2010-2019
Intom Tinsabu Reqdin Waqt ir-Restawrazzjoni?
April 2014


Intom Tinsabu Reqdin Waqt ir-Restawrazzjoni?

Din il-ħidma sagra hi wisq importanti għalina bħala individwi, bħala familji u bħala Knisja ta’ Kristu li nidħlu għaliha b’ nofs qalb.

Madwar 200 sena ilu, l-istorja qasira Amerikana “Rip Van Winkle” ġiet ikkunsidrata bħala waħda klassika f’qasir żmien. Il-karattru ewlieni, Rip, huwa raġel ambizzjuż li hu kapaċi ħafna biex jevita żewġ affarijiet: ix-xogħol u lil martu.

Jum fost l-oħrajn, meta kien qed idur fil-muntanji flimkien mal-kelb tiegħu, huwa skopra grupp ta’ rġiel libsin ilbies stramb li kienu qegħdin jixorbu u jilagħbu. Wara li aċċetta li jixrob mix-xorb alkoħoliku li offrewlu dawn, Rip ħassu jistordi u għal mument għalaq għajnejh. Meta reġa’ fetaħ għajnejh, huwa stagħġeb meta l-kelb ma rahx iżjed, l-ixkubetta tiegħu kienet issaddet u issa hu kien spiċċa b’ daqna twila.

Rip mar lura r-raħal u hemm sab li kollox kien inbidel. Martu kienet mietet, sħabu kienu telqu minn hemm, u flok ir-ritratt tar-Re Ġorġ III li kien hemm fit-taverna issa kien hemm wieħed ta’ xi ħadd li ma setax jagħrfu—tal-Ġeneral George Washington.

Rip Van Winkle kien dam rieqed 20 sena sħaħ! U f’ dak iż-żmien kollu, huwa kien immissja wieħed mill-aktar perjodi eċċitanti fl-istorja ta’ pajjiżu—huwa kien raqad fi żmien li fih seħħet ir-Rivoluzzjoni Amerikana.

F’ Mejju 1966, Dott. Martin Luther King Jr. uża din l-istorja bħala eżempju għad-diskors tiegħu “Torqodx fi żmien ir-Rivoluzzjoni.”1

Illum nixtieq nittratta l-istess tema u nipproponi mistoqsija lilna kollha li nħaddnu s-saċerdozju ta’ Alla: intom tinsabu reqdin waqt ir-Restawrazzjoni?

Aħna Ninsabu Ngħixu fi Żmien ir-Restawrazzjoni

Xi kultant inħarsu lejn ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju bħala xi ħaġa li hi kompleta, li seħħet diġà—Joseph Smith ittraduċa l-Ktieb ta’ Mormon, huwa rċieva l-imfietaħ tas-saċerdozju u l-Knisja ġiet organizzata. Fil-verità, ir-Restawrazzjoni huwa proċess li għadna għaddejjin bih; ninsabu ngħixuha bħalissa. Tinkudi fiha “dak kollu li Alla żvela, dak kollu li qed jiżvela bħalissa,” u l-“ħafna ħwejjeġ kbar u importanti” li “Huwa għad irid jiżvela.” 2 L-aħwa, l-iżvilupp eċċitanti tal-lum il-ġurnata huwa parti minn dak iż-żmien ta’ tħejjija li l-profeti tkellmu fuqu żmien twil ilu li se jwassal għat-Tieni Miġja glorjuża tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

Dan huwa wieħed mill-aktar żminijiet meraviljużi fl-istorja tad-dinja! Il-profeti tal-qedem kellhom xewqa li jaraw żmienna.

Meta jgħaddilna ż-żmien tagħna f’ din id-dinja, liema huma dawk l-esperjenzi li se nkunu kapaċi naqsmu mal-oħrajn dwar il-kontribut tagħna f’ dan iż-żmien tant sinifikanti ta’ ħajjitna u biex immexxu ‘l quddiem il-ħidma tal-Mulej? Sa nkunu kapaċi ngħidu li xammarna l-kmiem u dħalna għal din il-ħidma b’ qalbna kollha, bil-qawwa u bis-saħħa tagħna kollha u b’ moħħna kollu? Jew se jkollna nammettu li l-irwol tagħna kien ta’ sempliċiment osservatur?

Naħseb li hemm diversi raġunijiet għalfejn huwa aktar faċli li ma ninvolvux ruħna daqshekk fil-bini tas-saltna ta’ Alla. Ippermettuli nsemmi tliet raġunijiet ewlenin. Hekk kif nagħmel dan, nistedinkom sabiex tixtarru jekk xi waħda minnhom tapplikax għalikom. Jekk taħsbu li hu possibbli tagħmlu ċertu titjib f’ ħajjitkom, nitlobkom sabiex tikkunsidraw x’ jista’ jsir biex intom tinbidlu għall-aħjar.

L-Egoiżmu

L-ewwel, l-egoiżmu.

Dawk li huma egoisti jfittxu biss l-interess u l-pjaċir tagħhom qabel kull ħaġa oħra. Il-mistoqsija l-aktar importanti li tagħmel persuna egoista hi “X’ se niggwadanja jien?”

L-aħwa, jiena ċert li intom tistgħu taraw li din l-attitudni hi b’ mod ċar kontra l-ispirtu li neħtieġu biex nibnu s-saltna ta’ Alla.

Meta nfittxu li naqdu biss lilna nfusna minflok ma nagħtu servizz b’ mod altruwista, il-prijoritajiet tagħna jkunu ffokati fuq l-għarfien u l-pjaċir tagħna.

Il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna esperjenzaw diversi forom ta’ vanità u narċisiżmu, iżda naħseb li llum nikkompetulhom waħda sew. Tgħid xi koinċidenza li l-Oxford Dictionary riċentiment ħabbar li l-kelma “selfie” hija l-kelma tas-sena? 3

Naturalment, aħna lkoll nixtiequ li niksbu rikonoxximent, u m’hemm xejn ħażin li nirrelassaw ftit u nieħdu gost. Iżda meta l-motivazzjoni ewlenija tagħna tkun li nfittxu “l-gwadann u t-tifħir tad-dinja” 4 aħna nkunu qed inċaħħdu lilna nfusna mill-esperjenzi ta’ fidwa u ta’ ferħ li jista’ jkollna meta noffru b’ mod ġeneruż lilna nfusna għall-ħidma tal-Mulej.

X’ inhu r-rimedju?

It-tweġiba, bħal dejjem, tinsab fil-kliem ta’ Kristu:

“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.

“Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-evanġelju, isalvaha.” 5

Dawk li joffru kompletament ħajjithom lis-Salvatur u jaqdu lil Alla u lil għajrhom jiskopru ċerta rikezza u kuntentizza fil-ħajja tagħhom li dawk li huma egoisti qatt ma jesperjenzaw. L-altruwisti joffru lilhom infushom. Dan jista’ jkun permezz ta’ rigali żgħar ta’ karità li jħallu impatt kbir fit-tajjeb: tbissima, meta tieħu b’ idejn xi ħadd, tgħanniqa, tgħaddi l-ħin tisma’ lil ħaddieħor, xi kelma żgħira ta’ inkuraġġiment jew xi ġest ta’ mħabba. Dawn l-atti kollha ta’ ħniena jistgħu jibdlu l-qlub u l-ħajjiet. Meta nieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet bla limitu li għandna li nħobbu u nservu lil għajrna, fosthom lill-membri tal-familja tagħna, il-kapaċità tagħna li nħobbu lil Alla u naqdu lil ħaddieħor tikber sew.

Dawk li jaqdu lil ħaddieħor żgur li ma jorqdux f’ dan iż-żmien tar-Restawrazzjoni.

Vizzji

Ħaġa oħra li tista’ twassalna biex ma ninvolvux ruħna tul dan iż-żmien sinifikanti fid-dinja hija l-vizzju.

Il-vizzji jibdew kollha b’ mod sottili. Il-vizzji huma ħwejjeġ żgħar li nagħmlu repetetiment li gradwalment jispiċċaw ħwejjeġ li jikkontrollawna. Drawwiet ħżiena għandhom il-potenzjal li jsiru vizzji li kapaċi jagħmluna skjavi tagħhom.

Dawn il-vizzji li jikkontrollawna jistgħu jieħdu diversi forom fosthom il-pornografija, l-alkoħol, is-sess, id-drogi, it-tabakk, il-logħob tal-ażżard, l-ikel, ix-xogħol, l-Internet jew ir-realtà viżwali. Satana, l-għadu komuni tagħna, għandu bosta għodda favorita li jħobb juża biex iċaħħadna mill-potenzjal divin li nwettqu l-missjoni tagħna fis-saltna tal-Mulej.

Hija verament bħal għafsa ta’ qalb għal Missierna tas-Smewwiet meta jara kemm l-ulied nobbli Tiegħu jkunu lesti li jħallu lilhom infushom jiġu kkontrollati minn dawn il-vizzji qerrieda.

L-aħwa, aħna nħaddnu s-saċerdozju etern ta’ Alla s-Setgħan. Aħna verament ulied Alla l-Għoli u ġejna mberkin b’ potenzjal kbir. Ġejna maħluqa sabiex nilħqu l-massimu ta’ dan il-potenzjal. Aħna ma ġejniex maħluqa sabiex il-potenzjal divin tagħna jkun limitat minħabba x-xewqat tad-dinja u kkontrollat mill-vizzji tagħna.

X’ inhu r-rimedju?

L-ewwel ħaġa li għandna nifhmu hi li l-vizzji huma aktar faċli li nibqgħu ‘l bogħod minnhom milli nikkuraw ruħna minnhom. Fi kliem is-Salvatur, “Araw li xejn minn dan ma jidħol ġo qalbkom.”6

Bosta snin ilu, il-President Thomas S. Monson u jiena kellna l-opportunità li mmorru nżuru Air Force One—l-ajruplan meraviljuż li jġorr lill-president tal-Istati Uniti. Is-Servizz Sigriet iċċekkjawna minn rasna sa saqajna, u jiena tbissimt xi ftit meta l-aġenti bdew ifittxu fuq il-profeta għażiż tagħna qabel ma’ tlajna fuq l-ajruplan.

Imbagħad il-kmandant pilota stedinni biex inpoġġi fis-sit tal-kaptan. Kienet esperjenza mill-isbaħ li għal darb’oħra erġajt poġġejt fuq it-tmun ta’ invenzjoni meraviljuża bħat-tip li kont intajjar jien għal tant snin. Qalbi u moħħi mtlew b’ memorji meta kont intir fuq l-oċeani u l-kontinenti. Bdew ġejjin ġo moħħi memorji ta’ tlugħ u nżul mill-aktar eċċitanti f’ diversi ajruporti madwar id-dinja.

B’ mod kważi naturali, jiena poġġejt idejja fuq l-erba’ aċċelleraturi tas-747. Fil-pront, smajt leħen mill-aktar għażiż u partikolari ġej minn warajja—il-leħen ta’ Thomas S. Monson.

“Dieter,” qalli, “ara jfettillek.”

Ma qed nammetti xejn, iżda jista’ jkun li l-President Monson qrali moħħi.

Meta tiġina t-tentazzjoni li nagħmlu ħwejjeġ li mhux suppost nagħmlu, ejjew nisimgħu t-twissija ta’ mħabba li jistgħu jagħtuna l-membri tal-familja u l-ħbieb li aħna nafdaw, il-profeta għażiż tagħna u bla dubju s-Salvatur tagħna.

L-aqwa difiża kontra l-vizzju hi li qatt ma nibdew.

Iżda xi ngħidu għal dawk li jinsabu diġà maħkumin mill-vizzju?

L-ewwel nett, jekk jogħġobkom nixtieqkom tkunu tafu li hemm it-tama. Fittxu l-għajnuna mingħand il-maħbubin tagħkom, il-mexxejja tal-Knisja u xi kunsilliera mħarrġa f’ dil-ħaġa. Il-Knisja tipprovdi għajnuna ta’ fejqan mill-vizzji permezz tal-mexxejja lokali tal-Knisja, l-internet, 7 u f’ xi nħawi, permezz tas-Servizz tal-Familja LDS.

Dejjem ftakru li bl-għajnuna tas-Salvatur intom tistgħu tegħlbu l-vizzju. Tista’ tkun triq twila u diffiċli, iżda l-Mulej mhux jaqta’ qalbu minnek. Huwa jħobbok. Ġesù Kristu sofra l-Att tal-Fidwa biex jgħinek tinbidel, biex jeħilsek mill-jasar tad-dnub.

L-aktar ħaġa importanti hi li tkompli tipprova—xi kultant dak li jkun idum xi ftit jipprova qabel ma jirnexxielu. Għalhekk taqtax qalbek. Titlifx il-fidi. Żomm qalbek viċin il-Mulej, u Huwa jagħtik il-qawwa tal-ħelsien. Huwa jeħilsek.

Għeżież ħuti, dejjem żommu ‘l bogħod minn drawwiet li jistgħu jwasslu għall-vizzju. Dawk li jagħmlu dan ikunu kapaċi jiddedikaw qalbhom, il-qawwa tagħhom, moħħom u saħħithom għas-servizz ta’ Alla.

Huma ma jorqdux waqt ir-Restawrazzjoni.

Prijoritajiet li Jikkompetu Flimkien

It-tielet ostaklu li jżommna milli niddedikaw ruħna kompletament f’ din il-ħidma huwa l-ħafna prijoritajiet li jkollna quddiemna li kollha jikkompetu flimkien. Xi wħud minna tant għandna x’ nagħmlu li nħossuna qisna karettun li qed jinġibed minn xi tużżana bhejjem—kollha jiġbdu f’ direzzjoni differenti. Tinħela ħafna enerġija, iżda l-karettun jibqa’ fejn ikun.

Ħafna drabi aħna niddedikaw l-aqwa sforzi tagħna f’ xi passatemp, sport, interessi relatati ma’ karriera, jew ħidma fil-komunità jew politika. Dawn il-ħwejjeġ kollha jistgħu jkunu tajbin u onorabbli, iżda qed iħallulna biżżejjed ħin u enerġija għal dik li għandha tkun l-ogħla prijorita tagħna?

X’ inhu r-rimedju?

Għal darb’oħra, it-tweġiba nsibuha fi kliem is-Salvatur:

“Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’ qalbek kollha, b’ ruħek kollha, u b’ moħħok kollu.

“Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed.

“U t-tieni jixbhu, Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”8

Kull ħaġa oħra fil-ħajja għandha tiġi wara dawn iż-żewġ prijoritajiet kbar.

Anke fis-servizz tal-Knisja, faċilment inqattgħu ħafna ħin nitkellmu dwar il-mozzjonijiet mingħajr il-qalb jew is-sustanza vera bħala dixxipli.

L-aħwa, aħna li nħaddnu s-saċerdozju kkommettejna ruħna li nkunu nies li nħobbu lil Alla u lil għajrna u li nkunu lesti li nuru dik l-imħabba permezz tal-fomm u l-għemil. Din hi l-essenza ta’ min verament aħna bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu.

Dawk li jgħixu skont dawn il-prinċipji żgur li ma jorqdux f’ dan iż-żmien tar-Restawrazzjoni.

Is-Sejħa biex Inqajmu lil Min hu Rieqed

L-Appostlu Pawlu kiteb, “Stenbaħ int, li int rieqed, u qum mill-imwiet, ħa jiddi fuqek Kristu.” 9

Għeżież ħuti, kunu afu li intom ulied id-dawl.

Tinħakmux mill-egoiżmu! Tinħakmux minn drawwiet li jistgħu jwasslu għall-vizzju! Tinħakmux minn għadd ta’ prijoritajiet jikkompetu flimkien li jwasslukom sabiex tkunu indifferenti jew maqtugħin mill-barka li tkunu dixxipli vera u li tagħtu servizz saċerdotali nobbli!

Din il-ħidma sagra hi wisq importanti għalina bħala individwi, bħala familji u bħala Knisja ta’ Kristu li nidħlu għaliha b’ nofs qalb.

Li tkun dixxiplu ta’ Ġesù Kristu mhux xi sforz ta’ darba fil-ġimgħa jew darba kuljum. Huwa sforz kontinwu.

Il-wegħda tal-Mulej lil dawk li verament iħaddmu s-saċerdozju Tiegħu hija kbira wisq biex nifhmuha.

Dawk li huma fidili lejn is-Saċerdozju Aroniku jew Melkisedeku u jkabbru s-sejħa tagħhom “jitqaddsu permezz tal-Ispirtu sakemm ġisimhom jiġġedded.” Għalhekk, dak kollu li għandu l-Missier jingħata lilhom.10

Jiena nixhed li l-qawwa li tnaddaf tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu u l-qawwa trasformattiva tal-Ispirtu s-Santu jistgħu jfejqu u jsalvaw l-umanità. Huwa l-privileġġ tagħna, id-dmir sagru tagħna, u l-ferħ tagħna li nagħtu kas tas-sejħa tas-Salvatur u nimxu warajh b’ rieda soda u b’ qalbna sħiħa. Ejjew “ninħallu mill-ktajjen li ninsabu marbutin bihom, u ma nibqgħux aktar fl-oskurità, u nqumu mit-trab tal-art.” 11

Ejjew inqumu u ma nixbgħu qatt nagħmlu t-tajjeb, għaliex aħna “qed inħejju l-pedament ta’ ħidma kbira,” 12 sewwasew inħejju għar-ritorn tas-Salvatur. L-aħwa, meta aħna nżidu d-dawl tal-eżempju tagħna bħala xhieda tas-sbuħija u l-qawwa tal-verità rrestawrata, aħna żgur li ma norqdux f’ dan iż-żmien tar-Restawrazzjoni. Ta’ dan jiena nixhed u nħallikom fl-isem sagru tal-Imgħallem tagħna, l-istess Ġesù Kristu, amen.