2010-2019
‘Il Bogħod Minn Xulxin, iżda Xorta Ħaġa Waħda
Ottubru 2017


‘Il Bogħod Minn Xulxin, iżda Xorta Ħaġa Waħda

Minkejja d-differenzi ta’ bejnietna, il-Mulej jistenna li fil-Knisja aħna nkunu ħaġa waħda!

F’ Ġunju 1994 jiena kont qed insuq lura d-dar mix-xogħol mimli eċċitament biex immur insegwi fuq it-televiżjoni lit-tim nazzjonali tagħna tal-futbol jilgħab fit-Tazza tad-Dinja. Ftit wara li bdejt insuq, mill-bogħod jiena stajt nara raġel fuq il-bankina jimbotta ‘l quddiem is-siġġu tar-roti tiegħu, u stajt ninnota li dan is-siġġu kien imlibbes bil-bandiera tagħna tal-Brażil. Jien kont naf li bħali huwa wkoll kien sejjer lejn id-dar biex isegwi l-logħba!

Meta wasalt ħdejh u għajnejja spiċċaw iħarsu f’ għajnejh, għal frazzjoni ta’ sekonda, ħassejtni verament ħaġa waħda ma’ dak ir-raġel! Aħna konna sejrin f’ direzzjoni differenti, ma konniex nafu lil xulxin u kien evidenti li l-kundizzjoni soċjali u fiżika tagħna kienet differenti, iżda mikejja dan il-passjoni li t-tnejn li aħna kellna għall-futbol u għal pajjiżna wasslitna biex għal dak il-mument inħossuna ħaġa waħda! Sal-lum lil dak ir-raġel qatt ma rajtu aktar, iżda Illum, iktar minn għoxrin sena wara, jien xorta waħda għadni nara quddiem għajnejja dawk l-għajnejn u nħoss fija dik il-konnessjoni qawwija li kont ħassejt ma’ dak ir-raġel. Wara kollox, aħna konna rbaħna dik il-logħba u dik is-sena konna rbaħna wkoll it-Tazza tad-Dinja!

Minkejja d-differenzi ta’ bejnietna, fil-Knisja l-Mulej jistenna minna li nkunu ħaġa waħda! Fid-Duttrina u Patti Huwa qal, “Kunu ħaġa waħda; u jekk m’intomx ħaġa waħda m’intomx tiegħi.”1

Hekk kif aħna lkoll nidħlu f’ xi dar tal-laqgħat biex inqimu bħala grupp, aħna għandna nħallu warajna d-differenzi kollha ta’ bejnietna, inkluż ir-razza, l-istat soċjali u l-preferenzi politiċi tagħna u l-kisbiet akkademiċi u professjonali tagħna u minflok għandna nikkonċentraw fuq l-oġġettivi spiritwali li huma komuni bejnietna. Waqt is-sagrament aħna nkantaw l-innijiet u nixtarru flimkien dwar l-istess patti u wara xi diskors, xi lezzjoni u xi talba aħna, b’ vuċi waħda, ngħidu flimkien “amen”—li jfisser li flimkien aħna naqblu ma’ dak li ħaddieħor ikun għadu kif qasam magħna.

Dawn il-ħwejjeġ li aħna nagħmlu flimkien jgħinu biex fil-kongregazzjoni jinħoloq sens profond ta’ għaqda.

Madankollu, dak li verament jiddetermina, isaħħaħ jew jeqred l-għaqda tagħna hu l-mod kif aħna naġixxu meta aħna nkunu ninsabu ‘l bogħod mill-membri tal-Knisja tagħna. Kif nafu lkoll, hija ħaġa inevitabbli u normali li aħna eventwalment nitkellmu dwar xulxin.

Jiddependi minn dak li aħna nagħżlu li ngħidu fuq xulxin, kliemna jista’ jwassal kemm biex “jorbot qlubna flimkien f’ għaqda,”2 kif Alma għallem lil dawk li huwa għammed fl-Ilmijiet ta’ Mormon, jew inkella biex jeqred l-imħabba, il-fiduċja u r-rieda tajba li jeħtieġ li teżisti bejnietna.

Hemm kummenti li b’mod sottili jeqirdu l-għaqda, bħal per eżempju “Iva, huwa isqof tajjeb; imma trid tarah meta kien għadu żagħżugħ!”

Verżjoni aktar kostruttiva ta’ dan tista’ tkun “Kemm hu twajjeb l-isqof, u mas-snin verament kiber kemm fil-maturità kif ukoll fl-għerf.”

Ħafna drabi aħna npoġġu tikketta permanenti fuq in-nies billi nlissnu kliem bħal “Il-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna tagħna ma tfiq qatt; verament għandha rasha iebsa!” B’ kuntrast, aħna nistgħu ngħidu, “Il-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna tagħna dan l-aħħar kienet anqas flessibbli mis-soltu; jista’ jkun li għaddejja minn żmien diffiċli. Ejjew ngħinuha u nsostnuha!”

Ħuti, aħna m’għandna l-ebda dritt li npinġu lil xi ħadd, inkluż dawk li jinsabu fiċ-ċirku tagħna tal-Knisja, bħala xi prodott ħażin li diffiċli jissewwa! Pjuttost, kliemna dwar għajrna għandu jirrifletti t-twemmin tagħna f’ Ġesù Kristu u fl-Att tal-Fidwa Tiegħu u li Fih u permezz Tiegħu, aħna nistgħu dejjem ninbidlu għall-aħjar!

Xi wħud jibdew jikkritikaw u jibdew jitbiegħdu mill-mexxejja u l-membri tal-Knisja għal kull ħaġa ta’ xejn.

Da kien il-kas ta’ raġel jismu Simonds Ryder, li sar membru tal-Knisja fl-1831. Wara li qara rivelazzjoni li kienet indirizzata lejh, huwa ħassu mħawwad meta ra li bi żball ismu ġie spellut Rider, bl-ittra i minflok bl-ittra y. Ir-reazzjoni tiegħu għal dan wasslet biex huwa jibda jiddubita lill-profeta u dan eventwalment wasslu biex jippersegwita lil Joseph kif ukoll biex jitbiegħed mill-Knisja.3

Hemm ukoll iċ-ċans li xi darba aħna lkoll nesperjenzaw xi twiddiba mill-mexxejja ekkleżjastiċi tagħna, li jaf ikun test li jipprova kemm verament aħna ninsabu ħaġa waħda magħhom.

Jiena kien għad kelli biss 11-il sena, iżda niftakar li 44 sena ilu, id-dar tal-laqgħat fejn il-familja tiegħi kienet tattendi kellha bżonn li jsirulha numru ta’ alterazzjonijiet mhux ħażin. Qabel beda dan ix-xogħol, saret laqgħa li fiha l-mexxejja kemm lokali kif ukoll tar-reġjun kellhom jiddiskutu kif il-membri setgħu jipparteċipaw fil-ħidma li kellha ssir. Missieri, li kien għamel żmien jippresedi fuq dak il-unit, esprima l-opinjoni mill-aktar ċara tiegħu li dan ix-xogħol kellu jsir minn kuntrattur u mhux minn nies dilettanti.

Mhux biss l-opinjoni tiegħu ma ġietx milqugħa, iżda konna smajna li dak inhar huwa kien ġie verament imċanfar pubblikament. Dan kien raġel li kien verament iddedikat għall-Knisja u kien ukoll suldat tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa, imdorri jirreżisti u jiġġieled għal dak li jemmen fih! Wieħed seta’ jimmaġina x’ setgħet kienet ir-reazzjoni tiegħu wara dan l-inċident. Tgħid kien se jkompli jippersisti bl-opinjoni tiegħu u jkompli jopponi d-deċiżjoni li diġà kienet ittieħdet?

Kien hemm numru ta’ familji fil-qasam tagħna li konna rajniehom jiddgħajfu fl-evanġelju u waqfu jattendu l-laqgħat minħabba li ma setgħux ikunu ħaġa waħda ma’ dawk li kienu qed imexxu. Jiena stess rajt ukoll ħafna minn sħabi mill-Primarja li fiż-żogħżija tagħhom ma baqgħux aktar fidili għaliex il-ġenituri tagħhom kienu dejjem jaraw kif se jsibu xi difett fil-membri li kienu jattendu l-Knisja.

Missieri, madankollu, iddeċieda li jibqa’ ħaġa waħda ma’ sħabu l-Qaddisin. Xi ftit jien wara, meta l-membri tal-qasam bdew jinġabru biex jgħinu fil-bini, huwa “stieden” lill-familja tagħna biex immorru miegħu fid-dar tal-laqgħat, biex aħna noffru l-għajnuna tagħna f’ dak kollu li kien meħtieġ.

Jien irrabjajt ħafna. Ħassejtni rrid nistaqsih, “Pà, għalfejn sejrin ngħinu fil-bini jekk inti kont kontra li l-membri jagħmlu dan?” Iżda l-ħarsa li kellu fuq wiċċu żammitni milli nagħmel dan. Jiena ridt li nħossni tajjeb għad-dedikazzjoni mill-ġdid tal-bini. Għalhekk fortunatament, iddeċidejt li nibqa’ sieket u sempliċiment immur u ngħin fil-bini!

Missieri ma laħaqx ra l-kappella l-ġdida titlesta, għaliex huwa miet qabel tlesta x-xogħol. Iżda aħna, fil-familja tagħna, li issa kienet imexxija minn ommi, komplejna nagħmlu l-parti tagħna sakemm tlestiet, u dan żammna magħqudin ħaġa waħda ma’ missieri, mal-membri tal-Knisja, mal-mexxejja tagħna u, fuq kollox, mal-Mulej!

Mumenti biss qabel l-esperjenza doloruża Tiegħu fil-Ġetsemani, meta Ġesù kien qed jitlob lill-Missier għall-Appostli Tiegħu u għalina l-Qaddisin kollha, Huwa qal, “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda, kif inti fija, Missier, u jiena fik.”4

Ħuti, jiena nixhed li hekk kif aħna niddeċiedu li nkunu ħaġa waħda mal-membri u l-mexxejja tal-Knisja—kemm meta nkunu miġburin flimkien u speċjalment meta nkunu ‘l bogħod minn xulxin—aħna nħossuna wkoll magħqudin perfettament ma’ Missierna tas-Smewwiet u mas-Salvatur. F’ isem Ġesù Kristu, amen.