2010-2019
Żmien il-Mirakli Għadda?
Ottubru 2017


Żmien il-Mirakli Għadda?

L-attenzjoni suprema tagħna għandha tkun iffukata fuq il-mirakli spiritwali li huma disponibbli għall-ulied kollha ta’ Alla.

Sena ilu, waqt li jiena kont fuq xogħol assenjat lili ġewwa l-istat ta’ Kalifornja, jiena mort, flimkien mal-president tal-wited, niltaqa’ ma’ Clark u Holly Fales u mal-familja tagħhom ġewwa d-dar tagħhom. Kont ġejt mgħarraf li riċentiment huma kienu esperjenzaw miraklu. Meta aħna wasalna għandhom, ġie jilqagħna Clark li bilkemm kellu saħħa jieqaf fuq saqajh peress li kien liebes ċinga ma’ dahru, kullar ma’ għonqu u kellu wkoll dirgħajh infaxxati.

Kien biss xahrejn qabel li Clark, ibnu Ty u madwar 30 żagħżugħ u l-mexxejja tagħhom irħewlha għal avventura kbira tal-wited, fejn marru jimxu sal-quċċata tal-Muntanja Xasta, għolja 14,180 pied (4,322 m), waħda mill-ogħla muntanji f’ Kalifornja. Fit-tieni jum ta’ din il-mixja diffiċli, ħafna mill-alpinisti rnexxielhom jaslu sal-quċċata— sodisfazzjon kbir miksub grazzi għal xhur sħaħ ta’ tħejjija.

Wieħed mill-ewwel nies li dak inhar laħqu l-quċċata kien Clark. Wara li għamel ftit ħin jistrieħ ħdejn xifer l-irdum, huwa qam u beda jimxi. Hekk kif għamel dan, huwa tfixkel u waqa’ għal dahru minn xifer l-irdum, fejn sofra waqgħa ta’ madwar 40 pied (12 m) imbagħad iżerżaq bla kontroll fuq 300 pied silġ (91 m) għal isfel. B’ meravilja kbira, Clark baqa’ ħaj, iżda spiċċa korra severament u ma setax jiċċaqlaq.

Il-mirakli li esperjenza Clark waqt din il-ġrajja mill-aktar trawmatika kienu għadhom biss il-bidu. Uħud mill-ewwel nies li waslu ħdejh “kumbinazzjoni” kienu grupp ta’ nies li kienu marru għal mixja hemmhekk u fosthom kien hemm gwidi ta’ salvataġġ tal-muntanja u professjonisti fil-qasam tal-emerġenza medika. Immedjatament huma għenu lil Clark minħabba l-qatgħa li kellu fuqu u pprovdewlu ħwejjeġ biex ma jiksaħx. Dan il-grupp “kumbinazzjoni” kien qiegħed hemm jittestja apparat ġdid ta’ komunikazzjoni u huma bagħtu talba ta’ emerġenza minn post fejn ma kienx possibli li taqbad b’ mowbajl. Ma damx wisq biex fuq il-Muntanja Xasta wasal ħelikopter żgħir li kien jinsab siegħa ‘l bogħod minnhom. Wara żewġ attentati mill-aktar perikolużi iżda bla suċċess biex jillandja fuq altitudni mill-aktar diffiċli għal ħelikopter żgħir bħal dak, bir-riħ jonfoħ b’ qawwa kbira, il-pilota reġa’ pprova għat-tielet u l-aħħar darba. Hekk kif il-ħelikopter ipprova jagħmel l-inżul tiegħu minn anglu differenti, ir-riħ “kumbinazzjoni” dar u l-ħelikopter irnexxielu jillandja għal ħin twil biżżejjed biex dan il-grupp b’ ħeffa u b’ diffikultà daħħlu lil Clark fil-kompartiment żgħir ta’ wara s-sit tal-pilota.

Meta Clark ġie eżaminat fiċ-ċentru tal-emerġenza, it-testijiet urew li huwa kien sofra għadd ta’ ksur f’ għonqu, f’ dahru, fil-kustilji u fil-polz tiegħu; kif ukoll toqba fil-pulmun; u għadd ta’ qatgħat u brix. Wieħed kirurgu tan-newrotrawma mill-aktar rinomat “kumbinazzjoni” dak inhar kien xogħol; huwa jżur biss dan l-isptar ftit jiem fis-sena. Dan it-tabib aktar tard iddikjara li huwa qatt qabel ma kien ra lil xi ħadd li sofra daqstant ħsara fin-nerv tas-sinsla u fl-arterji karotidi u xorta baqa’ ħaj. Clark mhux biss kien mistenni jgħix iżda kien mistenni wkoll li ġismu jerġa’ jibda jiffunzjona b’ mod sħiħ. Wara li ddeskirva lilu nnifsu bħala bniedem agnostiku, il-kirurgu qal li l-każ ta’ Clark kien jikkontradixxi t-tagħlim xjentifiku kollu tiegħu dwar il-korrimenti newroloġiċi u seta’ biss jiddeskrivih bħala miraklu.

Hekk kif Clark u Holly waqfu jitkellmu dwar dan il-każ mill-aktar intens, jiena bilkemm kont naf x’ se naqbad ngħid. Dan ma kienx biss minħabba l-mirakli ovvji li kienu seħħew, iżda minħabba miraklu pjuttost akbar minnhom. Jiena ġewwa fija ħassejt b’ qawwa—xhieda spiritwali—li Holly u l-ħames uliedhom kollha li kienu bilqiegħda fis-salott ħdejn il-ġenituri tagħhom kellhom fidi tant qawwija li ultimament huma kienu jaslu jaċċettaw kull eżitu li seta’ kien hemm dak inhar u xorta waħda kienu jaslu biex jissaħħu spiritwalment. Clark u Holly u ż-żewġ uliedhom il-kbar, Ty u Porter, jinsabu magħna llum fiċ-Ċentru tal-Konferenza.

Hekk kif kont qed nixtarr dwar l-esperjenza tal-familja Fales, jiena bdejt naħseb b’ mod profond dwar iċ-ċirkustanzi ta’ ħafna nies oħrajn. Xi ngħidu dwar l-għadd kbir ta’ Qaddisin tal-Aħħar Jiem ta’ fidi u tama qawwija, li jirċievu l-barkiet saċerdotali, li f’ isimhom isir ħafna talb, li jżommu l-patti tagħhom iżda madankollu l-miraklu għalihom qatt ma jasal? Għallinqas mhux bil-mod kif huma jifhmu bil-kelma miraklu. Għallinqas bil-mod li oħrajn jidhru li jirċievu l-mirakli.

Xi ngħidu dwar dawk li ilhom isofru minħabba tant sofferenza mill-aktar profonda—fiżika, mentali u emozzjonali—għal għexieren ta’ snin sħaħ jew saħansitra tul il-ħajja mortali tagħhom kollha? Xi ngħidu dwar dawk li jmutu ta’ età vera żgħira?

Xahrejn ilu biss, żewġ koppji miżżewġin li kienu jħaddnu rakkomandazzjoni tat-tempju flimkien ma’ tlitt itfal tagħhom li kienu missjunarju full-time u ħamest itfal oħra tagħhom, marru għal dawra qasira f’ ajruplan żgħir. Jiena ċert li qabel telqu huma offrew talba biex jiġu skansati minn kull periklu u talbu wkoll b’ qawwa meta l-ajruplan tagħhom żviluppa problemi mekkaniċi mill-aktar serji qabel iġġarraf. Ħadd minnhom ma salva. Xi ngħidu għalihom?

Tgħid għandhom raġun in-nies twajbin u l-maħbubin tagħhom jistaqsu l-mistoqsija li għamel Mormon: “Żmien il-mirakli għadda?”1

L-għarfien limitat tiegħi ma jistax jispjega għalfejn xi drabi jkun hemm intervent divin u drabi oħra le. Iżda jista’ jkun li aħna ma nifmux sewwa x’ jikkostitwixxi verament miraklu.

Ħafna drabi aħna niddeskrivu miraklu bħala fejqan mingħajr ebda spjegazzjoni sħiħa mix-xjenza medika jew meta wieħed jinħeles minn xi periklu katastrofiku wara li jkun ta każ tal-vuċi siekta u ċara ta’ ġo fih. Madankollu, jekk aħna niddefinixxu miraklu bħala “avveniment ta’ benefiċċju li ġie fis-seħħ permezz ta’ qawwa divina li n-nies mortali ma jifhmux”2 iwassalna biex ikollna perspettiva aktar wiesgħa dwar ħwejjeġ ta’ natura aktar eterna. Din it-tifsira tagħtina ċ-ċans ukoll li nikkontemplaw dwar l-irwol importanti tal-fidi fejn jidħlu l-mirakli.

Moroni għallem, “Fl-ebda żmien ħadd qatt ma ġab fis-seħħ il-mirakli jekk l-ewwel ma weriex il-fidi tiegħu.”3 Ammonin iddikjara, “Alla pprovda mezz li bih il-bniedem, permezz tal-fidi, jista’ jġib fis-seħħ mirakli setgħana.”4 Il-Mulej żvela lil Joseph Smith, “Għaliex jiena Alla, … u jien nuri l-mirakli … lil dawk kollha li jemmnu f’ ismi.”5

Is-Sultan Nabukodonosor saħaq li Sidrak, Mesak u Għabednegu jaduraw ix-xbieha tad-deheb li huwa poġġa bħala alla, fejn heddidhom, “Jekk ma tqimuhiex, tkunu minnufih mixħutin f’nofs forn ta’ nar iħeġġeġ.” Imbagħad huwa beżżagħhom billi qalilhom “Liema hu dak alla li se jeħliskom minn idejja?”6

Dawn it-tliet dixxipli devoti qalu: “Jekk inhu tassew hekk, Alla tagħna, li aħna nqimu, jista’ jeħlisna mill-forn tan-nar iħeġġeġ. … U mqar jekk le, kun af, sultan, li allatek m’aħniex se naqduhom.”7

Huma kellhom fiduċja sħiħa li Alla seta’ jsalvahom, “u mqar jekk le,” huma kellhom fidi sħiħa fil-pjan Tiegħu.

Bl-istess mod, il-Presbiteru David A. Bednar darba staqsa lil wieħed żagħżugħ li kien talab għal barka saċerdotali, “Jekk hija r-rieda ta’ Missierna tas-Smewwiet li fiż-żogħżija tiegħek inti tiġi ttrasferit permezz tal-mewt għad-dinja tal-ispirtu biex tkompli l-ministeru tiegħek, għandek inti l-fidi li tissottometti ruħek għar-rieda Tiegħu u ma tiġix imfejjaq?”8 Verament aħna għandna l-fidi “li ma nitfejqux” mis-sofferenza li għaddejin minnha f’ din id-dinja biex inkunu nistgħu nitfejqu eternament?

Mistoqsija mill-aktar importanti li għandna nixtarru hi “Aħna fiex għandna l-fidi?” Il-fidi tagħna hija ffukata sempliċiment fir-rieda tagħna li ninħelsu mill-uġigħ u s-sofferenza, jew hija ċċentrata b’ qawwa fuq Alla l-Missier u l-pjan Qaddis Tiegħu u fi Kristu Ġesù u l-Att tal-Fidwa Tiegħu? Il-fidi fil-Missier u l-Iben tagħtina ċ-ċans li nifhmu u naċċettaw ir-rieda Tagħhom hekk kif nħejju ruħna għall-eternità.

Illum jiena nixhed dwar il-mirakli. Li aħna wlied Alla huwa miraklu.9 Li rċevejna ġisem fi xbieha Tiegħu huwa miraklu.10 Ir-rigal ta’ Salvatur huwa miraklu.11 L-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu huwa miraklu.12 Il-potenzjal tagħna li niksbu l-ħajja eterna huwa miraklu13

Filwaqt li huwa tajjeb li nitolbu u naħdmu għall-protezzjoni u l-fejqan fiżiku tul l-eżistenza mortali tagħna, l-attenzjoni suprema tagħna għandha tkun fuq il-mirakli spiritwali li huma disponibbli għall-ulied kollha ta’ Alla. Hi x’inhi l-etniċità tagħna, hi x’inhi n-nazzjonalità tagħna, għamilna x’ għamilna jekk nindmu, ġarrabna kemm ġarrabna—ilkoll kemm aħna għandna l-istess aċċess għal dawn il-mirakli. Aħna ninsabu ngħixu miraklu, u hemm jistennewna aktar mirakli. F’ isem Ġesù Kristu, amen.