2010-2019
Ix-Xhud
April 2014


Ix-Xhud

Nixtieq naqsam magħkom dawk il-veritajiet li l-aktar hemm bżonn li nkunu nafu.

Iż-żmien ta’ gwerra jew inċertezza verament jista’ jkun żmien li fih nispiċċaw niffukaw fuq l-aktar ħwejjeġ importanti għalina.

It-Tieni Gwerra Dinjija kien żmien ta’ taqlib spiritwali kbir għalija. Tlaqt minn dari ġewwa Brigham City, Utah, b’ testimonjanza pjuttost dgħajfa, u kont qed inħoss il-bżonn għal xi ħaġa aktar. Aħna li konna fil-klassi tal-aħħar sena, prattikament il-klassi sħiħa, intbagħtna kollha għall-gwerra. Waqt li kont stazzjonat fil-gżira ta’ le Shima, fit-tramuntana ta’ Okinawa, il-Ġappun, jiena spiċċajt nikkumbatti d-dubju u l-inċertezza li kienu ħakmuni. Ridt li jkolli testimonjanza personali tal-evanġelju. Ridt insir naf!

Lejl minnhom, li matulu ma kontx għalaqt għajn m’ għajn, ħriġt minn ġot-tinda li kont fiha u dħalt ġo banker li kien ġie ffurmat permezz ta’ tankijiet tal-50 gallun mimlijin ramel li kienu tqiegħdu wieħed fuq l-ieħor biex jiffurmaw spazju magħluq. Saqaf ma kienx hemm, u għalhekk tkaxkart għal ġewwa, ħarist ‘il fuq lejn is-sema mimlija kwiekeb, u ntfajt għarkobbtejja biex nitlob.

Dak li ġara seħħ kważi kważi f’ nofs sentenza. Jekk nipprova niddeskrivilkom x’ ġara żgur ma jirnexxilix. Ma nafx kif naqbad nesprimi ruħi, iżda għadha ċara f’ moħħi daqs dak il-lejl ‘il fuq minn 65 sena ilu. Naf li kienet manifestazzjoni mill-aktar privata u individwali. Fl-aħħar sirt naf jien stess. Sirt naf b’ ċertezza, għaliex din ingħatat lili. Wara ftit tal-ħin, jiena tkaxkart ‘il barra minn dak il-banker u mxejt jew tirt lura lejn is-sodda tiegħi. Qattajt il-kumplament tal-lejl maħkum minn sentiment kbir ta’ ferħ u riverenza.

Aktar milli ħsibt li jiena xi ħadd speċjali, pjuttost għedt lili nnifsi li jekk jiena rċevejt manifestazzjoni bħal din, allura seta’ jirċeviha kulħadd. U jiena għadni nemmen dan. Fis-snin ta’ wara, bdejt nifhem li esperjenza bħalma kelli jien kienet kemm dawl biex nimxi warajh kif ukoll tagħbija li kelli nġorr.

Nixtieq naqsam magħkom dawk il-veritajiet li l-aktar hemm bżonn li nkunu nafu, ħwejjeġ li jiena tgħallimt u esperjenzajt f’ ħajja ta’ kważi 90 sena, 50 sena minnhom bħala Awtorità Ġenerali. Ħafna minn dak li jiena tgħallimt jaqa’ fil-kategorija ta’ ħwejjeġ li ma tistax tgħallimhom iżda tista’ titgħallimhom.

Bħal kull ħaġa oħra prezzjuża, l-għarfien li għandu l-akbar valur etern niksbuh biss billi personalment nitolbu u nixtarru. Dan, flimkien mas-sawm u l-istudju tal-iskrittura, jistieden fostna s-sinjali, ir-rivelazzjonijiet u s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu. Dan iwassal biex aħna niġu mgħallma mis-smewwiet hekk kif nitgħallmu preċett wara preċett.

Ir-rivelazzjonijiet iwegħduna li “hu x’ inhu l-prinċipju ta’ intelliġenza li aħna niksbu f’ din il-ħajja, dan iqum magħna fir-reżurrezzjoni” u li “l-għarfien u l-intelliġenza jinkisbu permezz … tad-diliġenza u l-ubbidjenza” (D&C 130:18–19).

Verità eterna li jiena tgħallimt hi li Alla jgħix. Alla huwa Missierna. Aħna wliedu. “Aħna nemmnu f’ Alla, il-Missier Etern, u f’ Ibnu, Ġesù Kristu u fl-Ispirtu s-Santu” (Articles of Faith 1:1).

Fost it-titli kollha li Huwa seta’ uża, Huwa għażel li jissejjaħ “Missier.” Is-Salvatur ikkmandana, “Għalhekk intom għandkom titolbu b’ dan il-mod: Missierna li inti fis-smewwiet” (3 Nephi 13:9; ara wkoll Mattew 6:9). Il-Mod li bih Huwa uża l-isem “Misserna” hija lezzjoni għalina lkoll hekk kif aħna nippruvaw nifhmu liema huma l-aktar ħwejjeġ importanti f’ din il-ħajja.

Li tkun ġenitur huwa privileġġ sagru, u dejjem skont il-qawwa tal-fedeltà tagħna, jista’ jkun barka eterna. L-għan aħħari ta’ kull attività fil-Knisja hu li r-raġel u l-mara u wliedhom ikunu ferħanin f’ darhom.

Dawk li ma jiżżewġux jew dawk li ma jistax ikollhom it-tfal mhumiex esklużi mill-barkiet eterni li qegħdin ifittxu li iżda, għalissa, ma jistgħux jiksbu. Aħna mhux dejjem inkunu nafu kif u meta se niksbu ċerti barkiet, iżda l-wegħda tal-tkattir etern mhix se tiġi miċħuda lil dawk l-individwi fidili li jagħmlu u jżommu l-patti sagri.

Ix-xewqat sigrieti tagħkom u t-talb ħiereġ mill-qalb imbikkma tagħkom żgur li jmissu l-qalb tal-Missier kif ukoll tal-Iben. Intom tingħataw assigurazzjoni personali mingħandhom li ħajjitkom se tkun kompleta u li mhu se titilfu l-ebda barka li hi essenzjali.

Bħala qaddej tal-Mulej, li qed naġixxi fl-uffiċċju li fih ġejt ordnat, jiena nwiegħed lil dawk li jinsabu f’ ċirkustanzi simili li mhu se jkun hemm xejn li hu essenzjali għas-salvazzjoni u l-eżaltazzjoni tagħkom li mhux se jingħatalkom. Dirgħajn li issa huma vojta għad jimtlew, u qlub li issa jinsabu mweġġgħin minħabba ħolm u xewqat li taru mar-riħ għad jitfejjqu.

Verita’ oħra li tgħallimt hi li l-Ispirtu s-Santu huwa reali. Huwa t-tielet membru tad-Divinità. Il-missjoni tiegħu hi li jixhed dwar il-verità u s-sewwa. Huwa juri lilu nnifsu b’ diversi modi, fosthom permezz ta’ sentimenti ta’ paċi u assigurazzjoni. Huwa jista’ jwassal ukoll il-faraġ, il-gwida u t-tbeżbiża li jkollna bżonn. Is-sħubija tal-Ispirtu s-Santu tista’ tkun dejjem magħna tul ħajjitna jekk aħna ngħixu ħajja ġusta.

Id-don tal-Ispirtu s-Santu jingħata permezz ta’ ordinanza tal-evanġelju. Wieħed li għandu l-awtorità jqiegħed idejh fuq ras membru ġdid tal-Knisja u jlissen kliem bħal: “Irċievi l-Ispirtu s-Santu.”

Din l-ordinanza waħidha ma tibdilniex b’ mod li jista’ jiġi nnutat, iżda jekk aħna nisimgħu u nimxu wara s-suġġerimenti, aħna nirċievu l-barka tal-Ispirtu s-Santu. Kull iben jew bint Missierna tas-Smewwiet jistgħu jsiru jafu r-realtà tal-wegħda ta’ Moroni: “Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tistgħu ssiru tafu l-verità ta’ kull ħaġa” (Moroni 10:5; enfażi miżjuda).

Verità divina li jiena ksibt f’ din il-ħajja hija x-xhieda tiegħi tal-Mulej Ġesù Kristu.

Fuq quddiem nett u jsostni dak kollu li nagħmlu, ankrat fir-rivelazzjonijiet li rċevejna, hemm l-isem tal-Mulej, li huwa l-awtorità li permezz tagħha naġixxu fil-Knisja. Kull talba li tiġi offruta, anke mit-tfal ċkejknin, tagħlaq fl-isem ta’ Ġesù Kristu. Kull barka, kull ordinanza, kull ordinazzjoni, kull ħaġa uffiċjali issir f’ isem Ġesù Kristu. Din hija l-Knisja Tiegħu, u hi msemmija għalih—Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem (ara D&C 115:4).

Fil-Ktieb ta’ Mormon hemm dik il-ġrajja kbira fejn in-Nefiti “kienu qed jitolbu lill-Missier f’ isem il-Mulej.” Il-Mulej deher u staqsiehom:

“X’ tixtiequ li jiena nagħtikom?

“U huma qalulu: Mulej, nixtiequ li inti tgħidilna liema isem għandna nagħtu lil din il-knisja; għaliex in-nies qed jargumentaw ħafna bejniethom minħabba din il-ħaġa.

“U l-Mulej qalilhom: Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, għalfejn in-nies għandhom igergru u jargumentaw minħabba dil-ħaġa?

“Mela huma ma qrawx l-iskrittura, li tgħid li intom għandkom tieħdu fuqkom l-isem ta’ Kristu, li huwa ismi? Għaliex b’ dan l-isem għandkom tiġu msejħa fl-aħħar jum;

“U dawk li jieħdu fuqhom ismi, u jibqgħu sodi sat-tmiem, dawn sa jiġu salvati. …

“Għalhekk, dak kollu li tagħmlu, agħmluh f’ ismi; għalhekk għandkom issemmu l-knisja għalija; u għandkom titolbu lill-Missier f’ ismi sabiex huwa jbierek il-Knisja minħabba fija” (3 Nephi 27:2–7).

Huwa ismu, Ġesù Kristu, “għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4:12).

Fil-Knisja aħna nafu Hu m’inhu: Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla. Huwa l-Uniku Mnissel tal-Missier. Huwa Hu li ġie maqtul u Hu li reġa’ qed jgħix. Huwa l-Avukat Tagħna mal-Missier. “Ftakru li huwa fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, l-Iben ta’ Alla, aħna għandna nibnu l-pedament tagħna” (Helaman 5:12). Huwa l-ankra li żżomm u tipproteġi lilna u lill-familji tagħna waqt il-maltemp tal-ħajja.

Kull nhar ta’ Ħadd madwar id-dinja, fejn il-kongregazzjonijiet ta’ kull ġens u lingwa jinġabru flimkien, is-sagrament jiġi mbierek bl-istess kliem. Aħna nieħdu fuqna l-isem ta’ Kristu u dejjem niftakru fih. Aħna nġorru ismu.

Il-profeta Nefi ddikjara, “Aħna nitkellmu dwar Kristu, aħna nifirħu bi Kristu, aħna nippridkaw dwar Kristu, u aħna nipprofetizzaw dwar Kristu, u aħna niktbu skont il-profeziji tagħna, sabiex uliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iduru għall-maħfra ta’ dnubiethom.”(2 Nephi 25:26).

Ilkoll kemm aħna għandna niksbu testimonjanza personali tal-Mulej Ġesù Kristu. Imbagħad aħna naqsmu dik it-testimonjanza mal-familja tagħna u ma’ oħrajn.

F’ dan kollu, ejjew niftakru li hemm avversarju li personalment qed ifittex li jtellef il-ħidma tal-Mulej. Irridu nagħżlu wara min se nimxu. Il-protezzjoni tagħna hija sempliċi sakemm aħna niddeċiedu b’ mod individwali li nimxu wara s-Salvatur, filwat li nkunu żguri li b’ fedeltà nibqgħu dejjem fuq in-naħa Tiegħu.

Fit-Testment il-Ġdid, Ġwanni kiteb li kien hemm xi wħud li ma kinux lesti jikkommettu ruħhom mas-Salvatur u t-tagħlim Tiegħu, u “minn dak in-nhar bosta dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.

“Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax, Tridux titilqu intom ukoll?

“Wieġbu Xmun Pietru, Mulej, għand min immorru? inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

“U aħna emminna u għarafna li inti l-Messija, Iben Alla l-ħaj” (Ġwanni 6:66–69).

Pietru kien jaf dak li jista’ jsir jaf kull dixxiplu tas-Salvatur. Biex inkunu devoti fidili ta’ Ġesù Kristu, aħna naċċettawh bħala l-Feddej tagħna u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħixu t-tagħlim Tiegħu.

Wara dawn is-snin kollha li jiena għext, għallimt u qdejt, wara miljuni ta’ mili li jiena vvjaġġajt madwar id-dinja, b’ dak kollu li jiena esperjenzajt, hemm verità kbira waħda li jiena dejjem se naqsam. Din hija x-xhieda tiegħi tas-Salvatur Ġesù Kristu.

Joseph Smith u Sidney Rigdon kitbu l-kliem li ġej wara esperjenza sagra li huma kellhom:

“U issa, wara l-ħafna testimonjanzi li ngħataw dwaru, din hija t-testimonjanza, l-aħħar waħda, li aħna sa nagħtu dwaru: Li huwa jgħix!

“Għax rajnieh” (D&C 76:22–23).

Kliemhom huwa kliemi.

Jiena nemmen u ninsab ċert li Ġesù huwa l-Kristu, l-Iben ta’ Alla, u li Huwa jgħix. Huwa l-Uniku Mnissel tal-Missier, u “bih u permezz tiegħu, u minnu, inħolqu u għadhom jinħolqu d-dinjiet u l-abitanti tagħhom huma wlied imnissla minn Alla” (D&C 76:24).

Jiena nagħti x-xhieda tiegħi li s-Salvatur jgħix. Jiena naf lill-Mulej. Jiena x-xhud Tiegħu. Naf dwar is-sagrifiċċju kbir Tiegħu u l-imħabba eterna Tiegħu lejn l-ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet. Jiena nagħti x-xhieda speċjali tiegħi bl-umiltà kollha iżda b’ ċertezza assoluta, f’ isem Ġesù Kristu, amen.