2010-2019
Fejn Hemm it-Teżor Tiegħek
April 2014


Fejn Hemm it-Teżor Tiegħek

Jekk ma noqogħdux attenti, nispiċċaw infittxu aktar dak li hu temporali minflok dak spiritwali.

Ftit wara l-konferenza ġenerali ta’ Ottubru, 2007, wieħed mill-aħwa qalli li issa jkollhom jgħaddu mas-seba’ snin biex jiena nerġa’ ngħaddi mill-istess esperjenza xejn pjaċevoli li għaddejt minnha. Ħadt ir-ruħ u għidtlu li dan iż-żmien sa nikkunsidrah bħala “s-seba’ snin ta’ xaba’” tiegħi. Mela, issa erġajt ninsab hawn; is-seba’ snin ta’ xaba’ tiegħi waslu fi tmiemhom.

Jannar li għadda, l-għażiża tiegħi, Grace, u jiena rċevejna essajnment sabiex immorru nżuru l-membri fil-Filippini li ġew milqutin bl-ikrah minn terremot qerriedi u tifun enormi. Aħna fraħna b’ din is-sejħa peress li dan l-essajnment kien tweġiba għal talbna u testment tal-ħniena u t-tjubija ta’ Missier tas-Smewwiet li tant iħobbna. Dan tana ċ-ċans li naqtgħu x-xewqa tagħna li nesprimu personalment l-imħabba tagħna lejhom.

Bosta mill-membri li ltqajna magħhom kienu għadhom qed jgħixu f’ akkomodazzjoni temporanja bħal xi tinda, ċentru tal-komunità u xi dar tal-laqgħat tal-Knisja. Id-djar li żorna kellhom parti minnhom biss msaqqfa u xi wħud ma kellhom ebda saqaf. In-nies diġà kellhom ftit li xejn, u l-ftit li kellhom spiċċaw tilfuh ukoll. Kien hemm tajn u tifrik ma’ kullimkien. Madankollu, huma kienu mimlijin gratitudni għall-ftit għajnuna li rċevew u kienu fi spirtu tajjeb minkejja ċ-ċirkustanzi verament diffiċli tagħhom. Meta staqsejniehom kif kienu qegħdin ikampaw, kollha wieġbu b’ ċerta konvinzjoni, “Ninsabu tajbin.” Ovvjament, il-fidi tagħhom f’ Ġesù Kristu mliethom bit-tama li eventwalment kollox kien sa jkun sew. Dar wara dar, tinda wara tinda, jiena u Sister Teh bdejna niġu mgħallmin minn dawn il-Qaddisin fidili.

Fi żminijiet ta’ nkwiet jew traġedja, il-Mulej għandu mod kif lilna jwassalna niex niffukaw ħajjitna u l-prijoritajiet tagħna mill-ġdid. F’ daqqa waħda, il-ħwejjeġ kollha materjali li tant domna naħdmu għalihom ma jibqgħux importanti aktar. Tibqa’ importanti biss il-familja tagħna u r-relazzjoni tagħna mal-oħrajn. Waħda oħt twajba spjegatha b’ dan il-mod: “Meta l-ilma naqas u kien wasal il-ħin biex nibdew innaddfu, ħarist ħarsa lejn dari u għidt bejni u bejn ruħi, ‘Il-lallu kemm faddalt imbarazz tul is-snin.’”

Nissuspetta li din l-oħt kisbet perspettiva aħjar u b’ hekk sa tkun aktar konxja meta tiġi biex tiddeċiedi liema huma dawk il-ħwejjeġ neċessarji u liema huma dawk li tista’ toqgħod mingħajrhom.

Fiż-żmien li għamilna naħdmu ma’ bosta membri tul is-snin, bi pjaċir stajna nosservaw abbundanza ta’ qawwa spiritwali. Rajna wkoll kemm abbundanza kif ukoll nuqqas ta’ ħwejjeġ materjali fost dawn il-membri fidili.

Sforz in-neċessità, ħafna minna ninsabu naħdmu biex naqilgħu l-flus u niksbu wħud mill-ħwejjeġ li toffri d-dinja sabiex inkunu nistgħu nsostnu l-familji tagħna. Dan joħdilna parti sewwa mill-ħin u l-enerġija tagħna. Dak li toffri d-dinja ma jispiċċa qatt, għalhekk huwa ferm importanti li nitgħallmu nagħrfu meta jkollna biżżejjed. Jekk ma noqogħdux attenti, nispiċċaw infittxu aktar dak li hu temporali minflok dak spiritwali. Nispiċċaw inwarrbu fil-ġenb dak li hu spiritwali u etern, minflok bil-kontra. Sfortunatament, jidher li teżisti inklinazzjoni qawwija biex niksbu dejjem aktar milli għandna u biex nippossjedu l-aktar ħwejjeġ sofistikati u riċenti.

Kif nistgħu nkunu ċerti li ma bdejniex niżlin f’ din it-triq? Ġakobb ta dan il-kunsill: “Għalhekk, tonfqux flus f’ dak li m’għandu ebda valur, jew taħdmu għal xi ħaġa li ma tistax tissodisfakom. Agħtu kas ta’ dak li qed ngħid, u ftakru l-kliem li tennejt; u ejjew għand il-Qaddis ta’ Israel, u iffesteġġjaw fuq dak li ma jispiċċa qatt, u qatt ma jitħassar, u ħallu ruħkom tifraħ b’ ikel bnin.”1

Nittama li ħadd minna ma jonfoq flus f’ dak li m’għandu ebda valur, jew jaħdem għal xi ħaġa li ma tissodisfahx.

Is-Salvatur għallem dan li ġej kemm lil-Lhud kif ukoll lin-Nefiti:

“Tgeddsux għalikom teżori f’ din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu:

“Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu:

“Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.”2

F’ okkażżjoni differenti, is-Salvatur ta din il-parabbola:

“Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu:

“U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, X’ se nagħmel, għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu?

“Ara x’ nagħmel, qal: Inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar; u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi.

“Imbagħad ngħid lili nnifsi, Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul ixrob, u xxala.

“Iżda qallu Alla, Iblah li int, dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura: u l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?

“Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”3

M’ilux wisq il-President Dieter F. Uchtdorf ta dan il-kunsill:

“Missierna tas-Smewwiet jara l-potenzjal veru tagħna. Huwa jaf ċerta ħwejjeġ dwarna li lanqas aħna stess ma nafu. Huwa jurina tul ħajjitna kif nistgħu nilħqu l-potenzjal tagħna, ngħixu ħajja tajba u nerġgħu lura fil-preżenza Tiegħu.

“Għalfejn, mela, niddedikaw daqstant ħin u enerġija fuq ħwejjeġ li huma tant temporanji, superfiċjali u li mhumiex importanti? Tgħid nirrifjutaw li naraw il-bluha li nippruvaw niksbu ħwejjeġ li huma verament bla valur u li jispiċċaw?”4

Ilkoll nafu li l-lista ta’ teżori tad-dinja tikkonsisti mill-kburija, flus, ħwejjeġ materjali, mill-ħakma fuq ħaddieħor u l-unuri tal-bnedmin. Ma jistħoqqilhomx li nagħmel aktar ħin nitkellem fuqhom, għalhekk sa niffoka minflok fuq ħwejjeġ li jimlew it-teżori tagħna fis-sema.

X’inhuma wħud mit-teżori fis-sema li nistgħu nħejju għalina nfusna? Biex nibdew, ikun tajjeb għalina li niksbu l-kwalitajiet li jixbhu lil Kristu, li huma l-fidi, it-tama, l-umiltà u l-karità. Ta’ spiss ġejna mogħtija l-kunsill sabiex “ninżgħu l-bniedem naturali … u nsiru bħal tifel ċkejken.”5 Is-Salvatur jitlobna sabiex nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inkunu perfetti bħalu u bħal Missierna tas-Smewwiet.6

It-tieni, irridu niddedikaw aktar ħin ta’ kwalità u nagħmlu sforz akbar biex insaħħu r-relazzjoni fil-familja. Wara kollox, “il-familja ġiet ordnata minn Alla. Hija l-aktar unit importanti kemm f’ din il-ħajja kif ukoll fl-eternità.”7

It-tielet, li naqdu lil ħaddieħor hija l-karatteristika ewlenija ta’ dixxiplu vera ta’ Kristu. Huwa qal, “Kull ma għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi.”8

Ir-raba’, li nifhmu d-duttrina ta’ Kristu u nsaħħu t-testimonjanza tagħna hija xi ħaġa li tagħtina ferħ u sodisfazzjon veru. Għandna bżonn nistudjaw kontinwament kliem Kristu kif jinsab fl-iskrittura, kif ukoll kliem il-profeti ħajjin. “Għax araw, kliem Kristu jgħidilkom dak kollu li għandkom tagħmlu.”9

Sa nikkonkludi bl-istorja ta’ waħda armla ta’ 73 sena li ltqajna magħha waqt iż-żjara tagħna fil-Filippini:

Meta t-terremot laqat il-gżira ta’ Boħol, id-dar li kemm hi kif ukoll ir-raġel tagħha kienu stinkaw tant biex bnew iġġarfet kompletament, u fiha tilfu ħajjithom bintha u n-neputija tagħha. Issa li spiċċat weħidha, kellha bżonn taħdem biex tkun tista’ tissapportja lilha nnifisha. Hija bdiet taħsel il-ħwejjeġ tan-nies (bl-idejn) u kemm-il darba kien ikollha titla’ u tinżel telgħa mhux ħażin biex iġġib l-ilma. Meta morna narawha, hija kienet għadha toqgħod ġot-tinda.

Hija qalet hekk: “Presbiteru, jiena naċċetta dak kollu li l-Mulej talabni ngħaddi minnu. M’ għandix rabja ġewwa fija. Jiena ngħożż ir-rakkomandazzjoni tat-tempju u nżommha taħt l-imħadda. Nixtieqek tkun taf li jiena nħallas dieċmi sħiħa fuq id-daqsxejn ta’ flus li naqla’ mill-ħasil tal-ħwejjeġ. Jiġri x’ jiġri, jiena dejjem inħallas id-dieċmi.”

Jiena naqsam it-testimonjanza tiegħi magħkom li l-prijoritajiet, it-tendenzi, l-inklinazzjonijiet, ix-xewqat, l-aptiti u l-passjonijiet tagħna sa jkollhom konsegwenzi diretti fuq l-istat tagħna li jmiss. Ejjew niftakru dejjem kliem is-Salvatur: “Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.” Jalla qlubna jkunu jinsabu dejjem fejn għandhom ikunu, hija t-talba tiegħi, f’ isem Ġesù Kristu, amen.