2010-2019
Ngħixu Leali lejn il-Fidi
April 2014


Ngħixu Leali lejn il-Fidi

Kull wieħed u waħda minna nistgħu verament nitbierku jekk nitgħallmu l-istejjer ta’ fidi u sagrifiċċju li permezz tagħhom missirijietna waslu biex ingħaqdu mal-Knisja tal-Mulej.

Verament togħġobni l-istorja tal-Knisja. Probabilment li bħal ħafna minnkom, il-fidi tiegħi tissaħħaħ meta jiena nitgħallem dwar id-dedikazzjoni enormi li kellhom missirijietna li aċċettaw l-evanġelju u għexu leali lejn il-fidi.

Xahar ilu, 12,000 żagħżugħ u żagħżugħa mill-aktar meraviljużi mid-Distrett tat-Tempju ta’ Gilbert, Arizona, iċċelebraw it-tlestija tat-tempju l-ġdid tagħhom permezz ta’ preżentazzjoni li tispirak, fejn huma wrew l-impenn tagħhom li jgħixu ħajja ġusta. It-tema taċ-ċelebrazzjoni tagħhom kienet “Ngħixu Leali lejn il-Fidi.”

L-istess kif għamlu dawk iż-żgħażagħ fidili minn Arizona, il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem kollha għandhom jikkommettu ruħhom li “jgħixu leali lejn il-fidi.”

Il-kliem tal-għanja jgħid, “Leali lejn il-fidi li għożżew il-ġenituri tagħna” (“True to the Faith,” Hymns, no. 254).

Nistgħu nżidu, “Leali lejn il-fidi li għożżew in-nanniet tagħna.”

Ma nafx kemm kull wieħed u waħda minn dawk iż-żgħażagħ minn Arizona kienu jafu tajjeb l-istorja tal-Knisja tagħhom—jekk kinux jafu kif il- familja tagħhom ingħaqdet mal-Knisja. Tkun ħaġa mill-isbaħ jekk il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem kollha jitgħallmu l-istejjer tal-konverżjoni ta’ missirijiethom.

Sew jekk intom dixxendenti tal-pijunieri, sew jekk le, il-wirt ta’ fidi u sagrifiċċju tal-pijunieri Mormoni huwa l-wirt tagħkom ilkoll. Huwa l-wirt nobbli tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.

Wieħed mill-isbaħ kapitli fl-istorja tal-Knisja seħħ meta fl-1840 Wilford Woodruff, Appostlu tal-Mulej, kien qed jgħallem l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu madwar ir-Renju Unit—10 snin biss wara li ġiet imwaqqfa l-Knisja.

Wilford Woodruff u xi Appostli oħra ffukaw il-ħidma tagħhom fl-inħawi ta’ Liverpool u Preston, ġewwa l-Ingilterra, fejn kellhom suċċess konsiderevoli. Il-Presbiteru Woodruff, li aktar tard sar President tal-Knisja, kien jitlob lil Alla kontinwament sabiex jiggwidah f’ din il-ħidma mill-aktar importanti. It-talb tiegħu wasslu sabiex jikseb l-ispirazzjoni li jmur jgħallem l-evanġelju f’ post differenti.

Il-President Monson għallimna li meta nirċievu l-ispirazzjoni mis-smewwiet sabiex nagħmlu xi ħaġa, naqbdu u nagħmluha—ma noqogħdux nitnikkru. Dan hu eżattament dak li għamel Wilford Woodruff. B’ direzzjoni ċara mill-Ispirtu sabiex “imur… lejn in-nofsinhar tal-pajjiż,” il-Presbiteru Woodruff telaq b’ mod immedjat u vvjaġġa lejn parti fl-Ingilterra li tissejjaħ Herefordshire—parti rurali fil-lbiċ tal-Ingilterra. Hawnhekk huwa ltaqa’ ma’ bidwi għani jismu John Benbow, u ġie milqugħ “b’ ferħ u gratitudni” (Wilford Woodruff, in Matthias F. Cowley, Wilford Woodruff: History of His Life and Labors as Recorded in His Daily Journals [1909], 117).

Grupp ta’ iktar minn 600 ruħ, li kienu jsejħu lilhom infushom l-Aħwa Uniti, kienu qed “jitolbu li jiksbu d-dawl u l-verità” (Wilford Woodruff, f’ Teachings of Presidents of the Church: Wilford Woodruff [2004], 91). Il-Mulej bagħat lil Wilford Woodruff bħala risposta għal talbhom.

Il-tagħlim tal-Presbiteru Woodruff ħalla l-frott b’ mod immedjat, u kienu ħafna li tgħammdu. Brigham Young u Willard Richards ingħaqdu miegħu f’ Herefordshire, u t-tliet appostli kellhom suċċess meraviljuż.

Fi ftit xhur biss, huma organizzaw 33 fergħa għall-541 membru li ngħaqdu mal-Knisja. Din il-ħidma meraviljuża kompliet, u ultimament kważi l-membri kollha tal-Aħwa Uniti ġew mgħammdin fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem.

Il-bużbużnanna tiegħi, Hannah Maria Eagles Harris, kienet waħda mill-ewwel nies li semgħu lil Wilford Woodruff. Hija infurmat lil żewġha, Robert Harris Jr., li hija kienet semgħet il-kelma ta’ Alla u xtaqet titgħammed. Robert ma tantx ħa gost b’ dak li qaltlu martu. Huwa qalilha li kien sa jmur jakkumpanjaha meta hija tmur għall-priedka li kien imiss mill-missjunarju Mormon, u jgħidlu erba’ kelmiet kif jaf hu.

Bilqiegħda fin-naħa ta’ quddiem tal-kongregazzjoni, b’ ċertezza li xejn ma kien se jbiddillu fehmtu, u forsi bil-ħsieb li anki jfixkel lil dan il-predikatur li mar iżurhom, Robert immedjatament ħass l-Ispirtu fih, l-istess kif ħassitu martu. Huwa kien jaf li l-messaġġ tar-Restawrazzjoni kien veru, u hu u martu ġew mgħammdin.

L-istorja tagħhom ta’ fidi u devozzjoni hija simili għal eluf ta’ oħrajn: meta huma semgħu l-messaġġ tal-evanġelju, kienu jafu li kien veru!

Kif jgħid il-Mulej, “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja” (Ġwanni 10:27).

Meta semgħu leħen ir-Ragħaj, huma ddedikaw kompletament ħajjithom biex jgħixu l-evanġelju u jimxu wara d-direzzjoni tal-profeta tal-Mulej. Wara li huma wieġbu għas-sejħa li jinġabru f’ Sijon, huma ħallew warajhom id-dar tagħhom fl-Ingilterra, qasmu l-Atlantiku, u nġabru flimkien mal-Qaddisin ġewwa Nauvoo, Illinois.

Huma ħaddnu l-evanġelju b’ qalbhom kollha. Meta kienu għadhom qed jistabbilixxu ruħhom f’ din l-art ġdida, huma għenu fil-bini tat-Tempju ta’ Nauvoo billi ħallsu d-dieċmi permezz tal-ħidma tagħhom—kull 10 ġurnata tax-xogħol tagħhom qattgħuha jaħdmu fuq il-kostruzzjoni tat-tempju.

Huma ħassew niket kbir f’ qalbhom hekk kif semgħu bil-mewt tal-profeta għażiż tagħhom, Joseph Smith u ta’ ħuh Hyrum. Iżda baqgħu għaddejjin! Huma baqgħu leali lejn il-fidi.

Meta l-Qaddisin ġew ippersegwitati u u mkeċċija minn Nauvoo, Robert u Marija ħassewhom verament imberkin li kienu rċevew l-għotja mqaddsa tagħhom fit-tempju ftit qabel ma huma qasmu x-Xmara Mississippi u rħewlha lejn il-punent. Għalkemm huma kienu inċerti x’ kien hemm għalihom fil-futur, kienu jinsabu ċerti dwar il-fidi tagħhom u t-testimonjanza tagħhom.

Flimkien mas-sitt itfal tagħhom, huma mxew b’ tant diffikultà minn ġot-tajn huma u jaqsmu l-istat ta’ Iowa fi triqthom lejn il-punent. Huma bnew għalihom daqsxejn ta’ kamra temporanja fix-xatt tax-Xmara Missouri, f’ post li baqa’ magħruf bħala Winter Quarters.

Dawn il-pijunieri kuraġġjużi kienu qed jistennew ċerta direzzjoni appostolika dwar kif u meta setgħu jkomplu mexjin lejn il-punent. Il-pjanijiet ta’ kulħadd kellhom jinbidlu hekk kif Brigham Young, il-President tal-Kworum tat-Tnax, ħareġ sejħa sabiex l-irġiel jagħmluha ta’ voluntieri fl-Armata tal-Istati Uniti f’ dik li baqgħet tissejjaħ bħala l-Battaljun Mormon.

Robert Harris Jr. kien wieħed minn iktar minn 500 pijunier Mormon li wieġbu għas-sejħa li għamel Brigham Young. Huwa nkiteb, avolja dan kien ifisser li kien se jħalli warajh lill-mara tqila tiegħu u lis-sitt uliedu.

Għalfejn hu u rġiel oħra waslu biex jagħmlu xi ħaġa bħal din?

It-tweġiba jagħtihielna fi kliemu stess il-bużbużnannu tiegħi. F’ ittra li huwa bagħat lil martu meta l-battaljun kien fi triqtu lejn Santa Fe, kiteb, “Il-fidi tiegħi għadha b’ saħħitha daqs kemm kienet qabel u meta naħseb dwar il-ħwejjeġ li qalilna bihom Brigham Young, jiena nemminhom daqs li kieku qalhomli l-Kbir Alla.”

F’ kelma waħda, huwa kien jaf li kien qed jisma’ profeta ta’ Alla, kif kienu jafu wkoll l-irġiel l-oħra. Għalhekk għamlu li għamlu! Kienu jafu li kienu mmexxijin minn profeta ta’ Alla.

F’ dik l-istess ittra, huwa esprima s-sentimenti ħelwin tiegħu lejn martu u wliedu u tkellem dwar il-talb kontinwu tiegħu sabiex hi u wliedhom ikunu mberkin.

Aktar ‘l isfel fl-ittra, huwa kiteb din id-dikjarazzjoni qawwija: “M’ għandniex ninsew qatt il-ħwejjeġ li inti u jiena smajna u esperjenzajna fit-Tempju tal-Mulej.”

Flimkien mat-testimonjanza ta’ qabel tiegħu li “aħna ninsabu mmexxijin minn Profeta ta’ Alla,” dawn iż-żewġ twiddibiet sagri saru għalija qishom skrittura.

Tmintax-il xhar wara li kien ingħaqad mal-battaljun, Robert Harris reġa’ ngħaqad mill-ġdid flimkien mal-għażiża tiegħu Marija. Huma baqgħu leali u fidili lejn l-evanġelju rrestawrat tul ħajjithom kollha. Huma kellhom 15-il tifel u tifla, 13 minnhom baqgħu ħajjin. In-nanna tiegħi Fannye Walker, minn Raymond, Alberta, il-Kanada, kienet waħda mill-136 neputijiet tagħhom.

In-nanna Walker kienet kburija mill-fatt li n-nannutagħha kien serva fil-Battaljun Mormon, u hija riedet li t-tfal tat-tfal tagħha jkunu jafu b’ dan. Illum li jiena nannu, nifhem għalfejn dan kien daqshekk importanti għaliha. Hija riedet iddawwar il-qlub tat-tfal lejn missirijiethom. Hija riedet li n-neputijiet tagħha jkunu jafu dwar il-wirt tajjeb tagħhom—għaliex kienet taf li dan seta’ jbierek ħajjithom.

Aktar ma nħossuna marbutin mal-antenati twajba tagħna, aktar hemm ċans li nagħmlu għażliet għaqlija u ġusti.

U hekk hu. Kull wieħed u waħda minna nistgħu verament nitbierku jekk nitgħallmu l-istejjer ta’ fidi u sagrifiċċju li permezz tagħhom missirijietna waslu biex ingħaqdu mal-Knisja tal-Mulej.

Mill-ewwel darba li Robert u Marija semgħu lil Wilford Woodruff jgħallem u jixhed dwar ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju, huma kienu jafu li l-evanġelju kien veru.

Kienu jafu wkoll li kienu x’ kienu l-isfidi u d-diffikultajiet li setgħu jesperjenzaw, huma kienu sa jitbierku jekk jibqgħu leali lejn il-fidi. Qishom kważi semgħu leħen il-profeta tagħna tal-lum, li qal, “L-ebda sagrifiċċju mhu kbir wisq … sabiex aħna nirċievu l-barkiet tat-tempju” (Thomas S. Monson, “The Holy Temple—a Beacon to the World,” Ensign jewLiahona, Mejju 2011, 92).

Fuq il-ġenb tal-munita taż-żewġ liri tar-Renju Unit hemm imnaqqax il-kliem “Nieqfu fuq Spallejn il-Ġganti.” Meta niftakar dwar l-antenati pijunieri kbar tagħna, inħoss li aħna ninsabu lkoll weqfin fuq spallejn il-ġganti.

Għalkemm it-twiddiba waslet minn ittra li kiteb Robert Harris, jiena nemmen li għadd kbir ta’ antenati tagħna jibagħtu l-istess messaġġ lit-tfal u t-tfal tat-tfal tagħhom: L-ewwel, m’ għandniex ninsew l-esperjenzi li kellna fit-tempju, u m’ għandniex ninsew il-wegħdi u l-barkiet li nirċievu lkoll kemm aħna minħabba t-tempju. It-tieni, m’ għandniex ninsew li aħna ninsabu mmexxijin minn profeta ta’ Alla.

Jiena nixhed li aħna ninsabu mmexxijin minn profeta ta’ Alla. Il-Mulej irrestawra l-Knisja Tiegħu f’ dawn l-aħħar jiem permezz tal-Profeta Joseph Smith, u m’ għandna qatt ninsew li aħna dejjem ġejna mmexxijin minn katina waħda ta’ profeti ta’ Alla, minn Joseph sa Brigham u permezz ta’ kull President ieħor tal-Knisja sal-profeta tagħna llum—Thomas S. Monson. Jiena nafu, jiena nonorah u jiena nħobbu. Jiena nixhed li hu huwa l-profeta tal-Mulej fid-dinja llum.

Hija x-xewqa ta’ qalbi li, flimkien ma’ wliedi u wlied uliedi, aħna nonoraw il-wirt tal-antenati twajbin tagħna—dawk il-pijunieri fidili Mormoni li kienu lesti li jpoġġu kollox fuq l-artal tas-sagrifiċċju sabiex jiddefendu lil Alla tagħhom u l-fidi tagħhom. Nitlob sabiex kull wieħed u waħda minna ngħixu leali lejn il-fidi li għożżew missirijietna. Fl-isem imqaddes u sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.