2010-2019
“La Tibżax; Għax Miegħek Jien”
April 2014


“La Tibżax; Għax Miegħek Jien”

Hekk kif aħna niżviluppaw fidi u fiduċja akbar fil-Mulej, aħna nistgħu naċċessaw il-qawwa Tiegħu biex tberikna u teħlisna.

Ftit huma s-sentimenti li nistgħu nqabbluhom mal-emozzjonijiet sbieħ li wieħed iħoss meta jsir ġenitur. L-ebda esperjenza mhi aktar ħelwa minn meta xi ħadd jirċievi tarbija prezzjuża, direttament mis-smewwiet. Wieħed minn ħuti esperjenza dan is-sentiment b’ mod mill-aktar emozzjonali. L-ewwel iben tiegħu twieled qabel iż-żmien u kien jiżen biss 1.3 Kilo. Hunter qatta’ l-ewwel xahrejn ta’ ħajtu fit-taqsima intensiva ta’ wara t-twelid tal-isptar. Dawk ix-xahrejn kienu żmien diffiċli għall-familja kollha hekk kif aħna bdejna nittamaw u nitolbu l-għajnuna tal-Mulej.

Iċ-ċkejken Hunter kien jiddependi wisq fuq ħaddieħor. Huwa beda jikkumbatti kuljum biex jikseb il-qawwa neċessarja li jkompli jgħix. L-id b’ saħħitha ta’ missieru kienet taqbad, b’ imħabba kbira, l-id ċkejkna ta’ ibnu ħalli tħeġġeġ lil din it-tarbija vulnerabbli u ċkejkna.

U l-istess nistgħu ngħidu għall-ulied kollha ta’ Alla. Missierna tas-Smewwiet jilħaq lil kull wieħed u waħda minna permezz tal-imħabba infinita Tiegħu. Huwa għandu l-qawwa fuq kollox u x-xewqa li jgħinna nitgħallmu, nikbru u nerġgħu lura għandu. Dan jiddefinixxi l-għan ta’ Missierna: “li jġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.”1

Hekk kif niżviluppaw fidi u fiduċja akbar fil-Mulej, aħna nistgħu naċċessaw il-qawwa Tiegħu biex tberikna u teħlisna.

Il-Ktieb ta’ Mormon jittratta fil-paġni tiegħu din it-tema milll-isbaħ dwar il-qawwa tal-Mulej li jeħles lil uliedu. Nefi introduċa din it-tema fl-ewwel kapitlu tal-ktieb. F’ vers 20, aħna naqraw, “Ara, jiena, Nefi, nurik li l-ħniena ħelwa tal-Mulej tinsab fuq dawk kollha li huwa għażel, minħabba l-fidi tagħhom, sabiex iqawwihom saħansitra bil-qawwa tal-ħelsien.”2

Ħafna snin ilu jiena tgħallimt b’ mod mill-aktar personali l-veritajiet espressi f’ dan il-vers. Tgħallimt kemm Missierna tas-Smewwiet jinsab verament viċin tagħna u x-xewqa kbira li għandu li jgħinna.

Lejla waħda hekk kif beda riesaq il-lejl, kont qed insuq flimkien ma’ wliedi meta nnutajt tifel miexi waħdu fi triq vojta. Wara li għaddejtu, ħassejt fija li kelli nerġa’ lura u ngħinu. Iżda bdejt ninkwieta li stajt inbeżżgħu li stranġiera bħali tieqaf ħdejh bil-karozza fid-dlam, u komplejt insuq. Erġajt ħassejt ġewwa fija, b’ qawwa akbar, leħen jgħidli: “Mur għin lil dak it-tifel!”

Soqt lura ħdejh u staqsejtu, ‘Għandek bżonn xi għajnuna? Ħassejt li kelli ngħinek.”

Huwa dar lejna u bid-dmugħ nieżel ma’ ħaddejh qalli, “Tista’? Kont qed nitlob li jiġi xi ħadd jgħinni.”

It-talba tiegħu li jkollu l-għajnuna ġiet imwieġba permezz tal-inspirazzjoni li jiena rċevejt. Din l-esperjenza li kont irċevejt direzzjoni daqshekk ċara mingħand l-Ispirtu ħalliet impressjoni tant kbira miegħi li għadha ġo qalbi sal-lum.

U issa wara 25 sena u permezz tal-ħniena ħelwa, ftit xhur ilu biss jiena erġajt iltqajt ma’ dan it-tifel għall-ewwel darba. Skoprejt li dik l-esperjenza mhijiex biss l-istorja tiegħi—hija l-istorja tiegħu wkoll. Deric Nance illum huwa missier ta’ familja. Huwa wkoll qatt ma nesa dik l-esperjenza. Din għenitna nibnu pedament ta’ fidi li Alla jisma’ u jwieġeb talbna. It-tnejn li aħna wżajna din l-esperjenza biex ngħallmu lil uliedna li Alla jinsab iħarisna. Aħna m’ aħniex weħidna.

F’ dak il-lejl, Deric baqa’ l-iskola għal attività u spiċċa tilef l-aħħar xarabank. Bħala tfajjel adoloxxenti, huwa ħassu ċert li kien jaf jasal id-dar, għalhekk telaq bil-mixi.

Kien ilu siegħa sħiħa miexi t-triq vojta waħdu. Meta kien għadu għadd ta’ mili ‘l bogħod mid-dar u ma beda jara l-ebda dar oħra fit-triq, inħakem mill-biża’. F’ mument ta’ disperazzjoni, huwa mar wara għolja ħamrija, niżel għarkobbtejh u talab lill-Missier tas-Smewwiet għall-għajnuna. Ftit tal-minuti wara li Deric reġa’ lura fit-triq, jiena waqaft biex nipprovdilu l-għajnuna li kien talab għaliha.

U issa tant snin wara, Deric irrifletta b’ dan il-kliem: “Il-Mulej ma kienx nesa lil dan it-tfajjel xipli li ma kienx imħejji għal dak li seta’ jinqala’. Minkejja l-affarijiet kollha li kienu għaddejjin madwar id-dinja, Huwa kien konxju tas-sitwazzjoni tiegħi u kien iħobbni biżżejjed li bagħatli l-għajnuna. Minn dak inhar f’ dik it-triq abbandunata, il-Mulej sema’ talbi bosta drabi. It-tweġiba Tiegħu ma tkunx dejjem immedjata u ċara, iżda llum huwa għadu konxju tiegħi daqs kemm kien f’ dak il-lejl mudlam. Kull meta d-dellijiet mudlama tal-ħajja jdallmu ħajti, jiena naf li Huwa dejjem għandu pjan li jerġa’ jeħodni lura d-dar mingħajr periklu.”

Kif qal Derec, mhux kull talba tiġi mwieġba b’ mod immedjat. Iżda huwa minnu li Missierna jafna u jisma’ x-xewqat ta’ qalbna. Huwa jwettaq il-mirakli Tiegħu, talba talba, persuna persuna.

Irridu nafdaw fih li Huwa lest jgħinna, mhux neċessarjament bil-mod li rridu aħna iżda bl-aħjar mod sabiex aħna nikbru. Jista’ jkun diffiċli li aħna nissottomettu r-rieda tagħna għal Tiegħu, iżda hija ħaġa essenzjali biex aħna insiru bħalu u nsibu l-paċi li joffrilna Hu.

Nistgħu naslu fi stat fejn jibda jħossna kif iddeskriva C. S. Lewis: “Jiena nitlob għaliex ma nafx nagħmel mod ieħor. … Nitlob peress li nħoss dan il-bżonn il-ħin kollu, lejl u nhar. Mhux biex it-talb jibdel lil Alla. Iżda biex jibdel lili.”3

Hemm ħafna rakkonti fl-iskrittura ta’ dawk li afdaw fil-Mulej u ġew megħjuna u meħlusin minnu. Aħsbu ftit fuq it-tfajjel David, li ġie meħlus minn mewt ċerta permezz tas-setgħan Gulija meta huwa fada fil-Mulej. Ikkunsidraw lil Nefi, li t-talb kollu fidi li huwa talab lil Alla wassal biex huwa jinħeles minn ħutu li ppruvaw joqtluh. Ftakru fit-tfajjel Joseph Smith, li permezz tat-talb fittex l-għajnuna tal-Mulej. Huwa ġie meħlus mill-qawwa tad-dlam u rċieva tweġiba mirakoluża. Kollha kemm huma ħabbtu wiċċhom ma’ sfidi reali u diffiċli. Kollha kemm huma aġixxew permezz tal-fidi u fdaw fil-Mulej. Kollha kemm huma rċevew l-għajnuna Tiegħu. U l-istess fi żmienna, nistgħu naraw il-qawwa u l-imħabba ta’ Alla f’ ħajjet uliedu.

Riċentiment jiena rajt dan f’ ħajjet il-Qaddisin kollha fidi ġewwa ż-Żimbabwe u l-Botswana. Waqt laqgħa ta’ sawm u testimonjanza ġewwa fergħa żgħira, ħassejtni nimtela’ bl-umiltà u l-ispirazzjoni hekk kif smajt it-testimonjanzi ta’ bosta membri—tfal, żgħażagħ u adulti. Kollha kemm huma tawna espressjoni qawwija ta’ fidi fil-Mulej Ġesù Kristu. B’ tant sfidi u ċirkustanzi diffiċli li kienu qed iħabbtu wiċċhom magħhom, huma kienu qed jgħixu ġurnata ġurnata billi jafdaw f’ Alla. Huma jagħrfu l-id Tiegħu fil-ħajja tagħhom u ħafna drabi jesprimu dan bil-frażi “Jiena inħossni grat lejn Alla.”

Xi snin ilu, familja ta’ fidi qawwija kienet eżempju għall-membri tal-qasam tagħna bil-mod li bih il-familja wriet il-fiduċja tagħha fil-Mulej. Arn u Venita Gatrell kienu qed jgħixu ħajja kuntenta meta Arn sab li kellu kanċer mill-aktar qerriedi. Il-pronjosi xejn ma kienu sbieħ—tawh biss ġimgħat ħajja. Il-membri tal-familja xtaqu joqogħdu flimkien għall-aħħar darba. Għalhekk ġabbru flimkien it-tfal kollha, uħud minnhom ġew mill-bogħod mhux ħażin. Kulma kellhom kienu biss 48 siegħa xi jqattgħu flimkien, 48 prezzjużi. Il-membri tal-familja Gatrell għażlu x’ kienu l-aktar ħwejjeġ importanti għalihom—ritratt tal-familja, ikla tal-familja u sezzjoni ġewwa t-Tempju ta’ Salt Lake. Venita, qalet, “Meta aħna mxejna ‘l barra mill-bibien tat-tempju, kienet l-aħħar darba li qatt stajna nkunu flimkien f’ din il-ħajja.”

Iżda huma telqu minn hemm bl-assigurazzjoni li dak li hemm lest għalihom huwa ferm aktar milli sempliċiment din il-ħajja mortali. Minħabba l-patti sagri li huma wettqu fit-tempju, huma kellhom tama fil-wegħdiet ta’ Alla. Huma setgħu jkunu flimkien għal dejjem.

Ix-xahrejn ta’ wara kienu mimlija b’ barkiet tant kbar li diffiċli ssemmihom kollha. Arn u Venita ħassew il-fidi u l-fiduċja tagħhom fil-Mulej tikber, kif jidher fil-kliem ta’ Venita: Ħassejtni ninħakem mill-Ispirtu. Sirt naf li tista’ tħoss il-paċi anke f’mument ta’ sofferenza. Kont naf li l-Mulej kien qed iħarisna. Jekk tafda fil-Mulej, int tkun tista’ tegħleb kull sfida tal-ħajja.”

Waħda minn uliedhom żiedet: “Osservajna lill-ġenituri tagħna u rajna l-eżempju tagħhom. Rajna l-fidi tagħhom u kif għexu din l-isfida. Qatt ma kont se nitlob biex ngħaddu minn sfida bħal din, iżda nħoss li kienet barka għalina. Konna mdawrin bl-imħabba ta’ Alla.”

Bla dubju, il-mewt ta’ Arn ma kenitx xi ħaġa li l-membri tal-familja Gatrell bdew jittamaw għaliha. Iżda l-kriżi tagħhom ma kenitx kriżi ta’ fidi. L-evanġelju ta’ Ġesù Kristu mhux xi lista ta’ affarijiet li għandna bżonn inwettqu; pjuttost huwa jrid jgħix f’ ħajjitna. L-evanġelju “mhux il-piż; huwa l-ġwienaħ.”4 Iġorrna. Kif ġarr lill-familja Gatrell. Huma ħassew il-paċi f’ nofs it-tempesta. Huma żammew sod ma’ xulxin u mal-patti tat-tempju li huma għamlu u żammew. Huma kibru fl-abbiltà tagħhom li jafdaw fil-Mulej u ġew imsaħħin permezz tal-fidi tagħhom f’ Ġesù Kristu u fil-qawwa tal-fidwa Tiegħu.

Ninsabu fejn ninsabu fit-triq tagħna bħala dixxipli, huma x’inhuma l-inkwiet u l-isfidi li qed inħabbtu wiċċna magħhom, aħna ma ninsabux weħidna. Intom qatt ma tkunu minsija. Bħal Deric, bħall-Qaddisin tal-Afrika u l-familja Gatrell, aħna nistgħu nagħżlu li nilħqu id Alla meta nkunu fil-bżonn. Nistgħu niffaċċjaw l-isfidi tagħna permezz tat-talb u l-fiduċja fil-Mulej. U fil-proċess insiru nixbhuh aktar.

Waqt li jkellem lilna lkoll, il-Mulej jgħidilna, “La … tibżax; … miegħek jiena: la titħassibx; għax Alla tiegħek jien: Jiena nwettqek; … jiena ngħinek; nwieżnek bil-leminija rebbieħa tiegħi.” 5

Jiena naqsam magħkom ix-xhieda umli iżda ċerta tiegħi li Alla Missierna jafna personalment u jrid jgħinna. Permezz ta’ Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu, aħna nistgħu negħlbu l-isfidi ta’ din id-dinja u nitwasslu lura d-dar mingħajr periklu. Jalla jkollna fidi biżżejjed li nafdaw fih, din hija t-talba tiegħi f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Moses 1:39.

  2. 1 Nephi 01:20.

  3. Diskors tal-karattru ta’ C. S. Lewis kif deskritt fil-ktieb ta’ William Nicholson, Shadowlands (1989), 103.

  4. Harry Emerson Fosdick, Twelve Tests of Character (1923), 88.

  5. Isaiah 41:10.