2010-2019
Uru l-Fidi Tagħkom
April 2014


Uru l-Fidi Tagħkom

Jum wara jum, fi triqitkom lejn id-destin etern tagħkom, kabbru l-fidi tagħkom. Iddikjaraw il-fidi tagħkom! Uru l-fidi tagħkom!

Għeżież ħuti, aħna nesprimu s-sentimenti profondi ta’ mħabba u gratitudni lejkom. Aħna grati talli ġejna mitlubin biex naħdmu magħkom.

Fuq titjira li kont fuqha m’ilux, il-pilota tagħna ħabbar li konna sa nesperjenzaw xi taqlib fl-arja waqt l-inżul tagħna u li l-passiġġieri kollha kellhom jaqflu sewwa ċ-ċinturin tas-sigurtà. U fil-fatt, esperjenzajna taqlib mhux ħażin. Kien verament qawwi. Ftit ringieli warajja, fuq in-naħa l-oħra ta’ fejn kont jiena, kien hemm mara li verament kienet qed tippanikkja. Hija bdiet twerżaq kull darba li l-ajruplan kien jinqata’ u jiċċaqlaq. Żewġha pprova jfarraġha iżda kollu għalxejn. Hija kompliet twerżaq b’ mod isteriku sakemm it-taqlib għadda u nżilna qawwijin u sħaħ. Tul il-ħin li bdiet tħossha tant anzjuża, verament iddispjeċieni għaliha. Peress li l-fidi hija l-antidotu tal-biża’, jiena fil-fond ta’ qalbi xtaqt li kieku stajt insaħħaħ il-fidi tagħha.

Aktar tard, hekk kif il-passiġġieri bdew ħerġin mill-ajruplan, ir-raġel tagħha ġie jkellimni. Huwa qalli, “Skużani li l-mara tiegħi bdiet tibża’ daqshekk. L-uniku mod kif irnexxieli nfarraġha kien billi għedtilha li ‘il-Presbiteru Nelson jinsab fuq l-istess titjira, għalhekk m’għandekx għalfejn tinkwieta.’”

Mhux ċert li l-preżenza tiegħi fuq dik it-titjira kellha tkun biżżejjed biex tfarraġha, iżda jiena ngħid li waħda mir-realtajiet ta’ din il-ħajja mortali hi li l-fidi tagħna se tiġi ppruvata u sfidata. Xi kultant aħna nesperjenzaw dawn il-provi hekk kif inħabbtu wiċċna ma’ ċerti esperjenzi fejn inkunu fil-periklu tal-mewt. Għal din il-mara beżgħana, iċ-ċaqliq vjolenti f’ dak l-ajruplan kien jirrappreżenta wieħed minn dawn il-mumenti fejn aħna nittestjaw kemm hi verament soda l-fidi tagħna.

Meta nitkellmu dwar il-fidi—il-fidi li tista’ ċċaqlaq il-muntanji—ma nkunux qed nitkellmu fuq il-fidi b’ mod ġenerali iżda dwar il-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu. Il-fidi tagħna fil-Mulej Ġesù Kristu tista’ tissaħħaħ meta aħna nitgħallmu dwaru u ngħixu r-reliġjon tagħna. Id-duttrina ta’ Ġesù Kristu ġiet imfassla mill-Mulej biex tgħinna nkabbru l-fidi tagħna. Madankollu, fil-lingwaġġ tal-lum, il-kelma reliġjon jista’ jkollha tifsira differenti għal diversi nies.

B’ mod letterali, il-kelma reliġjon tfisser “terġa’ tillega” jew “torbot lura” ma’ Alla.1 Il-mistoqsija li nistgħu nagħmlu lilna nfusna hi, ninsabu aħna marbutin sewwa ma’ Alla ħalli l-fidi tagħna tkun b’ saħħitha biżżejjed, jew aħna ninsabu marbutin ma’ xi ħaġa oħra? Per eżempju, it-Tnejn filgħodu nisma’ ħafna nies jitkellmu dwar il-logħob sportiv li jkun intlagħab il-Ħadd . Għal xi wħud minn dawn l-ammiraturi, ma nafx jekk “ir-reliġjon” tagħhom “torbothomx lura biss” ma’ xi tip ta’ ballun li jogħla u jaqbeż.

Ilkoll kemm aħna għandna nistaqsu lilna nfusna, fejn tinsab il-fidi tagħna? F’ xi tim? F’ xi ditta partikolari? F’ xi ċelebrità? Anke l-aqwa tims ifallu. Iċ-ċelebritajiet jistgħu ma jibqgħux aktar popolari. F’ Wieħed biss il-fidi tiegħek tista’ tkun assigurata, u dan Hu l-Mulej Ġesù Kristu. U intom tridu turu l-fidi tagħkom!

Alla ddikjara fl- ewwel fost l-Għaxar Kmandamenti Tiegħu, “Ma jkollokx allat oħra għajri.”2 Huwa qal ukoll, “Fittxuni f’ kull ħsieb; tiddubitawx, tibżgħux.”3 Madankollu ħafna huma n-nies li jħarsu biss lejn il-bilanċ li għandhom fil-kont bankarju tagħhom biex iserħu moħħhom jew lejn xi ħadd mortali bħalhom biex jimxu warajh bħala mudell.

Ħafna drabi, nies li huma mediċi, akkademiċi u politiċi jaslu f’ mumenti fejn il-fidi tagħhom tiġi ppruvata. Fil-ħidma tagħhom biex jilħqu l-għanijiet tagħhom, sa juru jew sa jaħbu dak li jemmnu fih? Huma jinsabu marbutin ma’ Alla jew ma’ xi bniedem?

Jiena għaddejt minn test simili għexieren ta’ snin ilu meta wieħed mill-kollegi tiegħi fil-fakultà tal-mediċina beda jgħajjarni li jiena ma kontx kapaċi nissepara l-għarfien professjonali tiegħi mill-konvinzjonijiet reliġjużi tiegħi. Huwa ppretenda li jiena ma nħallatx it-tnejn flimkien. Kif stajt nagħmel dan, jiena? Il-verità hija verità! Ma tinqasamx, u ma tistax twarrab parti minnha.

Kemm jekk il-verità toħroġ minn xi laburatorju xjentifiku, kemm jekk permezz ta’ rivelazzjoni, il-verità kollha ġejja minn Alla. Il-verità kollha hija parti mill-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.4 Madankollu jiena kont qed nintalab sabiex naħbi l-fidi tiegħi. Jiena m’ aċċettajtx it-talba li għamilli l-kollega tiegħi. Jiena wrejt il-fidi tiegħi!

F’ kull karriera professjonali, jeħtieġ li jkollok standards stretti u preċiżi. Nies studjużi jgħożżu ferm il-libertà ta’ espressjoni tagħhom. Iżda wieħed ma jistax jikseb libertà sħiħa jekk parti mill-għarfien tiegħu ma jiġix aċċettat mil-liġijiet tal-bniedem.

Il-verità spiritwali ma tistax tiġi injorata—speċjalment il-kmandamenti divini. Aħna nitbierku kull darba li nżommu l-kmandamenti divini! Aħna nibqgħu lura milli nitbierku kull darba li niksru l-kmandamenti divini!5

Hawn daqstant problemi f’ din id-dinja peress li hija mimlija b’ nies imperfetti. L-oġġettivi u x-xewqat tagħhom huma influwenzati ferm mill-fidi jew min-nuqqas ta’ fidi tagħhom. Ħafna nies għandhom prijoritajiet oħra qabel Alla. Xi wħud jisfidaw ir-relevanza tar-reliġjon fil-ħajja moderna. Bħal f’ kull żmien ieħor qabel, illum jeżistu dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt jew jikkritikaw li wieħed jeżerċita b’ mod ħieles ir-reliġjon tiegħu. Xi wħud anke jitfgħu t-tort fuq ir-reliġjon għal bosta mill-problemi li hawn fid-dinja. Huwa minnu li kien hemm żminijiet meta twettqu atroċitajiet kbar f’ isem ir-reliġjon. Iżda li tgħixu r-reliġjon pura tal-Mulej, li tfisser li tagħmlu l-almu tagħkom biex issiru dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu, huwa stil ta’ ħajja u impenn kontinwu li jipprovdilkom gwida divina. Hekk kif intom tipprattikaw ir-reliġjon tagħkom, intom tkunu qed teżerċitaw il-fidi tagħkom. Tkunu qed turu l-fidi tagħkom.

Il-Mulej kien jaf li wliedu kien se jkollhom bżonn ikunu jafu kif għandhom isibuh. “Għax stretta hija x-xatba,” Huwa qal, “u dejqa hija t-triq li twassal għall-… eżaltazzjoni … , u ftit huma li se jsibuha.”6

L-iskrittura tipprovdi wieħed mill-aqwa modi kif nistgħu nisbu triqtna u nibqgħu fiha. L-għarfien li niksbu mill-iskrittura jipprovdilna wkoll protezzjoni prezzjuża. Per eżempju, tul l-istorja tad-dinja, ċerti infezzjonijiet bħad-”deni tal-ħlas” ikkaġunaw il-mewt ta’ bosta ommijiet u trabi innoċenti. Madankollu fit-Testment il-Qadim insibu l-prinċipji korretti kif għandek tittratta dawn il-pazjenti infettati, u dan inkiteb aktar minn 3,000 sena ilu!7 Ħafna nies inqerdu għaliex fit-tfittxija tiegħu għal għarfien akbar il-bniedem ma tax kas tal-kelma tal-Mulej!

Għeżież ħuti, kemm qed nimmissjaw f’ ħajjitna jekk ninsabu “dejjem lesti biex nitgħallmu, imma qatt ma jseħħilna naslu biex nagħrfu l-verità”?8 Aħna nistgħu niksbu għarfien kbir mill-iskrittura u niksbu ispirazzjoni permezz tat-talb tal-fidi.

Jekk nagħmlu dan se jgħinna fid-deċiżjonijiet tagħna ta’ kuljum. Speċjalment meta l-liġijiet tal-bniedem jiġu maħluqa u infurzati, il-liġijiet ta’ Alla għandhom ikunu l-istandard tagħna. Meta qed nittrattaw ċerti kwistjonijiet kontroversjali, għandna l-ewwel infittxu l-gwida ta’ Alla.

Għandna “inxebbħu l-iskrittura kollha magħna … biex tkun għalina ta’ vantaġġ u tagħlim.”9 Aħna nkunu qed nistiednu l-periklu meta nippruvaw noħolqu ċerta diviżjoni fina nfusna b’ espressjonijiet bħal “il-ħajja privata tiegħi” jew saħansitra “l-aħjar imġieba tiegħi.” Jekk xi ħadd jipprova jaqsam ħajtu f’ kompartamenti separati bħal dawn, dan qatt ma jista’ jilħaq il-massimu tal-integrità personali tiegħu—qatt ma jista’ jikseb il-veru potenzjal tiegħu.

It-tentazzjoni li tkun popolari tista’ twassal biex l-oppinjoni pubblika tieħu prijorità fuq il-kelma ta’ Alla. Il-kampanji politiċi u l-istrateġiji fil-marketing ħafna drabi jużaw ċerti sondaġġi dwar l-oppinjoni pubblika biex ifasslu l-pjanijiet tagħhom. Ir-riżultati li joħorġu minn dawn is-sondaġġi jkunu informattivi ħafna. Iżda diffiċli ħafna tużahom bħala evidenza li tista’ tiġġustifika d-diżubbidjenza lejn il-kmandamenti ta’ Alla. Anke jekk “kulħadd qed jagħmel hekk” il-ħażin qatt m’huwa tajjeb. Il-ħażen, l-iżball u d-dalma qatt ma jistgħu jkunu verità, anke jekk ikunu popolari. Fl-iskrittura hemm twissija li tiddikjara: “Gwaj għal dawk li jsejjħu tajjeb il-ħażin, u ħażin it-tajjeb; jibdlu d-dlam mad-dawl.” 10

Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, kien hemm kanzunetta popolari li kienet daqsxejn suġġestiva. Filwaqt li kienet qed tippromwovi l-immoralità, kienet tgħid li 50 miljun ruħ ma jistgħux ikunu kollha żbaljati. Iżda fil-fatt, 50 miljun ruħ jistgħu ikunu kollha żbaljati—kompletament żbaljati. L-immoralità xorta tibqa’ immoralità f’ għajnejn Alla, li xi darba għad jiġġudika l-għemejjel u x-xewqat kollha tagħna.11

Inqabbel il-biża’ u n-nuqqas ta’ fidi li qed jaħkmu lid-dinja fiż-żminijietna mal-fidi u l-kuraġġ tal-għażiża binti Emily, li issa tinsab tgħix fuq in-naħa l-oħra tal-velu. Hekk kif il-ħajja mortali bdiet tħalli l-ġisem maħkum mill-kanċer tagħha, hija bilkemm kien baqgħala saħħa titkellem. Iżda bi tbissima fuq wiċċha, hija qaltli, “Missier, tinkwetax fuqi. Naf li kollox se jkun sew!” Il-fidi ta’ Emily kienet tidher—tiddi b’ mod qawwi—f’ dak il-mument delikat, meta l-aktar kellna bżonnha.

Din il-ħelwa omm żagħżugħa ta’ ħamest itfal kellha fidi sħiħa f’ Missierha tas-Smewwiet, fil-pjan Tiegħu u fil-benesseri etern tal-familja tagħha. Hija kienet tinsab marbuta b’ mod sigur ma’ Alla. Hija kienet kompletament fidila lejn il-patti li hija għamlet mal-Mulej u ma’ żewġha. Hija kienet tħobb lil uliedha iżda kienet tinsab fil-paċi, minkejja li kienet se tiġi sseparata minnhom. Hija kellha fidi fil-futur tagħha, u anke fil-futur tagħhom, għaliex kellha fidi f’ Missierna tas-Smewwiet u f’ Ibnu.

Fl-1986, il-President Thomas S. Monson qal: “U żgur li sa nħabbtu wiċċna mal-biża’, sa nesperjenzaw ir-ridikulaġni u sa niltaqgħu mal-oppożizzjoni. Ejjew ikollna l-kuraġġ nikkumbattu l-għażla popolari, u l-kuraġġ li nieqfu għall-prinċipju li nemmnu fih. Aħna jkollna t-tbissima tal-approvazzjoni ta’ Alla jekk nuru l-kuraġġ u mhux jekk aħna nikkompromettu. … Ftakru li l-bnedmin kollha għandhom il-biżgħat tagħhom iżda dawk li jiffaċċjaw il-biżgħat tagħhom bil-fidi jkollhom ukoll il-kuraġġ.”12

Il-kunsill li ta l-President Monson jgħodd għal kull żmien! Għalhekk jiena nitlobkom bil-ħerqa, għeżież ħuti: Jum wara jum, fi triqitkom lejn id-destin etern tagħkom, kabbru l-fidi tagħkom. Iddikjaraw il-fidi tagħkom! Uru l-fidi tagħkom! 13

Nitlob sabiex intom tintrabtu b’ mod sigur ma’ Alla, sabiex il-veritajiet eterni jitnaqqxu għal dejjem ġo qalbkom. U nitlob li, tul ħajjitkom, intom turu l-fidi tagħkom! F’ isem Ġesù Kistu, amen.

Noti

  1. Meta titwieled tarbija, il-kurdun ikun marbut b’ mod doppju bejn dawk iż-żewġ legaturi. Legatura hija għoqda—għoqda sigura. Il-kelma reliġjon ġejja minn għeruq Latini: re, li tfisser “terġa’” jew “tmur lura,” u x’ aktarx ligare, li tfisser “torbot” jew “tillega.” Għalhekk, nifhmu li r-reliġjon “Tgħaqqad lill-fidili ma’ Alla.”

  2. Esodu 20:3. Barra minn hekk, il-Mulej qal, “Indmu, u erġgħu lura minn allatkom; u dawru wiċċkom … mill-qżiżijiet tagħkom” (Eżekjel 14:6).

  3. Doctrine and Covenants 6:36.

  4. Ara Spencer W. Kimball, The Teachings of Spencer W. Kimball, ed. Edward L. Kimball (1982), 391.

  5. Ara Mosiah 2:41; Doctrine and Covenants 58:30–33; 82:10. Dan il-prinċipju jgħodd għal kulħadd, għax “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd” (Atti 10:34; ara wkoll Moroni 8:12).

  6. Doctrine and Covenants 132:22.

  7. AraLevitku 15:13.

  8. 2 Timotju 3:7.

  9. 1 Nephi 19:23.

  10. Isaija 5:20.

  11. L-iskrittura tgħallem: “Ejjew għand il-Mulej, l-Imqaddes. Ftakru li triqatu ġusti. Araw, it-triq għall-bniedem hija dejqa, iżda tinsab dritta quddiemu, u l-għassies tax-xatba huwa l-Imqaddes ta’ Israel; u hemmhekk hu ma jimpjega l-ebda qaddej; u m’hemmx triq oħra ħlief mix-xatba; għaliex bih ma tqarraqx, għaliex il-Mulej Alla huwa ismu” (2 Nephi 9:41).

  12. Thomas S. Monson, “Courage Counts,” Ensign, Nov. 1986, 41. F’ okkażżjoni oħra, il-President Monson ta’ din it-tagħlima mill-aktar ispirata: “Biex ngħixu ħajja abbundanti, irridu niżviluppaw il-kapaċità li niffaċċjaw l-inkwiet b’ kuraġġ, id-diżappunt bil-ferħ, u t-trijonf b’ umiltà. … Aħna wlied Alla l-ħaj, li fix-xbiha Tiegħu ġejna maħluqin. … Ma nistgħux b’ sinċerità nħaddnu din il-konvinzjoni mingħajr ma nesperjenzaw sens ġdid u profond ta’ saħħa u qawwa, saħansitra saħħa biex ngħixu l-kmandamenti ta’ Alla u l-qawwa li nirreżistu t-tentazzjoni ta’ Satana” (“Yellow Canaries with Gray on Their Wings,” Ensign, Lulju 1973, 43).

  13. “Iċħdu lilkom infuskom minn kull ħażen” (Moroni 10:32). Tibżgħux mill-bniedem aktar milli tibżgħu minn Alla (ara Doctrine and Covenants 3:7; 59:5).