2010-2019
Il-Bżonnijiet li Nistgħu Naraw b’ Għajnejna
Ottubru 2017


Il-Bżonnijiet li Nistgħu Naraw b’ Għajnejna

Uħud mill-aktar nies bi bżonnijiet sinifikanti li qatt nistgħu niltaqgħu magħhom jinsabu fost il-familji tagħna, fost sħabna, fl-oqsma tagħna u fil-komunitajiet tagħna.

Dan l-aħħar aħna lkoll stajna naraw numru kbir ta’ diżastri naturali ġewwa l-Messiku, l-istati Uniti, l-Asja, il-Karibew u l-Afrika. Dan wassal biex aħna stajna naraw l-aqwa kwalitajiet li hemm f’ ċerti nies hekk kif eluf offrew l-għajnuna tagħhom lil dawk li jinsabu fil-periklu jew fil-bżonn u li sofrew it-telfien. Jien verament ħassejtni kuntent nara tfajliet ġewwa Texas u Florida li, flimkien ma’ ħafna oħrajn, libsu fuqhom il-flokijiet sofor tal-Idejn tal-Għajnuna u jinsabu jgħinu fit-tindif tat-tifrik li ħallew warajhom l-uragani riċenti. Hemm ħafna eluf oħrajn fostkom li żgur li intom kontu tmorru minn qalbkom tgħinu fiċ-ċentri tal-għajnuna li kieku ma kinitx għad-distanza. Minflok, intom offrejtu donazzjonijiet ġenerużi biex tnaqqsu s-sofferenza. Il-ġenerożità u l-kompassjoni tagħkom verament hi xi ħaġa li tispira u hi dak li jrid Kristu.

Immaġni
Tfajliet mal-President Eyring

Illum nixtieq insemmi aspett ta’ servizz li nħoss li huwa importanti għalina lkoll—ġejjin minn fejn ġejjin. Għal dawk fostna li segwew l-aħbarijiet dwar il-ġrajjiet riċenti u ħassewhom li ma jafux x’ jistgħu jaqbdu jagħmlu, it-tweġiba taf fil-fatt tinsab quddiemna.

Is-Salvatur għallem, “Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.”1 Dwar din l-iskrittura il-President Thomas S. Monson qal: “Jien nemmen li s-Salvatur qed jgħidilna li sakemm aħna ma nintilfux fis-servizz lejn ħaddieħor, ftit li xejn hemm skop għal ħajjitna. Dawk li jgħixu biss għalihom infushom eventwalment jispiċċaw jinxfu u … jitilfu ħajjithom, filwaqt li dawk li jintilfu fis-servizz lejn ħaddieħor jikbru u jiffjorixxu—u b’ riżultat ta’ dan isalvaw ħajjithom.”2

Aħna ngħixu f’ kultura fejn, aktar ma mmorru, aktar qegħdin niffokaw fuq l-iskrijns żgħar li jkollna f’ idejna milli fuq in-nies ta’ madwarna. Aħna qegħdin il-ħin kollu nittekstjaw u nittwijtjaw minflok ma’ nħarsu f’ għajnejn xi ħadd u nitbissmulu jew, xi ħaġa li qed issur aktar rari, milli jkollna konverżazzjoni wiċċ imb wiċċ miegħu. Ħafna drabi aħna nispiċċaw aktar moħħna dwar kemm għandna nies isewguna u kemm għandna lajks milli npoġġu dirgħajna madwar xi ħbieb tagħna u nuruhom imħabbitna u li aħna verament jimpurtana minnhom u għandna interess fihom. Meraviljuża kemm hi meraviljuża t-teknoloġija moderna biex tgħinna nxandru l-messaġġ tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u tgħinna nibqgħu f’ kuntatt mal-familja u l-ħbieb tagħna, jekk aħna ma nkunux viġilanti dwar kif nużaw l-apparat elettroniku personali tagħna, aħna wkoll nistgħu nibdew ninqatgħu għalina nfusna u ninsew li l-essenza ta’ wieħed li jgħix l-evanġelju huwa s-servizz.

Jiena għandi mħabba tremenda lejn dawk fostkom li għadkom fis-snin adoloxxenti tagħkom u għandi wkoll fidi kbira fikom. Jiena rajt u ħassejt ix-xewqat li intom għandkom li sservu u tagħmlu differenza fid-dinja. Jiena nemmen li l-parti l-kbira tal-membri jikkunsidraw is-servizz bħala l-qalba tal-patti tagħhom u tal-ħajja tagħhom bħala dixxipli. Iżda jien naħseb ukoll li xi kultant huwa faċli li aħna nitilfu wħud mill-akbar opportunitajiet li nservu lil ħaddieħor minħabba d-distrazzjoni, jew għaliex aħna nkunu qegħdin infittxu xi modi ambizzjużi kif nistgħu nibdlu d-dinja u naslu biex ma narawx li wħud mill-aktar nies bi bżonnijiet sinifikanti li qatt nistgħu niltaqgħu magħhom jinsabu fost il-familji tagħna, fost sħabna, fl-oqsma tagħna u fil-komunitajiet tagħna. Aħna nħossuna kommossi meta naraw is-sofferenza u l-bżonnijiet kbar ta’ dawk li jinsabu fin-naħa l-oħra tad-dinja, iżda mbagħad ma jirnexxilniex naraw li hemm persuna li teħtieġ il-ħbiberija tagħna li tinsab bilqiegħda ħdejna fil-klassi.

Sister Linda K. Burton irrakkontat l-istorja ta’ waħda presidenta tas-Soċjetà tal-Għajnuna li fis-snin disgħin, flimkien ma’ oħrajn, ġabret għadd ta’ kutri għal nies li jinsabu fil-bżonn. “Hi flimkien ma’ bintha saqu t-trakk mimli kutri minn Londra sa Kosovo. Fil-vjaġġ lejn id-dar hija ħasset ispirazzjoni spiritwali b’ qawwa kbira fil-fond ta’ qalbha. Li ħasset fiha kien dan: “Dak li inti għamilt hija ħaġa tajba ħafna. Issa mur id-dar, aqsam it-triq u aqdi lil ġirien tiegħek!”3

X’jiswa li nsalvaw id-dinja jekk ma nagħtux kas tal-bżonnijiet ta’ dawk l-aktar viċin tagħna u dawk li nħobbu l-aktar? X’ jiswa li nsewwu d-dinja jekk in-nies ta’ madwarna jinsabu jaqgħu biċċa biċċa u aħna lanqas biss ninnutaw? Missierna tas-Smewwiet jaf poġġa viċin tagħna lil dawk li l-aktar jeħtieġu l-għajnuna tagħna, għaliex Huwa jaf li aħna l-aħjar nies li nistgħu nilħqu l-bżonnijiet tagħhom.

Immaġni
Sarah timxi flimkien ma’ oħtha

Kulħadd jista’ jsib modi differenti kif joffri servizz kif irid Kristu. M’ilux il-kunsilliera tiegħi Sister Carol F. McConkie kelmitni dwar in-neputija tagħha ta’ 10 snin, Sarah, li meta rrealizzat li ommha kienet marida, iddeċidiet minn jeddha li tgħin. Hija qajmet lil oħtha ż-żgħira, għenitha tibes, ħaslitilha snienha, għamlitilha xagħarha, u ħejjiet il-kolazzjon ta’ filgħodu ħalli ommha tkun tista’ tistrieħ. Hija wettqet fis-skiet dan l-att sempliċi ta’ servizz mhux għax intalbet tagħmel dan iżda għaliex rat il-bżonn u kellha x-xewqa li tgħin. Sarah mhux biss bierket lil ommha, iżda jiena żgur li hija ħasset fiha wkoll il-ferħ għaliex hija kienet għenet iġorr it-tagħbija ta’ xi ħadd li kienet tħobb, kif ukoll saħħett ir-relazzjoni tagħha ma’ oħtha. Il-President Boyd K. Packer qal: “M’hemmx età meta l-bniedem għandu jibda jservi lill-oħrajn. … Is-servizz m’hemmx għalfejn ikun fuq xi skala kbira, u l-aktar li hu nobbli hu meta jsir fl-istess familja tagħna.”4

Immaġni
Sarah u oħtha jaqraw ktieb

Intom tirrealizzaw xi jfisser għall-ġenituri u l-membri tal-familja tagħkom li intom tippruvaw issibu modi kif isservu ġewwa d-dar? Għal dawk fostkom li għadkom adoloxxenti, li ssaħħu u sservu lill-membri tal-familja tagħkom għandha tkun waħda mill-ogħla prioritajiet tagħkom hekk kif intom tfittxu modi kif tistgħu tbiddlu d-dinja. Meta intom turu ċerta tjubija u ċertu sens ta’ responsabbiltà lejn ħutkom u lejn il-ġenituri tagħkom intom tkunu qed tgħinu biex tinħoloq atmosfera ta’ għaqda u biex tistiednu l-Ispirtu ġewwa d-dar. Biex tibdlu d-dinja l-ewwel tridu tibdew billi ssaħħu lill-familja tagħkom.

Għandna niffokaw ukoll is-servizz tagħna fil-familji tal-qasam tagħna. Xi kultant uliedna jafu jistaqsuna l-mistoqsija, “Jien għalfejn għandi nattendi l-laqgħa tal-Mutwali? Jien ftit li xejn inħossni li qed niggwadanja minnha.”

Jekk inkun nixtieq li nuża dak il-ħin biex bħala ġenitur ngħallem lill-uliedi, jiena nwieġeb, “Min qallek li inti tmur għal-laqgħa tal-Mutwali minħabba dak li tiggwadanja inti minnha?”

Għeżież ħbieb tiegħi żgħażagħ, jien niggarantilkom li dejjem se jkun hemm xi ħadd f’ kull laqgħa tal-Knisja li tattendu li jinsab waħdu, li jinsab għaddej minn xi mument diffiċli u jeħtieġ ħabib, jew li jħossu li mhux postu hemmhekk. Intom għandkom xi ħaġa verament importanti x’ tikkontribwixxu għal kull laqgħa jew attività, u l-Mulej jixtieq li intom tagħtu ħarsa lejn sħabkom u mbagħad tgħinuhom kif kieku jagħmel hu.

Il-Presbiteru D. Todd Christofferson għallem, “Raġuni ewlenija għalfejn il-Mulej għandu knisja hija li joħloq komunità ta’ Qaddisin li jsostnu lil xulxin fil-“mogħdija dritta u dejqa li twassal għall-ħajja eterna.” Huwa jkompli biex jgħid, “F’ din ir-reliġjon aħna ma jimpurtaniex biss minna nfusna; pjuttost, aħna msejħin biex inservu. Aħna l-għajnejn, l-idejn, ir-ras, ir-riġlejn u l-membri l-oħra tal-ġisem ta’ Kristu”5

Huwa veru li aħna nattendu l-laqgħat tal-Knisja tagħna ta’ kull ġimgħa biex nieħdu sehem fl-ordinanzi, nitgħallmu d-duttrina u niġu ispirati, iżda raġuni oħra mill-aktar importanti għalfejn aħna nattendu hi li, bħala membri tal-qasam u bħala dixxipli tas-Salvatur, aħna nieħdu ħsieb lil xulxin, ninkuraġġixxu lil xulxin u nsibu modi kif inservu u nsaħħu lil xulxin. Aħna mhux biss dawk li nirċievu u nieħdu dak li għandha x’ toffri l-Knisja; aħna jeħtieġ li nkunu wkoll dawk li nagħtu u nissuplixxu. Intom it-tfajliet u l-ġuvintur, issa meta terġgħu tattendu l-laqgħa tal-Mutwali, minflok ma taqbdu t-telefon f’ idejkom biex taraw x’ inhuma jagħmlu sħabkom, ieqfu, agħtu ħarsa madwarkom u staqsu lilkom infuskom, “Illum min għandu bżonni?” Intom tafu tkunu dik il-persuna vera bżonnjuża biex tilħqu u tmissu l-ħajja ta’ xi ħadd minn sħabkom u biex tinkuraġġixxu lil xi ħabib li jinsab jitqabad waħdu fis-silenzju.

Itolbu lil Missiernkom tas-Smewwiet biex jurikom lil dawk ta’ madwarkom li jeħtieġu l-għajnuna tagħkom u biex jispirakom kif l-aħjar għandkom isservuhom. Ftakru li s-Salvatur ħafna drabi l-ewwel kien jgħin persuna waħda mbagħad wara kien imur jgħin persuna oħra.

Immaġni
Ethan u l-familja tiegħu

In-neputi tagħna Ethan għandu 17-il sena. Dan is-sajf jiena verament ħassejtni kommoss meta huwa qalli, ispirat mill-eżempju ta’ ommu, li huwa jitlob kuljum biex ikollu l-opportunità li jservi lil xi ħadd. Hekk kif aħna għaddejna ftit ħin mal-familja tiegħu, jiena stajt nosserva kif Ethan jittratta lil ħutu bil-paċenzja, bl-imħabba u bit-tjubija u kemm huwa jgħin lill-ġenituri tiegħu u jfittex modi kif jista’ jilħaq lil ħaddieħor. Jiena impressjonajt ruħi b’ kemm huwa konxju tan-nies ta’ madwaru u bix-xewqa tiegħu li jservihom. Huwa verament ta’ eżempju għalija. Li nagħmlu kif jagħmel Ethan—li nistiednu lill-Mulej ħalli jgħinna nsibu modi biex inservu—jippermetti l-Ispirtu sabiex jiftaħ għajnejna biex aħna nkunu nistgħu naraw il-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarna, li naraw lil dak il-“wieħed” li dak inhar għandu bżonna, u li nkunu nafu kif għandna ngħinuh.

Immaġni
Ritratt ta’ Ethan

Minbarra li sservu l-familja tagħkom u lill-membri tal-qasam tagħkom, araw li tfittxu wkoll opportunitajiet kif isservu fl-inħawi fejn intom toqogħdu u fil-komunità tagħkom. Filwaqt li xi kultant aħna niġu mitlubin biex ngħinu wara xi diżastru kbir, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum aħna mħeġġin nfittxu opportunitajiet fil-viċinanzi tad-dar tagħna biex nelevaw u ngħinu lil dawk fil-bżonn. M’ilux jiena ġejt mgħallma minn President Reġjonali, li jinsab iservi f’ pajjiż fejn hemm diversi sfidi temporali, li l-aqwa mod kif nistgħu ngħinu lil dawk fil-bżonn li jinsabu jgħixu f’ partijiet oħra tad-dinja hu billi nagħtu offerta tas-sawm ġeneruża, nikkontribwixxu fil-Fond tal-Għajnuna Umanitarja tal-Knisja u billi nfittxu modi kif nistgħu nservu lil dawk li huma parti mill-komunità ta’ fejn aħna ngħixu. Sempliċiment immaġinaw kemm tkun imberika d-dinja jekk kulħadd jimxi wara dan il-kunsill!

Ħuti, u speċjalment intom iż-żgħażagħ, hekk kif intom tagħmlu l-almu tagħkom biex issiru tixbhu aktar lis-Salvatur Ġesù Kristu u biex tgħixu l-patti tagħkom, intom tkomplu tiġu mberkin bix-xewqat li tnaqqsu s-sofferenza u tgħinu lil dawk li huma anqas iffortunati. Ftakru li wħud mill-aktar nies fil-bżonn jafu jkunu jinsabu sewwasew quddiemkom. Ibdew is-servizz tagħkom minn djarkom u mill-familji tagħkom. Dawn huma r-relazzjonijiet li jistgħu jkunu eterni. Anke jekk—u forsi speċjalment jekk—is-sitwazzjoni tal-familja tagħkom taf ma tkunx xi waħda perfetta, intom tistgħu ssibu modi kif isservu, tgħinu u ssaħħu lill-membri tal-familja tagħkom. Ibdew minn fejn tinsabu, ħobbuhom kif inhuma, u ppreparaw għall-familja li tixtiequ li jkollkom fil-futur.

Itolbu għall-għajnuna li tagħrfu lil dawk fil-familji tagħkom li jeħtieġu l-imħabba u l-inkuraġġiment tagħkom. Minflok ma’ tattendu l-knisja bil-mistoqsija ta’ “Jiena x’se niggwadanja minn din il-laqgħa?” staqsu, “Illum min għandu bżonni? Jiena x’ nista’ nikkontribwixxi?”

Hekk kif intom tbierku lill-familji tagħkom u l-membri tal-qasam tagħkom, fittxu modi kif tistgħu tbierku lil dawk li jinsabu fil-komunitajiet lokali tagħkom. Kemm jekk għandkom biżżejjed ħin biex toffru servizz estensiv jew inkella għandkom biss ftit sigħat fix-xahar x’ toffru, l-isforzi tagħkom jaslu biex ibierku l-ħajja ta’ ħaddieħor kif ukoll ibierku ħajjitkom b’ modi li intom lanqas biss tistgħu timmaġinaw.

Il-President Spencer W. Kimball għallem: “Alla verament jinnotana, u huwa jħarisna. Iżda ħafna drabi huwa permezz ta’ ħaddieħor li huwa joffrilna l-għajnuna Tiegħu.”6 Jalla aħna nagħrfu kemm huwa verament privileġġ u kemm hija barka li aħna nipparteċipaw fit-twettiq tal-ħidma ta’ Missierna tas-Smewwiet hekk kif aħna nilħqu l-bżonnijiet ta’ wliedu hija t-talba tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Luqa 9:24.

  2. Thomas S. Monson, “What Have I Done for Someone Today?Liahona, Nov. 2009, 85.

  3. Linda K. Burton, “Kont Barrani,” Liahona, Mejju 2016, 15.

  4. James E. Faust, “Womanhood: The Highest Place of Honor,” Liahona, Lulju 2000, 117.

  5. D. Todd Christofferson, “Għalfejn il-Knisja,” Liahona, Nov. 2015, 108, 109.