Skrittura
2 Nefi 26


Kapitlu 26

Kristu se jimministra fost in‑Nefiti—Nefi jipprevedi l‑qerda tal‑poplu tiegħu—Huma se jitkellmu minn ġot‑trab—Il‑Ġentili se jibnu knejjes foloz u alleanzi sigrieti—Il‑Mulej jipprojbixxi l‑bnedmin milli jwettqu l‑frodi saċerdotali. Madwar 559–545 Q.K.

1 U wara li Kristu jkun qam mill‑imwiet hu se juri lilu nnifsu lilkom, uliedi, u għeżież ħuti; u l‑kliem li se jgħidilkom se jkun il‑liġi li intom għandkom tipprattikaw.

2 Għax araw, ngħidilkom li jiena rajt illi se jgħaddu bosta ġenerazzjonijiet, u se jkun hemm gwerer enormi u tilwim fost il‑poplu tiegħi.

3 U wara li jiġi l‑Messija se jingħataw sinjali lill‑poplu tiegħi li juru t‑twelid tiegħu, kif ukoll il‑mewt u l‑qawmien tiegħu; u kbir u tal‑biżà se jkun dak il‑jum għall‑ħżiena, għax huma se jinqerdu; u huma jinqerdu minħabba li warrbu lill‑profeti, u lill‑qaddisin, u ħaġġruhom, u qatluhom; għalhekk l‑għajjat ta’ demm il‑qaddisin jitla’ ’l fuq mill‑art lejn Alla kontrihom.

4 Għalhekk, dawk kollha li huma mkabbrin, u li jagħmlu l‑ħażen, il‑jum li ġej sejjer jaħraqhom, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti, għax huma se jkunu bħat‑tiben.

5 U dawk li joqtlu lill‑profeti, u lill‑qaddisin, il‑qigħan tal‑art sejrin jibilgħuhom, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti; u l‑muntanji sejrin jiksuhom, u l‑irwiefen sejrin itajruhom, u l‑bini se jaqa’ fuqhom u jfarrakom biċċiet u jitħanhom fi trab.

6 U huma se jintlaqtu mir‑ragħad u l‑beraq, u t‑terrimoti, u kull xorta ta’ qerda, għax jixgħel in‑nar tal‑korla tal‑Mulej kontrihom, u huma jkunu bħat‑tiben, u l‑jum li ġej sejjer jeqridhom, jgħid il‑Mulej tal‑Eżerċti.

7 O l‑uġigħ, u n‑niket ta’ ruħi għat‑telfien tal‑maqtulin tal‑poplu tiegħi! Għax jien, Nefi, rajt dan, u kważi nħossni se ninfena quddiem il‑preżenza tal‑Mulej; iżda jeħtieġ li nsejjaħ lil Alla tiegħi: Triqatek huma ġusti.

8 Iżda araw, il‑ġusti li jisimgħu kliem il‑profeti, u ma jeqirduhomx, iżda b’fermezza jħarsu ’l quddiem lejn Kristu għas‑sinjali li jingħataw, minkejja l‑persekuzzjoni kollha—araw, dawn huma dawk li mhumiex se jinqerdu.

9 Iżda se jidhrilhom Bin is‑Sewwa; u se jfejjaqhom, u huma se jkunu fis‑sliem miegħu, sakemm jgħaddu tliet ġenerazzjonijiet, u bosta mir‑raba’ ġenerazzjoni jkunu mietu fis‑sewwa.

10 U meta dawn il‑ħwejjeġ ikunu għaddew, f’qasir żmien niesi se jintlaqtu minn qerda; għax, minkejja l‑uġigħ ta’ ruħi, jiena rajt dan; għalhekk, naf li dan se jiġri; u huma jbigħu lilhom infushom b’xejn; għax, bħala premju għall‑kburija tagħhom u l‑bluha tagħhom huma se jaħsdu l‑qerda; għax peress li huma spiċċaw suġġett għax‑xitan u jagħżlu l‑għemejjel tad‑dlam minflok tad‑dawl, għalhekk jeħtieġ li jinżlu fl‑infern.

11 Għax l‑Ispirtu tal‑Mulej ma jibqax dejjem mal‑bniedem. U meta l‑Ispirtu ma jibqax aktar mal‑bniedem imbagħad f’qasir żmien tasal il‑qerda, u dil‑ħaġa tnikkitli ruħi.

12 U kif jien tkellimt dwar il‑konvinzjoni tal‑Lhud, li Ġesù hu tassew Kristu, jeħtieġ li l‑Ġentili jkunu konvinti wkoll li Ġesù hu Kristu, Alla l‑Etern;

13 U li hu juri lilu nnifsu lil dawk kollha li jemmnu fih, bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu; sewwasew, lil kull ġens, tribù, ilsien u poplu, u jwettaq mirakli mill‑aktar kbar, u sinjali, u għeġubijiet, fost ulied il‑bnedmin skont il‑fidi tagħhom.

14 Iżda araw, jiena nħabbrilkom dwar l‑aħħar żminijiet; dwar iż‑żminijiet meta l‑Mulej Alla se jiżvela dawn il‑ħwejjeġ lill‑ulied il‑bnedmin.

15 Wara li ftit, ftit nisli u nisel ħuti jispiċċaw jitilfu l‑fidi, u jkunu ġew ikkastigati mill‑Ġentili; sewwasew, wara li l‑Mulej Alla jkun dawwarhom minn kull naħa, u assedjahom b’muntanja, u bena fortizzi kontrihom; u wara li jkunu tniżżlu ’l isfel fit‑trab, sal‑punt li ma jibqgħux aktar, madankollu se jinkiteb kliem il‑ġusti, u se jinstema’ talb il‑fidili, u dawk kollha li ftit, ftit spiċċaw tilfu l‑fidi mhumiex se jintesew.

16 Għax dawk li sejrin jinqerdu se jkellmuhom minn ġol‑art, u kliemhom se joħroġ minn ġot‑trab, u leħinhom se jkun bħal ta’ wieħed li jsejjaħ l‑ispirti; għax il‑Mulej Alla se jagħtih il‑qawwa, li jista’ jitkellem dwarhom b’leħen ipespes, bħallikieku ħiereġ minn ġol‑art; u kliemhom se jpespes minn ġot‑trab.

17 Għax dan jgħid il‑Mulej: Huma se jiktbu l‑ħwejjeġ li se jseħħu fosthom, u dawn se jinkitbu u jiġu ssiġillati fi ktieb, u dawk li ftit, ftit spiċċaw tilfu l‑fidi mhumiex se jirtuhom, għax huma jippruvaw jeqirdu l‑ħwejjeġ ta’ Alla.

18 Għalhekk, hekk kif dawk li ġew meqrudin inqerdu f’qasir żmien; u l‑kotra tan‑nies terribbli tagħhom se tkun bħal karfa li m’għadhiex aktar—sewwasew, dan jgħid il‑Mulej Alla: dan se jseħħ f’ħakka t’għajn, għall‑għarrieda—

19 U għad jiġri li dawk li ftit, ftit tilfu l‑fidi sejrin jiġu kkastigati permezz ta’ id il‑Ġentili.

20 U l‑Ġentili huma mkabbrin fil‑kburija ta’ għajnejhom, u tfixklu, minħabba l‑kobor tal‑ostaklu tagħhom, fejn huma bnew bosta knejjes; madankollu, huma ddisprezzaw il‑qawwa u l‑mirakli ta’ Alla, u ppritkaw lilhom infushom l‑għerf tagħhom u t‑tagħlim tagħhom, ħalli jkunu jistgħu jiggwadanjaw u jitħnu wiċċ il‑fqir.

21 U hemm bosta knejjes mibnija li jikkawżaw l‑għira, u l‑ġlied, u l‑ħażen.

22 U hemm ukoll alleanzi sigrieti, sewwasew kif kien hemm fi żmien il‑qedem, skont l‑alleanzi tax‑xitan, għax huwa l‑fundatur ta’ dawn il‑ħwejjeġ kollha; iva, il‑fundatur tal‑qtil, u l‑għemejjel tad‑dlam; iva, u hu jmexxihom minn għonqhom b’ħabel tal‑għażel, sakemm jorbothom b’ħbula b’saħħithom għal dejjem.

23 Għax araw, għeżież ħuti, jien ngħidilkom li l‑Mulej Alla ma jaħdimx fid‑dalma.

24 Hu ma jagħmel xejn ħlief dak li hu ta’ benefiċċju għad‑dinja; għax hu jħobb id‑dinja, saħansitra jagħti ħajtu biex ikun jista’ jressaq lill‑bnedmin kollha lejh. Għalhekk, hu ma jordna lil ħadd biex ma jgawdix mis‑salvazzjoni tiegħu.

25 Araw, hu jgħid lil xi ħadd, Itlaq minn quddiemi? Araw, jien ngħidilkom, Le; iżda hu jgħid: Ejjew għandi lkoll minn truf l‑art, ixtru ħalib u għasel, bla flus u bla ħlas.

26 Araw, huwa qatt ordna lil xi ħadd biex jitlaq ’il barra mis‑sinagogi, jew ’il barra mid‑djar ta’ qima? Araw, jiena ngħidilkom, Le.

27 Huwa qatt ordna lil xi ħadd biex ma jgawdix mis‑salvazzjoni tiegħu? Araw, jiena ngħidilkom, Le; imma hu offriha lill‑bnedmin kollha bla ħlas; u hu ordna lill‑poplu tiegħu li għandhom jipperswadu lill‑bnedmin kollha ħalli jindmu.

28 Araw, il‑Mulej qatt ordna lil xi ħadd biex ma jgawdix mit‑tjubija tiegħu? Araw, jiena ngħidilkom, Le; iżda l‑bnedmin kollha huma privileġġjati, wieħed bħall‑ieħor, u ħadd mhu pprojbit.

29 Hu jordna li m’għandu jkun hawn l‑ebda frodi saċerdotali; għax, araw, il‑frodi saċerdotali tikkonsisti minn irġiel li jippritkaw u jippreżentaw irwieħhom bħala dawl għad‑dinja, biex jakkwistaw u jiksbu t‑tifħir tad‑dinja; iżda ma jfittxux il‑ġid ta’ Sijon.

30 Araw, il‑Mulej ipprojbixxa din il‑ħaġa; għalhekk, il‑Mulej Alla ta kmandament li l‑bnedmin kollha għandu jkollhom il‑karità, liema karità hija l‑imħabba. U jekk ma jkollhomx il‑karità ma jkunu jiswew għal xejn. Għalhekk, jekk huma jkollhom il‑karità huma ma jippermettux li l‑ħaddiem f’Sijon jinqered.

31 Iżda l‑ħaddiem f’Sijon għandu jaħdem għal Sijon; għax jekk jaħdem għall‑flus huwa jinqered.

32 U għal darb’oħra, il‑Mulej Alla ordna li l‑bnedmin m’għandhomx joqtlu; m’għandhomx jgħidu kelma b’oħra; m’għandhomx jisirqu; m’għandhomx isemmu isem il‑Mulej Alla tagħhom fil‑batal; m’għandhomx jgħiru; m’għandu jkollhom l‑ebda malizzja; m’għandhomx jitlewmu bejniethom; m’għandhomx jaqgħu fiż‑żina; u m’għandhom jagħmlu xejn minn dawn il‑ħwejjeġ; għax min jagħmilhom jinqered.

33 Għax xejn minn dan il‑ħażen mhu ġej mill‑Mulej; għax hu jagħmel dak li hu tajjeb fost ulied il‑bnedmin; u xejn ma jagħmel li ma jkunx ċar għal ulied il‑bnedmin; u hu jistedinhom ilkoll biex imorru għandu u jgawdu mit‑tjubija tiegħu; u ma jirrifjuta lil ħadd li jiġi għandu, iswed jew abjad, skjav jew ħieles, maskil jew femminil; u hu jiftakar fil‑pagani; u kulħadd l‑istess għal Alla, kemm il‑Lhud kif ukoll il‑Ġentili.