2010-2019
Agħmel il-Ħila u Qawwi Qalbek
April 2014


Agħmel il-Ħila u Qawwi Qalbek

“Ejjew—ilkoll kemm aħna—ikollna l-kuraġġ nikkumbattu l-għażla popolari, u l-kuraġġ li nieqfu għall-prinċipju li nemmnu fih.

Għeżież ħuti, kemm qed nieħu gost li erġajt ninsab magħkom. Nitlob li jkolli l-għajnuna divina f’ din l-opportunità li għandi li nindirizzakom.

Lil hinn minn dan iċ-Ċentru tal-Konferenza hemm eluf oħra li jinsabu miġburin f’ kappelli u f’ postijiet oħra madwar id-dinja. Ilkoll kemm aħna għandna ħaġa li tgħaqqadna lkoll flimkien, għaliex aħna lkoll ġejna mogħtija is-saċerdozju ta’ Alla.

Aħna ninsabu hawn fid-dinja fi żmien mill-aktar meraviljuż tal-eżistenza tagħha. L-opportunitajiet tagħna huma kważi bla limitu, u madankollu aħna nħabbtu wiċċna wkoll ma’ għadd ta’ sfidi li xi wħud minnhom qatt ma kienu jeżistu qabel.

Ninsabu ngħixu f’ dinja fejn il-valuri morali, ħafna drabi, jingħataw il-ġenb, fejn id-dnub ma jiġix imrażżan, u fejn it-tentazzjoni li noħorġu ‘l barra mill-mogħdija stretta u dejqa tinsab magħna l-ħin kollu. Aħna ninsabu nħabbtu wiċċna ma’ pressjoni kontinwa u influwenzi insidjużi li jkissru dak kollu li hu diċenti u jippruvaw jibdlu dan ma’ ċerti filosofiji u drawwiet superfiċjali ta’ soċjetà sekulari.

Minħabba dawn l-isfidi u sfidi oħra, ilkoll kemm aħna jkollna nagħmlu kontinwament deċiżjonijiet li jiddeterminaw id-destin tagħna. Sabiex aħna nkunu nistgħu nagħmlu deċiżjonijiet tajbin, jeħtieġ li nuru l-kuraġġ—il-kuraġġ li ngħidu le meta jkun il-ħin li nagħmlu dan, il-kuraġġ li nagħmlu s-sew għaliex hekk ikun xieraq.

Filwaqt li s-soċjetà llum qiegħda aktar ma tmur titbiegħed mill-valuri u l-prinċipji li tana l-Mulej, aħna żgur li se niġu msejħin sabiex niddefendu dak li nemmnu fih. Aħna għandna l-kuraġġ li nagħmlu dan?

Il-President J. Reuben Clark Jr., li għal bosta snin kien membru tal-Ewwel Presidenza, qal: “Kien hemm sitwazzjonijiet fejn ċerti nies li suppost kienu nies ta’ fidi … ħassew li peress li xi nies bla fidi madwarhom jafu jirridikulawhom jekk huma jixhdu dwar dak li verament jemmnu fih, allura jkun aħjar għalihom jekk huma jimmodifikaw il-fidi tagħhom jew inkella jnaqqsu mill-importanza tagħha billi jispjegawha b’ mod li jispiċċaw jeqirduha u anke jaslu biex jippretendu li m’għandhomx x’ jaqsmu magħha. Dawn huma ipokriti.”1 Ħadd minna ma jixtieq li jiġi ttimbrat b’ dan il-mod, madankollu aħna nsibuha bi tqila biex f’ ċerti ċirkustanzi niddikjaraw il-fidi tagħna?

Nistgħu ngħinu lilna nfusna fix-xewqa tagħna li nagħmlu dak li hu xieraq jekk immorru f’ postijiet u nipparteċipaw f’ attivitajiet fejn ħsibijietna jiġu influwenzati għat-tajjeb u fejn nistgħu nħossu l-Ispirtu tal-Mulej.

Niftakarni naqra m’ilux il-kunsill li wieħed missier ta lil ibnu qabel ma huwa telaq biex imur jibda l-iskola lil hinn mid-dar: “Jekk xi darba tispiċċa f’ xi post li m’għandekx tkun fih, oħroġ minn hemm!” Jiena noffrilkom l-istess parir: “Jekk xi darba tispiċċaw f’ xi post li m’għandkomx tkunu fih, oħorġu minn hemm!”

Ilkoll kemm aħna għandna bżonn il-kuraġġ kontinwament. Aħna għandna bżonn il-kuraġġ f’ kull jum ta’ ħajjitna—mhux biss f’ mumenti sinifikanti iżda b’ mod partikolari hekk kif aħna jkollna niddeċiedu jew nirrispondu għaċ-ċirkustanzi ta’ madwarna. Il-poeta u kittieb Skoċċiż Robert Louis Stevenson qal: “Ftit issib xhieda biex jixhdu għal kuraġġ li turi kuljum. Iżda l-kuraġġ tiegħek mhux anqas nobbli għalkemm ma jkunx hemm għalik la daqq tat-tnabar u lanqas folla biex tgħajjat ismek.”2

Il-kuraġġ jiġi f’ diversi forom. L-awtur Kristjan Charles Swindoll kiteb: “Il-kuraġġ mhux limitat biss għall-kamp tal-battalja … jew meta taqbad xi ħalliel li jkun daħal f’ darek. It-testijiet reali ta’ kuraġġ huma ferm aktar sottili. Huma testijiet intimi, bħal li tibqa’ fidil meta ħadd ma jkun qed jarak, … bħal meta tieqaf waħdek meta ħadd ma jkun qed jifhmek.”3 Irrid inżid ukoll li dan il-kuraġġ intimu jinkludi wkoll li nagħmlu s-sew avolja nistgħu nkunu beżgħana, niddefendu t-twemmin tagħna avolja nistgħu niġi rredikolati, u nibqgħu niddikjaraw dan it-twemmin anke meta nafu li nistgħu nitilfu l-ħbieb jew l-istatus soċjali tagħna. Dak li jibqa’ sod għal dak li hu sew jaf jirriskja li xi kultant ikun diżapprovat u mhux daqstant popolari.

Waqt li kont qed inservi fin-Navy tal-Istati Uniti fit-Tieni Gwerra Dinjija, jiena rajt b’ għajnejja għemejjel mill-aktar qalbiena u mumenti u eżempji ta’ kuraġġ. Żgur li ma nistax ninsa l-kuraġġ sottili ta’ baħri ta’ 18-il sena—mhux tat-twemmin tagħna—li ma kienx isibha bi tqila biex jitlob. Fost il-250 raġel li kien hemm fil-unit tagħna, huwa kien l-uniku wieħed li kull filgħaxija kien jinżel għarkobbtejh ħdejn is-sodda tiegħu, filwaqt li dawk li ma kinux jemmnu f’ Alla kienu jiżżufjettaw bih u jaqbdu miegħu. B’ rasu baxxuta, huwa talab lil Alla. Huwa qatt ma naqas jagħmel dan. Huwa qatt ma qata’ qalbu. Huwa kellu l-kuraġġ.

M’ilux smajt rakkont ta’ eżempju ta’ bniedem li żgur li ma kienx nieqes mill-kuraġġ intimu. Ħabiba tiegħi rrakkontatli dwar laqgħa sagramentali mill-aktar spiritwali u mimlija fidi li hi u żewġha attendew flimkien fil-qasam tagħhom. Wieħed żagħżugħ li kien iħaddan l-uffiċċju ta’ qassis fis-Saċerdozju Aroniku miss il-qlub tal-membri kollha tal-kongregazzjoni hekk kif tkellem dwar il-veritajiet tal-evanġelju u l-ferħ li nħossu meta nżommu l-kmandamenti. Huwa qasam it-testimonjanza ferventi u kommoventi tiegħu hekk kif waqaf quddiem il-pulptu, liebes pulit permezz ta’ qmis bajda u ngravata.

Aktar tard f’ dak il-jum, hekk kif din il-mara u żewġha kienu qed isuqu fl-inħawi fejn kienu joqogħdu, huma raw lil dan l-istess żagħżugħ li kien ispirahom tant ftit tas-sigħat qabel. Issa, madankollu, huwa kien qed jirrappreżenta stampa totalment differenti hekk kif kien miexi fuq il-bankina liebes żgarfat—u jpejjep sigarett. Ħabibti u żewġha ma kinux biss diżappuntati ħafna u mnikktin verament, iżda kienu wkoll konfużi kif seta’, b’ mod mill-aktar konvinċenti, ikun bħallikieku persuna mod fil-laqgħa sagramentali u mbagħad f’ daqqa waħda jinbidel fi bniedem totalment differenti.

L-aħwa, intom tkunu dejjem l-istess persuna, irrelevanti fejn intom u x’ qegħdin tagħmlu—il-persuna li Missierna tas-Smewwiet iridkom tkunu u l-persuna li tafu li għandkom tkunu?

F’ intervista ppublikata f’ rivista nazzjonali, il-plejer magħruf Amerikan tal-baskitbol NCAA, Jabari Parker, membru tal-Knisja, ġie mistoqsi sabiex jaqsam mar-rivista dak li kien l-aqwa parir li qatt irċieva mingħand missieru. Jabari wieġeb, “Missieri qalli, Meta tkun fid-dlam kun l-istess persuna li tkun meta tkun fid-dawl.”4 Parir siewi, l-aħwa, għalina lkoll.

L-iskrittura tagħna mimlija b’ eżempji tat-tip ta’ kuraġġ li lkoll kemm aħna għandna bżonn illum. Il-profeta Danjel wera kuraġġ enormi meta baqa’ sod għal dak li kien jaf li huwa tajjeb u billi wera l-kuraġġ li jitlob, avolja mhedded li jinqatel jekk huwa jagħmel dan.5

Il-kuraġġ jikkaratterizza l-ħajja ta’ Abinadi, kif wera ċar meta kien lest li jmut minflok jiċħad il-verità. 6

Min jista’ ma jispirax ruħu mill-ħajja tal-2,000 gwerrier żagħżugħ, ulied Ħilaman, li għallmu u wrew il-bżonn li juru l-kuraġġ u jimxu wara t-tagħlim tal-ġenituri tagħhom, li jkunu kasti u puri?7

Jista’ jkun li l-akbar eżempju fost dawn ir-rakkonti skritturali kollha huwa dak ta’ Moroni, li kellu l-kuraġġ li jibqa’ għaddej fis-sewwa sat-tmiem.8

Matul ħajtu, il-Profeta Joseph Smith uriena diversi eżempji ta’ kuraġġ. Wieħed mill-aktar drammatiċi seħħ hekk kif hu u xi aħwa oħra kienu jinsabu marbutin flimkien bil-ktajjen—immaġinaw, marbutin flimkien—u maqfulin ġewwa kamra tal-injam nofsha lesta ħdejn il-qorti ġewwa Richmond, Missouri. Parley P. Pratt, li kien fost dawk miżmuma priġunieri, kiteb dwar dak li kien seħħ f’ lejl partikolari: “Inxħetna bħallikieku konna reqdin sakemm qabeż nofs il-lejl, u widnejna u qlubna kienu miġugħin, hekk kif kellna nissaportu sigħat sħaħ ta’ kliem oxxen, profanità, dagħa u l-lingwaġġ moqżież tal-gwardjani tagħna.”

Il-Presbiteru Pratt kompla:

“Bqajt nisma’ sakemm tant iddiżgustajt ruħi u ħassejtni xxukjat, imwerwer u mimli bl-ispirtu ta’ rabja ġustifikata li kont sa nqum fuq saqajja u nċanfar lill-gwardjani; iżda m’ għedt b’ xejn lil Joseph jew lil xi ħaddieħor, għalkemm kont ninsab mixħut ħdejh u kont naf li kien jinsab imqajjem. F’ daqqa waħda huwa qam fuq saqajh, u tkellem b’ leħen iriegħed, bħal għajta ta’ ljun, waqt li qal, bejn wieħed u ieħor, il-kliem li ġej:

“‘IEQFU. … f’ isem Ġesù Kristu jiena nċanfarkom, u nitlobkom tieqfu; mhux se ngħaddi minuta oħra nisma’ dan it-tip ta’ lingwaġġ. Tibqgħux titkellmu hekk, ghax xi ħadd minna, intom jew jiena, imut F’ DAN IL-MUMENT!”

Joseph “waqaf hemm b’ maestà mill-aktar kbira,” kif iddeskriva l-Presbiteru Pratt. Huwa kien marbut bil-ktajjen, mingħajr ebda arma, u madankollu huwa kien kalm u dinjituż. Huwa ħares ‘l isfel lejn il-gwardani beżgħana, li kienu nxteħu għarkobbtejhom ħdejn saqajh f’ rokna tal-kamra. Dawn l-irġiel li kienu qishom ħadd ma jista’ jikkoreġihom skużaw ruħhom u baqgħu kwieti.9

Mhux kull att ta’ kuraġġ jagħti riżultati daqstant spettakulari jew immedjati, iżda madankollu kollha kemm huma jagħtuk il-paċi fil-moħħ u l-għarfien li inti ddefendejt is-sewwa u l-verità.

Huwa impossibli li bniedem jieqaf dritt meta huwa jiżra’ l-għeruq tiegħu fir-ramel jitħarrek tal-opinjoni u l-approvazzjoni popolari. Hemm bżonn ferm il-kuraġġ ta’ Danjel, ta’ Abinadi, ta’ Moroni jew ta’ Joseph Smith sabiex aħna nżommu sodi ma’ dak li nafu li huwa ġust. Huwa kellhom il-kuraġġ li ma jagħmlux dak li hu faċli iżda dak li hu ġust.

Aħna lkoll sa nħabbtu wiċċna mal-biża’, sa nesperjenzaw ir-ridikulaġni u sa niltaqgħu ma’ oppożizzjoni. “Ejjew—ilkoll kemm aħna—ikollna l-kuraġġ nikkumbattu l-għażla popolari, u l-kuraġġ li nieqfu għall-prinċipju li nemmnu fih. Il-kuraġġ, mhux il-kompromess, iġibu t-tbissima tal-approvazzjoni ta’ Alla. Il-kuraġġ isir virtù ħaj u attraenti meta aħna mhux biss inqisuh bħala r-rieda tagħna li mmutu b’ unur, iżda wkoll bħala determinazzjoni li ngħixu b’ mod diċenti. Hekk kif aħna nimxu ‘l quddiem, filwaqt li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħixu kif inhu xieraq, aħna żgur li nirċievu l-għajnuna mingħand il-Mulej u nkunu nistgħu nsibu l-faraġ fi kliemu. Kemm togħġobni l-wegħda Tiegħu kif hemm miktub fil-ktieb ta’ Ġożwè:

“Ma nħallikx, ma nitilqekx. …

“… Agħmel il-ħila u qawwi qalbek; tibżax u titħawwadx, għax il-Mulej, Alla tiegħek, ikun miegħek kull fejn tmur.” 10

Għeżież ħuti, bil-kuraġġ tal-konvinzjoni tagħna, jalla niddikjaraw, flimkien mal-Appostlu Pawlu, “Jiena ma nistħix mill-Evanġelju ta’ Kristu.”11 U mbagħad bl-istess kuraġġ, jalla nimxu wara l-kunsill ta’ Pawlu: “Kun ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa.” 12

Il-kunflitti katastrofiċi jiġu u jmorru, iżda l-gwerra għall-ħakma ta’ ruħ il-bnedmin tkompli għaddejja mingħajr waqfien. Il-kelma tal-Mulej tasal għandkom, għandi u għand dawk kollha li jħaddnu s-saċerdozju, b’ ċarezza kbira: “Għalhekk, araw li kull raġel jitgħallem dmiru, u jaġixxi fl-uffiċċju li fih ġie maħtur, bid-diliġenza kollha.” 13 Imbagħad inkunu, kif iddikjara l-Appostlu Pietru, sewwasew “saċerdozju rjali,” 14 magħqudin fil-għan u mogħnija bil-qawwa mill-għoli.15

Jalla kull wieħed minnkom jitlaq minn hawn illejla b’ determinazzjoni u b’ kuraġġ li jgħid, flimkien ma’ Ġob tal-qedem “sakemm idum in-nifs f’ imnifsejja, …insostni sa ma mmut is-sewwa tiegħi.”16 Din hija t-talba umli tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna, amen.