom għaliex l-Ispirtu tal-Mulej ma jgħammarx f’ tempji li mhumiex qaddisa—

“Għalhekk il-Mulej ma ħarishomx aktar permezz tal-qawwa mirakoluża u inkomparabbli tiegħu, għaliex huma kienu waqgħu fi stat ta’ nuqqas ta’ twemmin u ħażen terribbli.”18

Mhux dak kollu li l-Mulej jitlob minna huwa riżultat ta’ kemm aħna sodi, kemm aħna fidili jew minħabba dak li nafu. Aħsbu ftit dwar Sawl, li l-Mulej waqqfu meta kien fi triqtu lejn Damasku. Huwa kien qabad id-direzzjoni żbaljata f’ ħajtu, u dan m’għandu x’ jaqsam xejn man-nofsinhar u t-tramuntana. B’ mod divin, Sawl ġie ggwidat fit-triq it-tajba. Meta aktar tard hu sar magħruf bħala Pawlu, il-ministeru appostoliku tiegħu kien jirrifletti dak li l-Mulej fil-fatt diġà kien jaf x’ kien kapaċi jagħmel u jsir, u mhux x’ kien qed jippjana li jagħmel bħala Sawl. Bl-istess mod, il-Mulej jaf x’ kapaċi nagħmlu u x’ kapaċi nsiru kull wieħed u waħda minna . X’ għallem l-Appostlu Pawlu? “Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejjħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.”19

Meta aħna nkunu twajbin, disposti u kapaċi, meta aħna nkunu qed nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu denji u kkwalifikati, aħna jirnexxielna naslu f’ postijiet li qatt ma mmaġinajna li stajna nilħqu u nsiru parti mill-“pjan divin” ta’ Missierna tas-Smewwiet. Ilkoll kemm aħna għandna ġewwa fina DNA divina. Meta aħna naraw lil Alla jaħdem permezz tagħna u magħna, ejjew inqawwu qalbna, u nkunu dejjem grati għal dik il-gwida. Meta Missierna tas-Smewwiet qal, “Din hija l-ħidma u l-glorja tiegħi—li nġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem,”20 Huwa kien qed jirreferi għal uliedu kollha—partikolarment għalikom.

Id il-Mulej qed tiggwidakom. Permezz ta’ “pjan divin,” Huwa jinsab fid-dettalji ż-żgħar ta’ ħajjitkom kif ukoll fil-mumenti l-aktar importanti. Kif jgħid il-Proverbju, “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha; … u hu jwittilek triqatek.”21 Jiena nixhed li Huwa jberikkom, isostnikom u jġibilkom il-paċi. F’ isem Ġesù Kristu, amen.