2010-2019
It-Tagħbija Ħelwa li Nġorru bħala Dixxipli
April 2014


It-Tagħbija Ħelwa li Nġorru bħala Dixxipli

Li nsostnu lill-mexxejja tagħna huwa privileġġ; miegħu dan iġib ukoll ċerti responsabbiltajiet personali li aħna naqsmu t-tagħbija li qed iġorru magħhom u li nkunu dixxipli tal-Mulej.

Fl-20 ta’ Mejju tas-sena l-oħra, uragan mill-aktar qawwi għamel ħsara enormi fis-subborgi tal-Belt ta’ Oklahoma, fil-qalba tal-Amerka, fejn qered kważi għal kollox medda ta’ art wiegħsa mil (1.6 km) u twila 17-il mil (27 km). Ir-riżultat ta’ din il-maltempata, sensiela ta’ uragani qerrieda, kien bidla sħiħa fil-pajsaġġ u fil-ħajja tan-nies f’ dawk l-inħawi.

Ġimgħa biss wara li seħħet dik il-maltempata enormi, jiena ntlabt sabiex inżur l-inħawi fejn id-djar u dak kollu li kien hemm fihom kienu spiċċaw terrapien imxerred madwar dik il-medda art, li issa kienet saret ħerba waħda.

Qabel ma tlaqt, jiena tkellimt mal-għażiż profeta tagħna, il-President Thomas S. Monson, li għandu għal qalbu ħafna ħidma bħal din f’ isem il-Mulej. B’ rispett muri mhux biss lejn l-uffiċċju li hu jħaddan iżda wkoll lejn it-tjubija tiegħu, jiena staqsejtu, “Xi tridni nagħmel? Xi tridni ngħid?”

Huwa qabadli idi bil-ħlewwa, kif żgur li kieku jagħmel ma’ kull wieħed u waħda mill-vittmi u dawk li kienu jinsabu jgħinu qalb dik il-qerda kollha li kieku hu kien preżenti hemm, u qalli:

“L-ewwel, għidilhom li nħobbhom.

“It-tieni, għidilhom li qed nitlob għalihom.

“It-tielet, jekk jogħġbok irringrazzja lil dawk li qed jgħinu.”

Bħala membru tal-Presidenza tas-Sebgħin, stajt inħoss it-toqol fuq spallejja fil-kliem li l-Mulej qal lil Mosè:

“Iġborli sebgħin mill-anzjani ta’ Iżrael li int taf li huma xjuħ u għandhom il-ħila li jiggvernaw; …

“U jien ninżel u nitkellem miegħek hemmhekk, u nieħu mill-ispirtu li hemm fik, u nqiegħdu fihom, u huma jaqsmu miegħek il-piż ta’ dan il-poplu, u ma terfgħux int waħdek.”1

Dan huwa kliem minn żmien il-qedem, iżda l-prinċipji tal-Mulej ma jinbidlux.

Bħalissa fil-Knisja, il-Mulej sejjaħ 317 il-Sebgħin, li jservu fi 8 kworumijiet biex jassistu lit-Tnax-il Appostlu jġorru t-tagħbija li tinsab fuq spallejn l-Ewwel Presidenza. Jiena nħossni nġorr dik it-tagħbija b’ ferħ kbir ġewwa fija, l-istess bħall-Aħwa sħabi. Madankollu, aħna m’ aħniex l-uniċi nies li ninsabu nassistu f’ din il-ħidma glorjuża. Bħala membri tal-Knisja madwar id-dinja, ilkoll kemm aħna għandna l-opportunità li nbierku ħajjet ħaddieħor.

Mill-profeta għażiż tagħna jiena tgħallimt x’ verament kellhom bżonn dawk in-nies li ġew milquta mill-maltempata—imħabba, talb u apprezzament lejn dawk li kienu qed jgħinuhom.

Illejla kull wieħed u waħda minna sa ngħollu dirgħajna tal-lemin ‘il fuq biex insostnu l-Ewwel Presidenza u l-Kworum tat-Tnax-il Appostlu bħala profeti, bassara u rivelaturi tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Din mhijiex sempliċiment formalità, jew hija riservata għal dawk imsejħa biex iservu bħala uffiċjali ġenerali fil-Knisja. Li nsostnu lill-mexxejja tagħna huwa privileġġ; miegħu dan iġib ukoll ċerti responsabbiltajiet personali li aħna naqsmu t-tagħbija li qed iġorru magħhom u nkunu dixxipli tal-Mulej Ġesù Kristu.

Il-President Monson qal:

“Aħna ninsabu mdawrin minn dawk li għandhom bżonn l-attenzjoni tagħna, l-inkuraġġiment tagħna, l-appoġġ tagħna, il-faraġ tagħna, it-tjubija tagħna—kemm jekk huma membri tal-familja, ħbieb jew nies li nafuhom, kif ukoll jekk huma stranġieri. Aħna jdejn il-Mulej hawn fid-dinja, b’ mandat li naqduh u nelevaw lil uliedu. Huwa jiddependi minn kull wieħed u waħda minna. …

“‘… Kull ma għamiltu mal-iżgħar fost ħuti … , għamiltuh miegħi.’ [Mattew 25:40].”2

Aħna lesti nirrispondu b’ imħabba meta quddiemna jkollna l-opportunità li mmorru nżuru lil xi ħadd jew nagħmlu xi telefonata, niktbu xi nota jew inqattgħu xi jum ngħinu lil xi ħadd? Jew inkunu bħal dak iż-żagħżugħ li ddikjara li qed jobdi l-kmandamenti kollha ta’ Alla:

“Jiena dan kollu ħaristu: x’ jonqosni iżjed?”

“Ġesù qallu, Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema: imbagħad ejja u imxi warajja.”3

Iż-żagħżugħ kien qed jiġi msejjaħ biex ikun ta’ servizz akbar flimkien mal-Mulej fil-ħidma tas-saltna ta’ Alla fid-dinja, madankollu qata’ qalbu, “għax kien għani ħafna.”4

Xi ngħidu għal dak li nippossedu aħna fid-dinja? Nistgħu naraw kif uragan jista’ jeqred dak kollu li għandna f’kemm ili ngħidlek. Huwa tant importanti għal kull wieħed u waħda minna li nippruvaw naħżnu t-teżori tagħna fis-smewwiet—billi nużaw il-ħin, it-talenti u l-għażla ħielsa tagħna biex naqdu lil Alla.

Ġesù Kristu jkompli jestendi s-sejħa Tiegħu “Ejja u imxi warrajja.”5 Huwa mexa madwar l-art fejn kien joqgħod flimkien mad-dixxipli Tiegħu jagħmel il-ġid. Huwa jkompli jimxi magħna, jieqaf magħna u jmexxina. Biex nimxu wara l-eżempju perfett Tiegħu aħna għandna nagħrfu u nonoraw lis-Salvatur, li ġarr fuqu t-tagħbija tagħna kollha permezz tal-Att tal-Fidwa sagru biex isalvana, l-att suprem ta’ servizz. Dak li qed jitlob minn kull wieħed u waħda minna hu li nkunu lesti li bħala dixxipli nġorru fuqna “t-tagħbija” ħelwa.

Meta kont Oklahoma, jiena kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ wħud mill-familji li kienu ġew milquta mill-irwiefen qawwija. Hekk kif mort inżur lill-familja Sorrels, laqtitni ferm l-esperjenza ta’ binthom, Tori, li kienet fil-ħames sena tal-Iskola Elementari ta’ Plaza Towers. Hi u ommha jinsabu magħna llum.

Tori u wħud minn ħbiebha marru jiġru lejn il-kamra tal-banju biex jistkennu mill-uragan li kien qed jonfoħ madwar l-iskola. Isimgħuni naqra kliem l-istess Tori tirrakkonta dak li ġara dak inhar:

“Smajt xi ħaġa nieżla fuq is-saqaf. Ħsibt li kienet sempliċiment borra. Il-ħoss beda aktar ma jmur aktar isir qawwi. Tlabt sabiex Misserna tas-Smewwiet jipproteġina lkoll u jbiegħdna mill-periklu. F’ daqqa waħda smajna ħoss kbir qisu ta’ xi vacuum cleaner u s-saqaf li kellna fuq rasna sparixxa. Inħkimna minn riħ qawwi u t-tifrik li bed jtir ma’ kullimkien beda jaħbat ma’ kull parti ta’ ġisimna. Barra kien qisu dalam u s-sema dehret sewda, iżda fil-fatt ma kenitx—konna qed inħarsu ġo l-uragan. Jiena għalaqt għajnejja, nittama u nitlob li ma jdumx ma jgħaddi kollox.

“F’ daqqa waħda waqaf kollox.

“Meta ftaħt għajnejja, rajt tabella tat-toroq eżatt quddiem wiċċi! Kienet kważi qed tmiss imnieħri.”6

Tori, ommha, u t-tliet ħutha u għadd kbir ta’ ħbieb li dak il-ħin kienu jinsabu fl-iskola salvaw dak l-uragan b’ mod mirakoluż; sebgħa minn sħabhom ma rnexxilhomx isalvaw.

F’ dik it-tmiem il-ġimgħa partikolari, l-aħwa tas-saċerdozju taw bosta barkiet lill-membri li soffrew tant waqt il-maltempata. Kien privileġġ għalija li tajt barka lil Tori. Hekk kif poġġejt idejja fuq rasha, ġiet f’ moħħi skrittura favorita tiegħi: “Jiena sa nkun quddiemkom. Jiena sa nkun fuq il-lemin u fuq ix-xellug tagħkom, u l-Ispirtu tiegħi sa jkun f’ qalbkom, u l-anġli tiegħi jduru magħkom, biex jgħinukom.”7

Jiena tajt parir lil Tori sabiex tiftakar il-jum meta qaddej tal-Mulej poġġa jdejh fuq rasha u ddikjara li hija kienet ġiet protetta mill-anġli waqt il-maltempata.

Li nagħmlu li nistgħu sabiex insalvaw lil xulxin, hi x’inhi ċ-ċirkustanza, hija miżura eterna ta’ mħabba. Dan huwa s-servizz li jiena rajt b’ għajnejja dik il-ġimgħa f’ Oklahoma.

Ħafna drabi aħna ningħataw l-opportunità li ngħinu lil ħaddieħor f’ mument ta’ bżonn. Bħala membri tal-Knisja, aħna lkoll għandna r-responsabbiltà sagra li “nġorru t-tagħbija ta’ xulxin, sabiex tkun ħafifa,”8 “nibku ma’ dawk li jibku,”9 u “nerfgħu l-idejn li jinsabu merħija u nsaħħu l-irkubbtejn dgħajfa.”10

Ħuti, kemm hu grat il-Mulej għal kull wieħed u waħda minnkom, għas-sigħat u l-għemejjel ta’ servizz, kbar jew żgħar, li intom toffru kuljum, b’ tant ġenerożità u grazzja.

Fil-Ktieb ta’ Mormon, is-Sultan Benjamin għallem, “Meta tkun ta’ servizz għal għajrek inti tkun ta’ servizz għal Alla tiegħek”11

Li niffukaw fuq li nservu lil ħutna jista’ jgħinna sabiex fil-ħajja tagħna ta’ kuljum aħna nieħdu deċiżjonijiet divini u nitħejjew sabiex napprezzaw u nħobbu dak li jħobb il-Mulej. Jekk nagħmlu dan, aħna nagħtu xhieda permezz tal-ħajja li ngħixu li aħna d-dixxipli Tiegħu. Meta aħna nkunu qed inwettqu l-ħidma Tiegħu, aħna nħossu l-Ispirtu Tiegħu magħna. Aħna nikbru fit-testimonjanza, fil-fidi, fil-fiduċja u fl-imħabba.

Jiena naf li l-Feddej tagħna jgħix, l-istess Ġesù Kristu, u li fi żmienna Huwa jkellimna permezz tal-profeta Tiegħu, l-għażiż President Thomas S. Monson.

Li aħna kollha nsibu l-ferħ li nistgħu niksbu mis-servizz sagru li nġorru t-tagħbija ta’ xulxin, anke permezz ta’ għemejjel sempliċi u żgħar, din hija t-talba tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.