2010-2019
Aħna Lilu Nafdaw? Iż-Żminijiet Diffiċli Huma Tajbin
Ottubru 2017


Aħna Verament Nafdawh? Iż-Żminijiet Diffiċli Huma Tajbin

Tkun xi tkun is-sitwazzjoni, iż-żminijiet diffiċli jistgħu jkunu tajbin għal dawk li jimxu ‘l quddiem bil-fidi u jafdaw fil-Mulej u fil-pjan Tiegħu.

Qabel ma nibda, bħala wieħed li nirrappreżenta lilna lkoll li ġejna milqutin mid-devastazzjoni tal-uragani u mit-terrimoti li seħħew riċentiment, jiena nixtieq nesprimi minn qalbi l-apprezzament tiegħi għal kull wieħed u waħda li kienu parti mill-Idejn tal-Għajnuna kif ukoll lill-koordinaturi tagħhom, li wasslulna tant għajnuna u tama.

F’ Ottubru 2006, jiena kont għamilt l-ewwel diskors tiegħi waqt il-konferenza ġenerali. Jien kont ħassejt li messaġġ importanti għall-Knisja dinjija kellu jinkludi fih id-dikjarazzjoni “Il-Mulej jafdana!”

Huwa verament jafdana f’ ħafna affarijiet. Huwa tana l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u, f’ din id-dispensazzjoni, il-milja sħiħa tiegħu. Huwa fdana bl-awtorità saċerdotali Tiegħu, kompluta bl-imfietaħ neċessarji kollha relatati magħha. Permezz ta’ din il-qawwa aħna nistgħu nbierku, inservu, nirċievu l-ordinanzi u nagħmlu l-patti. Huwa jafdana bil-Knisja rrestawrata Tiegħu, inkluż it-tempju mqaddes. Huwa jafda lill-qaddejja Tiegħu bil-qawwa tas-siġill—biex jorbtu fuq l-art u jkun marbut fis-sema! Huwa saħansitra jafdana biex aħna nkunu l-ġenituri u l-għalliema ta’ wliedu kif ukoll inkunu dawk li nieħdu ħsiebhom.

Wara dawn is-snin kollha li għamilt inservi bħala Awtorità Ġenerali f’ diversi postijiet madwar id-dinja, jiena niddikjara sewwasew b’ akbar ċertezza minn qatt qabel: Huwa jafdana.

Issa l-mistoqsija għal din il-konferenza hi “Aħna verament nafdawh?”

Aħna Verament Nafdawh?

Il-President Thomas S. Monson spiss ifakkarna f’ dak li hemm miktub fl-iskrittura: “afda fil-Mulej b’ qalbek kollha; u tafdax fl-għaqal tiegħek.

“Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.

“Toqgħodx taħseb kemm inti għaref” (Proverbji 3:5–7).

Aħna verament nafdaw li l-kmandamenti Tiegħu huma għall-aħjar tagħna? Li l-mexxejja Tiegħu, għalkemm imperfetti, imexxuna fis-sewwa? Li l-wegħdiet Tiegħu huma ċerti? Aħna verament nafdaw li Missierna tas-Smewwiet u Ġesù Kristu lilna jafuna u jridu jgħinuna? Sewwasew f’ nofs il-problemi, l-isfidi u d-diffikultajiet kollha tal-ħajja, aħna xorta waħda nibqgħu nafdaw fih?

Meta jiena nħares lura fi żmien, ninduna li jien irnexxieli nitgħallem uħud mill-akbar lezzjonijiet f’ ħajti sewwasew fl-aktar żminijiet diffiċli—kemm fiż-żogħżija tiegħi, waqt il-missjoni tiegħi, fil-bidu ta’ karriera ġdida, waqt li kont qed nipprova nkabbar is-sejħiet tiegħi, meta kont qed inrabbi familja kbira jew meta b’ diffikultà kont qed nipprova nfendi għal rasi. Jidher b’ mod ċar li ż-żminijiet diffiċli huma tajbin!

Iż-Żminijiet Diffiċli Huma Tajbin

Iż-żminijiet diffiċli jgħinuna biex insiru aktar b’ saħħitna, aktar umli u jagħtuna ċ-ċans nippruvaw lilna nfusna. Il-pijunieri tal-karrijiet tal-idejn għeżież tagħna għarfu lil Alla fiċ-ċirkustanzi estremi tagħhom. Għalfejn kien hemm bżonn ta’ żewġ kapitli sħaħ biex Nefi u ħutu jiksbu l-pjanċi tal-bronż u tliet versi biss biex jikkonvinċu lill-membri tal-familja ta’ Ismagħel biex jingħaqdu magħhom fid-deżert? (Ara 1 Nephi 34; 7:3–5). Jidher li l-Mulej ried isaħħaħ lil Nefi permezz tad-diffikultà kollha li ħabbat wiċċu magħha biex jikseb il-pjanċi.

L-affarijiet diffiċli f’ ħajjitna m’għandhomx jissorprenduna. Wieħed mill-ewwel patti li aħna nagħmlu mal-Mulej hu li ngħixu l-liġi tas-sagrifiċċju. Skont it-tifsira tiegħu, sagrifiċċju jinvolvi li aħna noffru xi ħaġa li verament inħobbu. Mill-esperjenza aħna nirrealizzaw li dan huwa biss prezz żgħir li aħna nħallsu mqabbel mal-barkiet li nirċievu wara. Taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Smith, intqal li “r-reliġjon li ma teħtieġ minna li aħna nissagrifikaw kollox qatt ma jista’ jkollha qawwa suffiċjenti biex tipproduċi l-fidi neċessarja għall-ħajja u s-salvazzjoni.”1

Il-membri tad-Divinità ċertament huma familjari ma’ mumenti diffiċli. Alla l-Missier issagrifika lill-Iben Imnissel Waħdieni Tiegħu fejn Huwa esperjenza s-sofferenza terribbli tal-Att tal-Fidwa, li tinkludi l-mewt fuq is-salib. L-iskrittura tgħid li Ġesù Kristu tgħallem “minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza” (Lhud 5:8). Huwa minn jeddu sofra l-agunija tal-Att tal-Fidwa. L-Ispirtu s-Santu verament għandu bżonn tas-sabar biex jibqa’ kontinwament iħeġġiġna, iwiddibna u jiggwidana, biex imbagħad wara kollox aħna sempliċiment ninjorawh, ninterpretawh ħażin jew lanqas biss nagħtu kasu.

Parti mill-Pjan

Iż-żminijiet diffiċli huma parti mill-pjan tal-evanġelju. Wieħed mill-għanijiet ta’ din il-ħajja hu li aħna niġu ppruvati (ara Abraham 3:25). Ftit huma n-nies li sofrew aktar inġustament min-nies ta’ Alma. Huma ħarbu mill-ħakma tas-Sultan Noè, biex xorta waħda spiċċaw skjavi tal-Lamaniti! Permezz ta’ dawk l-isfidi l-Mulej għallimhom li Huwa jwiddeb lill-poplu Tiegħu u jipprova “l-paċenzja tagħhom u l-fidi tagħhom” (Mosiah 23:21).

Waqt iż-żminijiet terribbli ġewwa ċ-Ċella ta’ Liberty, il-Mulej għallem lil Joseph Smith u qallu “irreżisti b’ kuraġġ” (D&C 121:8) u wiegħed li jekk huwa jagħmel dan, “dan kollu se jagħtik l-esperjenza, u se jkun għall-aħjar tiegħek” (D&C 122:7).

Il-President Thomas S. Monson talabna, “Jalla aħna dejjem nagħżlu s-sewwa li jaf ikun aktar diffiċli, milli nagħżlu dak li hu eħfef, li jaf ikun aktar faċli.”2 Rigward it-tempji tagħna, huwa ddikjara li “l-ebda prezz mhu għoli żżejjed, l-ebda taqbida mhi diffiċli wisq biex inkunu nistgħu nirċievu dawk il-barkiet.”3

Fid-dinja tan-natura, iż-żminijiet diffiċli huma parti miċ-ċirku tal-ħajja. Huwa żmien diffiċli għall-fellus tat-twelid li jkisser il-qoxra tal-bajda biex joħroġ minnha. Iżda meta xi ħadd jipprova jagħmilhielu aktar faċli, il-fellus ma jiżviluppax s-saħħa neċessarja biex ikun jista’ jgħix. Bl-istess mod, id-diffikultajiet li jiffaċċja l-farfett biex jaħrab mill-fosdqa tal-larva jispiċċaw isaħħuh għall-ħajja li jkun se jgħix.

Permezz ta’ dawn l-eżempji, aħna naraw li ż-żminijiet diffiċli huwa xi ħaġa kostanti! Aħna lkoll niffaċċjaw l-isfidi. Dak li jvarja hu r-reazzjoni tagħna għaż-żminijiet diffiċli.

Fi żmien partikolari, xi nies fil-Ktieb ta’ Mormon sofrew “persekuzzjoni kbira” u “tant sofferenza” (Helaman 3:34). Huma kif irreaġixxew? “Huma għaddew ħafna ħin isumu u jitolbu, u komplew dejjem jissaħħu fl-umiltà, u fil-fidi tagħhom fi Kristu sakemm ruħhom imtliet bil-ferħ u l-konsolazzjoni” (Helaman 3:35). Eżempju ieħor seħħ wara snin twal ta’ gwerra: “Minħabba d-dewmien enormi tal-gwerra bejn in-Nefiti u l-Lamaniti kienu ħafna li spiċċaw webbsu qalbhom, … u ħafna oħrajn spiċċaw rattbuha minħabba s-sofferenza tagħhom, hekk li waslu biex ċekknu lilhom infushom quddiem Alla” (Alma 62:41).

Aħna lkoll nagħżlu xi tkun r-reazzjoni tagħna għaż-żminijiet diffiċli.

Oqogħdu Attenti minn Dak li Hu Faċli

Qabel ġejt imsejjaħ għal din is-sejħa jiena kont konsulent finanzjarju ġewwa Houston, Texas. Kont naħdem ħafna ma’ multimiljunarji li kellhom in-negozji tagħhom. Kważi kollha kemm huma kienu ħolqu n-negozju ta’ suċċess tagħhom mix-xejn, billi ħadmu iebes. L-aktar ħaġa ta’ diqa għalija kienet meta jien kont nismagħhom jgħidu li issa huma jridu jagħmluha faċli għal uliedhom. Huma ma ridux li uliedhom isofru daqs kemm kienu sofrew huma. Fi kliem ieħor, huma kienu se jċaħħdu lil uliedhom propju minn dik il-ħaġa li wasslithom biex jirnexxu.

B’ kuntrast għal dan, aħna nafu b’ familja li kellhom atteġġjament differenti. Il-ġenituri ispiraw ruħhom mill-esperjenza ta’ J. C. Penney fejn, meta huwa għalaq tmien snin, missieru qallu li minn dak inhar ‘il quddiem huwa kellu jaqdef għal rasu finanzjarjament. Huma addattaw dan għas-sitwazzjoni tagħhom: hekk kif uliedhom ggradwaw mill-iskola sekondarja, huma kellhom ifendu għal rashom finanzjarjament—biex ikomplu jistudjaw (università) u biex jieħdu ħsieb finanzjarjament tagħhom infushom (ara D&C 83:4). Fortunatament, it-tfal irreaġixxew b’ mod għaqli. Ilkoll kemm huma ggradwaw mill-università—mingħajr ma ddependew fuq ħadd. Ma kienx faċli, iżda hekk għamlu. Huma għamlu dan billi ħadmu iebes u permezz tal-fidi.

Fidi li Nafdaw Fih

Minflok nistaqsu “Aħna lilu nafdawh?” ikun aħjar jekk nistaqsu, “Aħna għandna l- fidi li lilu nafdawh?”

Aħna għandna l- fidi biex nafdaw fil-wegħdiet Tiegħu rigward il-ħlas tad-dieċmi li b’ 90 fil-mija tad-dħul tagħna flimkien mal-għajnuna li jagħtina l-Mulej, aħna nkunu ferm aħjar milli bil-100 fil-mija mingħajr l-għajnuna Tiegħu?

Għandna biżżejjed fidi li nafdaw li Huwa jżurna fis-sofferenza tagħna (ara Mosiah 24:14), li Huwa jeħodha ma’ dawk li joħduha magħna (ara Isaija 49:25; 2 Nephi 6:17), u li Huwa jikkonsagra s-sofferenza tagħna għall-aħjar tagħna? (Ara 2 Nephi 2:2).

Aħna lesti li neżerċitaw il- fidi neċessarja biex inżommu l-kmandamenti Tiegħu ħalli Huwa jkun jista’ jberikna b’ mod temporali kif ukoll spiritwali? U aħna lesti li nibqgħu fidili sat-tmiem ħalli Huwa jkun jista’ jilqagħna fil-preżenza Tiegħu? (ara Mosiah 2:41).

Ħuti, aħna jista’ jkollna fidi biżżejjed li nafdawh! Huwa jrid l-aħjar għalina (ara Moses 1:39). Huwa jisma’ t-talb tagħna (ara D&C 112:10). Huwa jżomm il-wegħdiet Tiegħu (ara D&C 1:38). Huwa għandu l-qawwa li jżomm dawk il-wegħdiet (ara Alma 37:16). Huwa jaf kollox! U fuq kollox, Huwa jaf x’inhu l-aħjar (ara Isaija 55:8–9).

Dinja Perikoluża

Id-dinja tagħna llum hija waħda mill-aktar diffiċli. Madwarna jeżisti ħażen rampanti, il-korruzzjoni tinsab f’ kull pajjiż, it-terroriżmu qed jolqot saħansitra postijiet li minn dejjem kienu nieqsa mill-periklu, l-ekonomiji qed ifallu, kull fejn tisma’ qgħad, mard, diżastri naturali, gwerer ċivili, dittaturi, eċċ. Aħna x’ għandna nagħmlu? Tgħid naħarbu l-periklu jew nibqgħu nikkumbattu? Xl-aħjar li nagħmlu? Tkun xi tkun l-għażla, tista’ tkun waħda perikoluża. Kien ta’ periklu għal George Washington u l-armati tiegħu li jiġġieldu iżda kien ta’ periklu wkoll għall-antenati tagħna li jaħarbu. Kien ta’ periklu għal Nelson Mandela li jiġġieled għall-ħelsien. Jingħad li dak li huwa meħtieġ biex il-ħażen joħroġ rebbieħ hu li n-nies twajbin jibqgħu ma jagħmlu xejn.4

Tibżgħux!

F’ dak kollu li nagħmlu, m’għandniex niddeċiedu jew naġixxu fi spirtu ta’ biża’. Fil-verità, “Alla ma taniex spirtu ta’ biża’ imma ta’ qawwa” (2 Timotju 1:7). (Tirrealizzaw li l-idea ta’ “tibżgħux” hija enfasizzata mal-iskrittura kollha?) Il-Mulej għallimni li l-iskoraġġiment u l-biża’ huma l-għodda li juża l-avversarju. It-tweġiba tal-Mulej għaż-żminijiet diffiċli hi li nimxu ‘l quddiem b’ fidi.

X’ Inhu Diffiċli?

Ilkoll kemm aħna jaf għandna opinjoni differenti dwar x’inhu diffiċli. Xi wħud jikkunsidraw diffiċli li jħallsu d-dieċmi meta l-finanzi tagħhom ma tantx ikunu tajbin. Il-mexxejja xi kultant isibuha diffiċli li huma jkunu jistennew mill-foqra li huma wkoll iħallsu d-dieċmi. Jaf ikun diffiċli għal xi wħud minna li nibqgħu mexjin ‘il quddiem b’ fidi li xi darba se niżżewġu jew ikollna familja. Hemm dawk li jsibuha diffiċli “li jkunu kuntenti b’ dak li tahom il-Mulej” (Alma 29:3). Jaf ikun diffiċli li nkunu kuntenti bis-sejħa kurrenti tagħna (ara Alma 29:6). Id-dixxiplina tal-Knisja taf tidher ħaġa mill-aktar diffiċli, iżda għal xi wħud tkun tfisser il-bidu tal-proċess tal-vera indiema.

Tkun xi tkun is-sitwazzjoni, iż-żminijiet diffiċli jistgħu jkunu tajbin għal dawk li jimxu ‘l quddiem bil-fidi u jafdaw fil-Mulej u fil-pjan Tiegħu.

Ix-Xhieda Tiegħi

Ħuti, jiena nixhed li dawn il-mexxejja li jinsabu bilqiegħda warajja ġew imsejħin minn Alla. Ix-xewqa tagħhom hi li jaqdu lill-Mulej u jgħinuna nistabbilixxu l-evanġelju f’ qalbna. Jiena nħobbhom u nsostnihom.

Jiena nħobb lis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Jiena nimmeravilja ruħi li Huwa ħabb lill-Missier u lilna tant li sar is-Salvatur u l-Feddej tagħna; li minħabba dan, Huwa kellu jsofri tant li Huwa spiċċa “triegħed minħabba l-uġigħ, u xerred demmu mill-pori kollha tiegħu u sofra kemm fil-ġisem kif ukoll fl-ispirtu” (D&C 19:18). Madankollu meta sab ma’ wiċċu din is-sitwazzjoni daqstant diffiċli, Huwa qal lill-Missier, “Tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi” (Luqa 22:42). Jiena nifraħ bil-kliem tal-anġlu: “M’huwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal” (Mattew 28:6).

L-eżempju Tiegħu verament huwa “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġwanni 14:6). Hu biss jekk aħna nimxu wara dak l-eżempju li aħna nistgħu nsibu “il-paċi f’ din id-dinja u l-ħajja eterna fid-dinja li jmiss” (D&C 59:23). Hekk kif jiena mxejt wara l-eżempju Tiegħu u applikajt f’ ħajti t-tagħlim Tiegħu, jiena sirt naf għalija nnifsi li “l-egħżeż u l-akbar ġid li hu wegħedna” (2 Peter 1:4) hu kollu veru.

L-akbar xewqat tiegħi huma li nieqaf ma’ Mormon bħala dixxiplu veru ta’ Ġesù Kristu (ara 3 Nephi 5:13) u li xi darba nisma’ minn fommu l-kliem, “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil” (Mattew 25:21). F’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Lectures on Faith (1985), 69.

  2. Thomas S. Monson, “Choices,” Liahona, Mejju 2016, 86.

  3. Thomas S. Monson, “The Holy Temple—a Beacon to the World,” Liahona, Mejju 2011, 92.

  4. Ara John Stuart Mill, Inaugural Address: Delivered to the University of St. Andrews, 1 ta’ Frar, 1867 (1867), 36.