2010-2019
Grati f’ Kull Ċirkustanza
April 2014


Grati f’ Kull Ċirkustanza

M’għandniex raġun biex inkunu verament mimlija bil-gratitudni, tkun xi tkun iċ-ċirkustanza li nsibu ruħna fiha?

Tul is-snin, jiena kelli l-opportunità sagra li niltaqa’ ma’ bosta nies li kienu jidhru kompletament maħkuma min-niket. F’ dawn il-mumenti, jiena smajt x’ kellhom jgħidu dawn ħuti l-għeżież u qsamt magħhom in-niket li kellhom minħabba t-tagħbija li kienu qed iġorru. Xtarrejt sewwa x’ kelli ngħidilhom, u għamilt minn kollox biex inkun naf kif għandi nfarraġhom u nissapportjahom fl-isfidi tagħhom.

Ħafna drabi n-niket tagħhom ikun għaliex ikun seħħ it-tmiem ta’ xi ħaġa f’ ħajjithom. Xi wħud qed iħabbtu wiċċhom ma’ tmiem ta’ relazzjoni li tant kienu jgħożżu, bħall-mewt ta’ xi ħadd għażiż għalihom jew minħabba separazzjoni minn xi membru tal-familja. Oħrajn iħossuhom li qegħdin jiffaċċjaw it-tmiem tat-tama tagħhom—tama li qatt jiżżewġu jew ikollhom it-tfal jew li jirbħu xi marda. Xi wħud jafu qed iħabbtu wiċċhom mat-tmiem tal-fidi tagħhom, hekk kif ċerti ilħna konfużi u konfliġġenti fid-dinja jwassluhom sabiex jiddubitaw, saħansitra jabbandunaw, dak li qabel kienu jafu li huwa veru.

Xi darba jew oħra, nemmen li lkoll kemm aħna esperjenzajna mumenti meta f’ ħajjitna jidher li xejn ma jista’ jiġi sew, u nibdew inħossuna weħdina, frustrati u bla kontroll.

Dan jista’ jiġri lil kulħadd. Ħadd ma hu eżentat minn dan.

Aħna Nistgħu Nkunu Grati

Mhux is-sitwazzjoni ta’ kulħadd hija l-istess, u d-dettalji ta’ kull ħajja huma uniċi. Madankollu, jiena tgħallimt li hemm xi ħaġa li tista’ tneħħi t-togħma morra li jista’ jkollna f’ ħajjitna. Hemm xi ħaġa x’ nistgħu nagħmlu biex ħajjitna tkun aktar ħelwa, aktar ferriħija, aktar glorjuża.

Nistgħu nkunu grati!

Jista’ jkun li tidher xi ħaġa kuntrarju għall-għerf tad-dinja li tissuġġerixxi li xi ħadd li jinsab maħkum min-niket għandu jirringrazzja lil Alla. Iżda dawk li jwarrbu l-flixkun tal-ħall u jagħżlu li jimtlew bil-gratitudni jistgħu jsibu minflok ix-xarba purifikanti tal-fejqan, tal-paċi u tal-għarfien.

Bħala dixxipli ta’ Kristu, aħna mitlubin sabiex “nirringrazzjaw lill-Mulej Alla tagħna f’ kollox,” 1 li “ngħannu lill-Mulej innu ta’ radd il-ħajr,”2 u sabiex “naraw li qalbna tkun mimlija gratitudni lejn Alla.” 3

Għaliex Alla jitlobna sabiex inkunu grati?

Il-kmandamenti kollha Tiegħu ġew mogħtijin lilna biex aħna niksbu l-barkiet li hemm lesti għalina. Il-kmandamenti huma opportunitajiet fejn aħna neżerċitaw l-għażla ħielsa tagħna u biex nirċievu l-barkiet. Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna jaf li jekk aħna nagħżlu li niżviluppaw spirtu ta’ gratitudni aħna nimtlew b’ ferħ veru u hena kbira.

Inkunu Grati għal Dak li Għandna

Xi wħud jafu jgħidu, “Ta’ xhiex għandi nkun grat meta ħajti qed taqa’ biċċiet?”

Forsi mhux tajjeb li niffukaw fuq dawk il-ħwejjeġ li għandna nkunu grati għalihom. Diffiċli niżviluppaw spirtu ta’ gratitudni jekk ir-ringrazzjament tagħna huwa proporzjonali biss għal dawk il-barkiet li nistgħu ngħoddu. Verament, li huwa importanti li regolarment “tgħodd barkietek”—u jekk xi ħadd ipprova jagħmel dan jinduna kemm hemm—iżda jiena ma nemminx li l-Mulej jistenna li aħna nkunu anqas grati fi żmien ta’ prova milli nkunu fi żmien ta’ abbundanza u trankwillità. Fil-fatt, ħafna mir-referenzi skritturali ma jitkellmux dwar il-gratitudni għal dak li għandna iżda pjuttost jissuġġerixxu li jkollna fina sentiment jew attitudni ta’ gratitudni b’ mod ġenerali.

Huwa faċli li nkunu grati għal dak li għandna meta l-ħajja tkun għaddejja mingħajr ebda problema. Iżda xi ngħidu fuq dawk il-mumenti meta dak li nkunu qed nixtiequ jidher diffiċli ħafna li niksbuh?

Nista’ nissuġġerixxi li nħarsu lejn il-gratitudni bħala dispożizzjoni, tip ta’ ħajja li hija indipendenti mis-sitwazzjoni preżenti tagħna? F’ kelma waħda, qed nissuġġerixxi li minflok ma nkunu grati għal dak li għandna, niffukaw li nkunu grati għaċ-ċirkustanza li nkunu fiha—hi x’ inhi.

Hemm storja antika ta’ wieħed wejter li staqsa lil dak li kien qed iservi jekk għoġbux l-ikel. L-ieħor wieġbu li kollox kien tajjeb, iżda kien ikun aħjar kieku tawh ftit aktar ħobż. L-għada, meta dar-raġel reġa’ mar jiekol, il-wejter tah ħobż id-doppju tal-ġurnata ta’ qabel, billi minflok biċċtejn tah erba’ biċċiet, iżda xorta waħda dan ir-raġel ma kienx kuntent. L-għada, il-wejter reġa’ rdoppjalu l-ħobż, iżda kollu ta’ xejn.

Fir-raba’ jum, il-wejter kien determinat li jikkuntenta lil dak ir-raġel. Għalhekk huwa ħadlu bezzun ħobż twil disa’ piedi (3-m), maqsum min-nofs, u bi tbissima, tahulu. Il-wejter ma felaħx jistenna r-reazzjoni tar-raġel.

Wara li kiel, ir-raġel għolla rasu u qal, “Kollox tajjeb bħal dejjem. Iżda qed ninduna li erġajt bdejt tagħtini żewġ biċċiet ħobż.”

Inkunu Grati fiċ- Ċirkustanzi Tagħna

Għeżież ħuti, l-għażla f’ idejna. Nistgħu nillimitaw il-gratitudni tagħna, minħabba li nħossu li bqajna ma ksibniex ċerti barkiet. Jew nistgħu nagħżlu li nkunu bħal Nefi, li qalbu dejjem kienet mimlija bil-gratitudni. Meta ħutu rabtuh mal-vapur—li huwa bena biex ikun jista’ joħodhom fl-art imwiegħda—irkobbtejh u l-polzi tiegħu tant kienu misluħin li “ntefħulu ħafna,” u maltempata vjolenti kienet kważi tefgħatu f’ qiegħ il-baħar. “Madankollu,” qal Nefi, “jiena ħarist ‘il fuq lejn Alla, u lilu tajt it-tifħir tiegħi il-jum kollu; u ma qgħadtx ingerger kontra l-Mulej minħabba s-sofferenza tiegħi.” 4

Nistgħu nagħżlu li nkunu bħal Ġob, li jidher li kellu kull ma ried iżda wara tilef kollox. Iżda Ġob wieġeb billi qal, “Għeri ħriġt minn ġuf ommi, għeri nerġa’ lura… : il-Mulej tani, il-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej.”5

Aħna nistgħu nagħżlu li nkunu bħall-pijunieri Mormoni, li żammew fihom spirtu ta’ gratitudni tul il-vjaġġ twil kollu sofferenza tagħhom lejn il-Great Salt Lake, fejn kienu anke jkantaw u jiżfnu u jigglorifikaw t-tjubija ta’ Alla.6 Ħafna minna konna forsi nkunu rridu nerġgħu lura minn fejn ġejna, noqogħdu ngergru, u nitnikktu dwar id-diffikultà tal-vjaġġ.

Nistgħu nagħżlu li nkunu bħal-Profeta Joseph Smith, li, waqt li kien maqful f’ kundizzjonijiet mill-aktar miżeri ġewwa ċ-Ċella ta’ Liberty, huwa kiteb dan il-kliem ispirat: “Għeżież ħuti, ejjew inwettqu b’ ferħ dak kollu li nistgħu; u mbagħad nistgħu nieqfu, b’ ċertezza kbira, ħalli naraw is-salvazzjoni ta’ Alla, u quddiemna naraw dirgħajh.”7

Nistgħu nagħżlu li nkunu grati, jiġri x’ jiġri.

Din it-tip ta’ gratitudni tmur lil hinn minn dak kollu li jkun qed jiġri madwarna. Tmur lil hinn mid-diżappunt, il-qtigħ ta’ qalb u d-disperazzjoni. Tiffjorixxi b’ mod mill-isbaħ fil-kesħa tax-xitwa daqs kemm tiffjorixxi fis-sħana tas-sajf.

Meta aħna nkunu grati lejn Alla fiċ- ċirkustanzi tagħna, aħna nkunu nistgħu nesperjenzaw hena ħelwa f’ nofs it-tribulazzjoni. Fin-niket, xorta waħda nistgħu nfaħħru lill-Mulej b’ qalbna kollha. Fl-uġigħ, nistgħu nigglorifikaw fl-Att tal-Fidwa ta’ Kristu. Fil-kesħa tan-niket qares, nistgħu nesperjenzaw il-faraġ u l-paċi tal-influwenza divina.

Xi kultant aħna naħsbu li nkunu grati jfisser dak li nagħmlu wara li l-problemi tagħna jkunu ġew solvuti, iżda kemm aħna żbaljati jekk naħsbu dan. Kemm nimmissjaw mill-ħajja jekk noqogħdu nistennew li naraw il-qawsalla qabel ma nirringrazzjaw lil Alla li għandna x-xita?

Li nkunu grati f’ mumenti ta’ niket ma jfissirx li aħna nkunu kuntenti biċ-ċirkustanza li nkunu ninsabu fiha. Iżda dan ifisser li permezz tal-għajnejn tal-fidi aħna naraw lil hinn mill-isfidi li nkunu qed inħabbtu wiċċna magħhom f’ dak il-mument.

Din mhix gratitudni tal-fomm iżda tal-qalb. Hija gratitudni li tfejjaq il-qalb u tespandi l-moħħ.

Gratitudni bħala Att ta’ Fidi

Li nkunu grati fiċ-ċirkustanzi tagħna hija att ta’ fidi f’ Alla. Dan jeħtieġ li aħna nafdaw f’ Alla u nittamaw għal ħwejjeġ li jista’ jkun ma narawhomx iżda li huma vera.8 Billi nkunu grati, aħna nkunu qed nimxu wara l-eżempju tal-għażiż Salvatur tagħna, li qal, “Mhux li rrid jien, iżda li trid int.”9

Il-gratitudni vera hija espressjoni ta’ tama u testimonjanza. Din niksbuha meta nagħrfu li aħna mhux dejjem nifhmu l-isfidi tal-ħajja iżda nemmnu li xi darba għad nifhmuhom.

Hi x’ inhi ċ-ċirkustanza, is-sens ta’ gratitudni tagħna huwa sostnut permezz tal-ħafna veritajiet sagri li aħna nafu; li Missierna ta lil uliedu l-pjan kbir ta’ ferħ; li permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ibnu, Ġesù Kristu, aħna nistgħu ngħixu għal dejjem mal-maħbubin tagħna; li finalment, aħna se jkollna ġisem glorjuż, perfett u immortali, ħieles minn kull mard u diżabbiltà; u li d-dmugħ tan-niket u t-telfien tagħna jinbidel f’ abbundanza ta’ ferħ u hena, “kejl tajjeb, marsus, mheżżheż sewwa u mburġat.” 10

Jista’ jkun li kienet din it-tip ta’ testimonjanza li ttrasformat lill-Appostli tas-Salvatur minn irġiel mimlija biża’ u dubju f’ rappreżentanti kuraġġjużi u mimlijin ferħ tal-Imgħallem. Fis-sigħat ta’ wara l-Kruċifissjoni Tiegħu, huma mtlew bid-disperazzjoni u n-niket, fejn ma setgħux jifhmu dak li kien għadu kif ġara. Iżda ġrajja waħda biddlet dan kollu. Il-Mulej tagħhom dehrilhom u ddikjara, “Araw idejja u riġlejja. Jiena hu.”11

Meta l-Appostli għarfu lil Kristu mqajjem mill-imwiet—meta huma esperjenzaw ir-Reżurezzjoni tal-għażiż Salvatur tagħhom—huma saru nies differenti. Xejn ma seta’ jżommhom milli jwettqu l-missjoni tagħhom. Huma aċċettaw b’ kuraġġ u determinazzjoni t-tortura, l-umiljazzjoni, u saħansitra l-mewt li kellha tiġi fuqhom minħabba t-testimonjanza tagħhom.12 Xejn ma seta’ jżommhom milli jfaħħru u jaqdu lill-Mulej tagħhom. Huma biddlu l-ħajja tan-nies kull fejn marru. Huma biddlu d-dinja.

Intom m’ għandkomx għalfejn taraw lis-Salvatur, kif għamlu l-Appostli, biex tesperjenzaw l-istess trasformazzjoni. It-testimonjanza tagħkom ta’ Kristu, permezz tal-Ispirtu s-Santu, tgħinkom tħarsu lil hinn mit-tmiem diżappuntanti f’ din il-ħajja mortali u taraw il-futur sabiħ li ħejja għalina l-Feddej tad-dinja.

L-Ebda Tmiem mhu d-Destin Tagħna

Fid-dawl ta’ dak li nafu dwar id-destin etern tagħna, hija ħaġa tal-għaġeb li kull meta nħabbtu wiċċna mat-tmiem morr tal-ħajja, dan ikun jidher għalina bħala ħaġa inaċċettabbli? Jidher li hemm xi ħaġa ġewwa fina li tipprova tirreżisti t-tmien.

Dan għalfejn? Għaliex aħna magħmulin minn xi ħaġa eterna. Aħna esseri eterni, ulied Alla s-Setgħan, li ismu hu Bla Tmiem13 u li jwiegħed barkiet eterni bla għadd. It-tmien mhux id-destin tagħna.

Aktar ma nitgħallmu dwar l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu, aktar nindunaw li t-tmien tagħna fil-mortalità mhuwiex it-tmiem ta’ kollox. Huwa sempliċiment daqsxejn ta’ interruzzjoni—pawsa żgħira li xi darba għad tidher verament qasira mqabbla mal-ferħ etern li hemm jistenna lill-fidili.

Kemm jiena grat għal Missieri tas-Smewwiet li fil-pjan Tiegħu ma jeżisti l-ebda tmiem vera, iżda jeżisti biss bidu bla tmiem.

Dawk li Huma Grati Se Jirċievu l-Glorja

Ħuti, m’għandniex raġun biex inkunu verament mimlija bil-gratitudni, tkun xi tkun iċ-ċirkustanza li nsibu ruħna fiha?

Għandna bżonn raġuni akbar biex qalbna “timtela b’ ringrazzjament lejn Alla”?14

“M’ għandniex biżżejjed raġuni għalfejn nifirħu?”15

Kemm aħna mberkin jekk nagħrfu id Alla fl-arazzi meraviljużi tal-ħajja. Il-gratitudni tagħna lejn Missierna fis-Smewwiet tkabbar il-perspettiva tagħna u tiċċara l-viżjoni tagħna. Tispira l-umiltà u fina trawwem l-empatija lejn għajrna u lejn il-ħolqien kollu ta’ Alla. Il-gratitudni hija parti neċessarja fost il-kwalitajiet kollha li jixbhu lil Kristu. Qalb mimlija gratitudni hija l-omm ta’ kull virtù.16

Il-Mulej tana l-wegħda Tiegħu li dawk “li jirċievu kollox bi gratitudni se jirċievu l-glorja; u l-ħwejjeġ ta’ din id-dinja jingħataw lilhom, saħansitra mitt darba aktar.”17

Jalla “ngħixu f’ ringrazzjament kuljum”18—speċjalment waqt it-tmiem li xi kultant diffiċli tispjegah, li huwa parti mill-mortalità. Jalla nħallu ruħna tespandi f’ ringrazzjament lejn Missierna tas-Smewwiet mimli ħniena. Jalla kontinwament aħna dejjem ngħollu leħinna u nuru kemm bil-kelma kif ukoll bl-għemil il-gratitudni tagħna lejn Missierna fis-Smewwiet u lejn Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu. Għal dan jiena nitlob u nħallilkom it-testimonjanza u l-barka tiegħi, fl-isem tal-Imgħallem tagħna, Ġesù Kristu, amen.