2010-2019
“Jekk Tħobbuni, Ħarsu l-Kmandamenti Tiegħi”
April 2014


“Jekk Tħobbuni, Ħarsu l-Kmandamenti Tiegħi”

Li nużaw l-għażla ħielsa tagħna biex nobdu jfisser li “nagħmlu it-tajjeb, jiġri x’ jiġri.”

Ħuti, minn fost il-lezzjonijiet kollha li nitgħallmu mill-ħajja tas-Salvatur, l-aktar waħda ċara u qawwija fosthom hija l-lezzjoni tal-ubbidjenza.

L-Eżempju tas-Salvatur

Fil-Kunsill primortali fis-Smewwiet, Luċifru rribella kontra l-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet. Dawk li mxew wara Luċifru ma komplewx għaddejjin bil-progress etern tagħhom—attenti wara min timxu!

Imbagħad Ġesù esprima l-impenn Tiegħu li jobdi, meta qal, “Missier, ikun li trid int, u l-glorja tkun tiegħek għal dejjem.”1 Tul il-ministeru Tiegħu, “huwa sofra t-tentazzjoni iżda ma waqax għaliha”2 Fil-fatt, “tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza.”3

Peress li s-Salvatur tagħna kien ubbidjenti, Huwa patta għal dnubietna, ġab fis-seħħ il-qawmien tagħna mill-imwiet u ħejja t-triq għalina sabiex nerġgħu lura għand Missierna tas-Smewwiet, li kien jaf li hekk kif aħna nitgħallmu nobdu f’ din il-ħajja aħna sejrin niżbaljaw. Meta nobdu, aħna naċċettaw is-sagrifiċċju Tiegħu, għaliex nemmnu li permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, l-umanità kollha tista’ ssalva, b’ ubbidjenza lejn il-liġijiet, l-ordinanzi u l-kmandamenti mogħtija fl-evanġelju.4

Ġesù għallimna sabiex nobdu permezz ta’ lingwaġġ sempliċi li faċli nifhmuh. “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi”5 u “Ejjew, imxu warajja.”6

Meta aħna nitgħammdu, aħna “nieħdu fuqna l-isem ta’ Kristu” u nidħlu “f’ patt ma’ Alla li se nkunu ubbidjenti sat-tmiem ta’ ħajjitna.”7 Kull nhar ta’ Ħadd aħna nġeddu dak il-patt tal-magħmudija billi nieħdu sehem fis-sagrament u nixhdu li aħna lesti li nżommu l-kmandamenti. Aħna nfittxu l-maħfra għal kull ħsieb, sentiment jew azzjoni li mhijiex f’ armonija mar-rieda ta’ Missierna tas-Smewwiet. Hekk kif aħna nindmu billi nieqfu mid-diżubbidjenza tagħna u nerġgħu nibdew nobdu, aħna nuru mħabbitna lejh.

Tipi ta’ Ubbidjenza

Hekk kif ngħixu l-evanġelju, aħna navvanzaw fl-għarfien tal-ubbidjenza tagħna. Xi kultant taf tiġina t-tentazzjoni li nipprattikaw dik li nsejħilha “l-ubbidjenza tal-bniedem naturali,” fejn aħna b’ mod diżubbidjenti nwarrbu l-liġi ta’ Alla u nagħtu preferenza lill-għerf jew ix-xewqat tagħna kif ukoll lill-popolarità. Peress li huma ħafna li jagħmlu hekk, dan it-tagħwiġ tal-ubbidjenza jnaqqas l-istandards ta’ Alla fil-kultura tagħna u fil-liġijiet tagħna.

Jista’ jkun li xi kultant xi membri jafu jipparteċipaw f’ “ubbidjenza selettiva,” fejn jiddikjaraw li jħobbu lil Alla u li jonoraw lil Alla filwaqt li jagħżlu huwa liema minn fost il-kmandamenti Tiegħu u tagħlim Tiegħu—u t-tagħlim u l-kunsill tal-profeti Tiegħu—għandhom jobdu kompletament.

Xi wħud jobdu b’ mod selettiv peress li ma jkunux jistgħu jifhmu r-raġunijiet għal xi kmandament, l-istess kif it-tfal mhux dejjem jifhmu r-raġunijiet għall-kunsill u r-regoli tal-ġenituri tagħhom. Iżda aħna dejjem nafu r-raġuni għalfejn nimxu wara l-profeti, għaliex din hija l-Knisja ta’ Ġesù Kristu, u huwa s-Salvatur li jidderieġi l-profeti Tiegħu f’ kull dispensazzjoni.

Hekk kif l-għarfien tagħna għall-ubbidjenza jikber, aħna nagħrfu l-irwol essenzjali tal-għażla ħielsa. Meta Ġesù kien fil-Ġnien tal-Ġetsemani, Huwa talab tliet darbiet lil Missieru fis-Smewwiet, “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi: imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.”8 Alla ma injorax l-għażla ħielsa tas-Salvatur, madankollu Huwa fil-ħniena kollha Tiegħu bagħat anġlu biex iqawwi lill-Iben Maħbub Tiegħu.

Is-Salvatur għadda minn prova oħra fuq il-Golgota, fejn Huwa seta’ jekk ried sejjaħ leġjuni ta’ anġli biex iniżżluh minn fuq is-salib, iżda Huwa għażel li jkun ubbidjenti sat-tmiem u jtemm is-sagrifiċċju tat-tpattija Tiegħu, minkejja li dak kien ifisser sofferenza kbira, saħansitra l-mewt.

L-ubbidjenza spiritwalment matura hija “l-ubbidjenza tas-Salvatur.” Il-motivazzjoni tagħha hija imħabba vera lejn Missierna tas-Smewwiet u Ibnu. Meta aħna nobdu minn rajna, kif għamel is-Salvatur, aħna ngħożżu kliem Missierna tas-Smewwiet: “Dan huwa Ibni l-għażiż, fih sibt l-għaxqa tiegħi.”9 U aħna nħarsu ‘l quddiem, li meta nidħlu fil-preżenza ta’ Missierna tas-Smewwiet, Huwa jgħidilna, “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil: … idħol … fl-hena ta’ sidek.”10

Li nużaw l-għażla ħielsa tagħna biex nobdu jfisser li “nagħmlu it-tajjeb, jiġri x’ jiġri.” 11 Jeħtieġ li jkollna kontroll fuqna nfusna li hi tagħtina l-kunfidenza, il-ferħ etern u sentiment ta’ kuntentizza magħna nfusna u, permezz tal-eżempju tagħna, fost dawk ta’ madwarna; u din tinkludi dejjem impenn personali kbir li nsostnu lill-mexxejja saċerdotali u nimxu wara t-tagħlim u l-kunsill tagħhom.

Konsegwenzi

Meta nkunu qed nagħżlu jekk nobdux, ikun ta’ għajnuna għalina li niftakru l-konsegwenzi tal-għażliet tagħna. Tgħid Luċifru u s-segwaċi tiegħu fehmu l-konsegwenzi talli għażlu li jiċħdu l-pjan tal-Missier tas-Smewwiet? Jekk iva, għalfejn għamlu għażla daqshekk terribbli? Nistgħu nistaqsu lilna nfusna mistoqsija simili: għalfejn aħna nagħżlu li nkunu diżubbidjenti meta nafu l-konsegwenzi eterni tad-dnub? L-iskrittura tipprovdilna tweġiba: ir-raġuni Kajjin u xi wħud minn ulied Adam u Eva għażlu li ma jobdux kien għaliex “huma ħabbew lil Satana aktar minn Alla.”12

L-imħabba tagħna lejn is-Salvatur hija kruċjali biex nobdu kif obda Hu. Hekk kif nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu ubbidjenti fid-dinja tal-lum, aħna niddikjaraw l-imħabba u r-rispett tagħna lejn l-ulied kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet. Madankollu huwa impossibbli li biex inħobbu lill-oħrajn aħna nimmodifikaw il-kmandamenti ta’ Alla, li ngħataw lilna għall-aħjar tagħna! Per eżempju, il-kmandament “La … toqtolx, jew tagħmel xi ħaġa simili”13 huwa bbażat fuq liġi spiritwali li tipproteġi lil ulied Alla kollha, anke dawk li għadhom ma tweldux. L-esperjenza tgħallimna li meta aħna ninjoraw din il-liġi, aħna nesperjenzaw niket kbir. Madankollu ħafna jemmnu li hi ħaġa aċċettabbli li ttemm il-ħajja ta’ tarbija li għadha ma twelditx għal raġuni ta’ preferenza jew konvenjenza.

Billi tirrazzjonalizza d-diżubbidjenza m’intix se tbiddel il-liġi spiritwali jew il-konsegwenzi tagħha iżda dan iwassal biex nispiċċaw f’ konfużjoni, instabbiltà, niġġerrew f’ toroq ħżiena, nintilfu u ninħakmu minn dwejjaq kbir. Bħala dixxipli ta’ Kristu, aħna għandna obbligu sagru li nobdu l-liġijiet u l-kmandamenti Tiegħu u l-patti li aħna nagħmlu Miegħu.

F’ Diċembru 1831, xi wħud mill-aħwa ġew imsejħin biex jgħinu jikkalmaw ċerti sentimenti xejn sbieħ li kienu żviluppaw kontra l-Knisja. Permezz tal-Profeta Joseph Smith, il-Mulej idderiġihom b’ mod mhux tas-soltu, pjuttost b’ mod sorpriż:

“Uru lill-għedewwa tagħkom kemm huma żbaljati; itolbuhom sabiex tiltaqgħu magħhom kemm fil-pubbliku kif ukoll fil-privat. …

“Imbagħad, ħalluhom iġibu r-raġunijiet li huma għandhom kontra l-Mulej.

“… L-ebda arma li tintuża kontrikom ma tirnexxi;

“U jekk xi ħadd jgħolli leħnu kontrikom huwa jinfixel fil-ħin opportun tiegħi.

“Għalhekk, żommu l-kmandamenti tiegħi; huma vera u fidili.”14

Lezzjonijiet mill-Iskrittura

L-iskrittura mimlija eżempji ta’ profeti li tgħallmu l-lezzjoni tal-ubbidjenza permezz ta’ xi esperjenza li għaddew minnha.

Joseph Smith tgħallem il-konsegwenzi talli ċeda għall-pressjoni tal-benefattur, ħabib u kittieb tiegħu, Martin Harris. B’ risposta għat-talba li għamillu Martin, Joseph talab lill-Mulej sabiex jagħtih permess isellef il-manuskritt bl-ewwel 116-il paġna tal-Ktieb ta’ Mormon lil Martin ħalli hu jkun jista’ jurih lill-familja tiegħu, iżda l-Mulej qal lil Joseph biex jgħidlu le. Martin talab lil Joseph biex jerġa’ jistaqsi lill-Mulej. Wara li Joseph talbu għat-tielet darba, il-Mulej tah permess biex il-manuskritt jarawh biss ħames persuni speċifiċi. “F’ patt mill-aktar solenni, Martin intrabat ma’ dan il-qbil. Meta huwa wasal id-dar, u beda jħoss ċerta pressjoni fuqu, huwa nesa l-ġurament solenni tiegħu u ta l-permess sabiex oħrajn ikunu jistgħu jaraw ukoll il-manuskritt, b’ riżultat li ma kienx jaf aktar x’ sar minnu,”15 u b’ hekk spiċċa tilfu. B’ konsegwenza ta’ dan, Joseph qala’ tbeżbiża mingħand il-Mulej u ġie mċaħħad milli jkompli jittraduċi l-Ktieb ta’ Mormon. Joseph sofra u nidem mit-trasgressjoni tiegħu li ċeda għall-pressjoni tal-oħrajn. Wara ftit taż-żmien, Joseph reġa’ ngħata ċ-ċans li jkompli bix-xogħol tat-traduzzjoni. Joseph tgħallem lezzjoni imprezzabbli dwar l-ubbidjenza li servietu għall-kumplament ta’ ħajtu!

Il-profeta Mosè jagħtina eżempju ieħor. Meta Mosè obda u żżewweġ mara Etijopjana, Mirjam u Aaron tkellmu kontrih. Iżda l-Mulej ċanfarhom, u qalilhom, “Lil Mosè jiena nkellmu wiċċ imbwiċċ.”16 Il-Mulej uża dan l-inċident inkredibbli biex jgħallem lill-membri tal-Knisja fid-dispensazzjoni tagħna. Fl-1830, Hiram Page saħaq li rċieva rivelazzjoni f’ isem il-Knisja. Il-Mulej ikkoreġih u b’ hekk għallem lill-Qaddisin, “Inti għandek tobdi f’ dak kollu li sa niżvela lil Joseph, l-istess bħal Aaron,”17 “għax huwa jirċievi kliemi l-istess bħal Mosè.”18

L-ubbidjenza iġġibilna l-barkiet, “u meta niksbu xi barka mingħand Alla, din niksbuha permezz tal-ubbidjenza lejn dik il-liġi li hi marbuta magħha.”19

L-ubbidjenza nistgħu ngħallmuha permezz tal-eżempju tagħna. Minn kif ngħixu, aħna ngħallmu lil uliedna, “Tgħallmu l-għerf f’ żgħożitkom; iva, tgħallmu f’ żgħożitkom li żżommu l-kmandamenti ta’ Alla.”20

L-ubbidjenza tagħtina aktar qawwa, insiru aktar kapaċi nikkumbattu b’ fedeltà l-provi u l-isfidi fil-futur. L-ubbidjenza fil-Ġetsemani ħejjiet lis-Salvatur sabiex jobdi u jibqa’ sod sat-tmiem fuq il-Golgota.

Għeżież ħuti, kliem Alma jesprimi s-sentimenti ta’ qalbi:

“U issa għeżież ħuti, jiena għedtilkom dan kollu sabiex inġibkom f’ sensikom dwar id-dmir tagħkom lejn Alla, ħalli tkunu tistgħu timxu mingħajr ħtija quddiemu. …

“U issa nitlobkom sabiex tkunu umli, u tkunu ubbidjenti u ġentili; … tkunu diliġenti li żżommu l-kmandamenti ta’ Alla f’ kull ħin.”21

Jiena nagħti x-xhieda speċjali tiegħi li s-Salvatur tagħna jgħix. Peress li Huwa obda, “kull irkobba tmil, u kull ilsien jistqarr … li huwa s-Salvatur tagħna.”22 Jalla aħna tant inħobbuh u tant nemmnu fih b’ fedeltà sħiħa li aħna wkoll nobduh, inżommu l-kmandamenti Tiegħu, u nerġgħu lura biex ngħixu Miegħu għal dejjem fis-saltna ta’ Alla tagħna: din hija t-talba tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.