2010-2019
Ulied Nisa fil-Patt
April 2014


Ulied Nisa fil-Patt

It-triq … li għandna nieħdu fil-vjaġġ tagħna lura lejn Missierna tas-Smewwiet … hi kkaratterizzata minn ċerti patti sagri ma’ Alla.

Illejla aħna ġejna mgħallma permezz tal-qawwa spiritwali. Nitlob li l-kliem imlissen minn dawn il-mexxejja għeżież nisa jidħol ġewwa qalbkom bil-mod kif jinsab ġo qalbi.

Din hija laqgħa storika. In-nisa kollha tal-Knisja minn tmien snin ‘il fuq ġew mistednin sabiex jingħaqdu magħna llejla. Ħafna minna tlabna sabiex ikollna l-Ispirtu s-Santu magħna. Dik il-barka ntlaqgħet hekk kif bdejna nisimgħu lil dawn ħutna jitkellmu u kif smajna mużika mill-aktar edifikanti. Nitolb li l-Ispirtu jkompli jgħammar magħna hekk kif jiena noffri xi ftit kliem ta’ nkuraġġiment u testimonjanza biex inżid ma’ dak li diġà ntqal—u partikolarment nixhed li dak li smajna kien dak li riedna nisimgħu l-Mulej.

Illejla se nitkellem dwar it-triq—li ġiet deskritta llum b’ diversi modi mill-isbaħ—li għandna nieħdu fil-vjaġġ tagħna lura għal għand Missierna tas-Smewwiet. Din it-triq hi kkaratterizzata minn ċerti patti sagri ma’ Alla. Sa nkellimkom dwar il-ferħ li niksbu meta nagħmlu u nżommu dawn il-patti u ngħinu lil ħaddieħor iżommhom.

Uħud minnkom tgħammidtu reċentement u rċevejtu d-don tal-Ispirtu s-Santu permezz tat-tqegħid tal-idejn. Dan kollu għadu frisk fil-memorja tagħkom. Oħrajn fostkom tgħammidtu snin ilu, għalhekk il-memorja tagħkom ta’ kif ħassejtukom hekk kif wettaqtu dak il-patt hi anqas ċara, iżda wħud mis-sentimenti li ħassejtu dak inhar terġgħu tħossuhom hekk kif tisimgħu t-talba sagramentali.

L-ebda tnejn minna ma niftakru bl-istess mod il-jum meta għamilna dak il-patt sagru tal-magħmudija u rċevejna d-don tal-Ispirtu s-Santu. Iżda t-tnejn li aħna ħassejna l-approvazzjoni ta’ Alla. U ħassejna xewqa li naħfru u niġu maħfura u determinazzjoni akbar li nagħmlu t-tajjeb.

L-intensità tas-sentimenti li ħassejtu ġewwa qalbkom kienet tiddependi mill-mod li bih tħejjejtu min-nies li verament iħobbukom. Nittama li dawk fostkom li m’ilkomx wisq li dħaltu fis-saltna tħossukom imberkin li tinsabu bilqiegħda ħdejn ommkom. Jekk hu hekk, tistgħu tibgħatulha issa stess tbissima ta’ ringrazzjament. Jiena għadni niftakar is-sentiment ta’ ferħ u gratitudni hekk kif jiena poġġejt bilqiegħda wara ommi fi triqitna lejn id-dar wara l-magħmudija tiegħi ġewwa Philadelphia, Pennsylvania.

Ommi kienet dik li bir-reqqa kollha ħejjietni biex nagħmel dak il-patt u l-patti l-oħra kollha li ġew wara. Hija verament semgħet minn dak li qal il-Mulej:

“U għal darb’oħra, jekk il-ġenituri jkollhom it-tfal ġewwa Sijon, jew f’ xi wited ieħor li ġie organizzat, u ma jgħallmuhomx sabiex jifhmu d-duttrina tal-indiema, il-fidi fi Kristu lben Alla u tal-magħmudija u d-don tal-Ispirtu s-Santu permezz tat-tqegħid tal-idejn, meta jkollhom tmien snin, id-dnub ikun fuq ras il-ġenituri.

“Għax din għandha tkun liġi għall-abitanti kollha ta’ Sijon, jew ta’ kull wited tagħha li ġie oganizzat.

“U wliedhom għandhom jitgħammdu għall-maħfra ta’ dnubiethom meta jkollhom tmien snin, u jirċievu [l-Ispirtu s-Santu].”1

Ommi żgur għamlet il-parti tagħha. Hija ħejjiet lil uliedha bi kliem li jixbah lil dak ta’ Alma, kif hemm miktub fil-Ktieb ta’ Mormon:

“U ġara li hu qalilhom: Araw, dawn huma l-ilmijiet ta’ Mormon (għax hekk kienu jissejħu) u issa, la intom qed turu x-xewqa li ssiru parti mill-merħla ta’ Alla, u tibdew tissejħu l-poplu tiegħu, u lesti li ġġorru t-tagħbija ta’ xulxin, biex tkun ħafifa;

“Iva, u intom lesti tibku ma’ dawk li jibku; iva, u tfarrġu lil dawk li għandhom bżonn il-faraġ, u tieqfu bħala xhieda ta’ Alla f’ kull ħin u f’ kollox, u kull fejn tkunu, sewwasew sal-mewt, sabiex intom tiġu mifdijin minn Alla, u tingħaddu ma’ dawk tal-ewwel resurrezzjoni, sabiex ikollkom il-ħajja eterna—

“Issa jiena ngħidilkom, jekk din tkun ix-xewqa ta’ qalbkom, mela x’ għandkom kontra li titgħammdu f’ isem il-Mulej, bħala xhieda quddiemu li intom dħaltu f’ patt miegħu, li taqduh u żżommu l-kmandamenti tiegħu, sabiex huwa jitfa’ l-Ispirtu Tiegħu fuqkom b’ mod abbundanti?

“U issa meta n-nies semgħu dan il-kliem huma ċapċpu jdejhom bil-ferħ, u għajtu: Din hija x-xewqa ta’ qalbna.”2

Probabilment li intom ma ċapċaptux idejkom l-ewwel darba li ġejtu mistednin tagħmlu patt permezz tal-magħmudija, iżda żgur li intom ħassejtu l-imħabba tas-Salvatur u impenn akbar li tħejju lil ħaddieħor biex jersaq lejh. Nista’ ngħid “żgur” peress li dawk is-sentimenti tpoġġew fil-fond ta’ qalb l-ulied nisa kollha ta’ Missierna tas-Smewwiet. Dan huwa parti mill-wirt divin li Huwa takom.

Qabel ġejtu f’ din il-ħajja intom ġejtu mgħallmin minnu. Huwa għinkom tifhmu u taċċettaw li intom sa jkollkom tħabbtu wiċċkom ma’ ċerti sfidi, provi u opportunitajiet li ġew magħżula b’ mod perfett għalikom. Intom tgħallimtu li Missierna kellu pjan ta’ ferħ li permezz tiegħu jgħinkom tiffaċċjaw dawk l-isfidi u li intom tgħinu lil oħrajn jiffaċċjaw l-isfidi tagħhom. Dan il-pjan hu kkaratterizzat minn ċerti patti sagri ma’ Alla.

Aħna għandna l-għażla ħielsa jekk nagħmlux u naċċettawx jew le dawk il-patti. Numru żgħir biss minn uliedu kollha sa jkollhom l-opportunità f’ din il-ħajja li jitgħallmu dwar dawk il-patti. Intom fost dawn l-iffurtunati. Għeżież ħuti, kull waħda minnkom hi bint fil-patt.

Qabel ma twelidtu, Missierna tas-Smewwiet għallimkom dwar l-esperjenzi li kien sa jkollkom hekk kif tħallu l-preżenza Tiegħu u tiġu hawn fid-dinja. Intom ġejtu mgħallmin li t-triq lura għal għandu mhux sa tkun waħda faċli. Huwa kien jaf li kien sa jkun diffiċli għalikom li tagħmlu dan il-vjaġġ mingħajr għajnuna.

Intom ġejtu mberkin mhux biss biex ssibu t-triq li fiha tistgħu tagħmlu dawn il-patti f’ din il-ħajja iżda wkoll biex tkunu mdawrin b’ oħrajn li lesti jgħinukom—li, bħalkom, huwa wlied tal-patt ta’ Missierna tas-Smewwiet.

Intom lkoll ħassejtu l-barka li llejla tinsabu fil-kumpanija ta’ wlied Alla li jinsabu wkoll taħt patt li lilkom jgħinukom u jidderiġukom kif kienu wiegħdu li jagħmlu. Jiena rajt kif rajtu intom, ulied nisa tal-patt iżommu dan l-impenn li jfarrġu u jgħinu—u dan jagħmluh bi tbissima.

Għadni niftakar it-tbissima ta’ Sister Ruby Haight. Hija kienet il-mara tal-Presbiteru David B. Haight, li kien membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Meta kien għadu żagħżugħ huwa serva bħala l-president tal-wited ta’ Palo Alto, f’ Kalifornja. Huwa talab u tħasseb ferm dwar il-bniet li kien hemm fil-klassi Mia Maid fil-qasam tiegħu.

Għalhekk il-President Haight ġie ispirat li jitlob lill-isqof ħalli jsejjaħ lil Ruby Haight sabiex tgħallem lil dawk il-bniet. Huwa kien jaf li hi kienet sa tkun xhud ta’ Alla li tedifika, tfarraġ u tħobb lil dawk il-bniet f’ din il-klassi.

Sister Haight kienet mill-inqas 30 sena akbar mill-bniet li kienet tgħallem. Madankollu, 40 sena wara li għallmithom, kull darba li kienet tiltaqa’ mal-mara tiegħi, li kienet waħda minn dawk il-bniet fil-klassi tagħha, kienet toħdilha b’ idejha, titbissem u tgħid lil Kathy, “Ara! Il-Mia Maid tiegħi.” Jiena kont nara ferm aktar milli sempliċiment tbissima. Ħassejt l-imħabba profonda li kien għad kellha għal oħt li kienet għadha jimpurtaha minnha daqs li kieku kienet bintha stess. It-tbissima tagħha u l-mod kif kienet tilqagħha kienu ġejjin mill-fatt li hija kienet tara li din oħtha u bint ta’ Alla kienet għadha miexja fit-triq tagħha tal-patt lejn id-dar.

Missierna tas-Smewwiet ukoll jitbissmilkom kull meta jarakom tgħinu xi waħda minn uliedu fit-triq tal-patt lejn il-ħajja eterna. U Huwa verament ikun kuntent kull darba li intom tippruvaw tagħżlu t-tajjeb. Huwa mhux biss jara dak li intom, iżda wkoll dak li tistgħu ssiru.

Jista’ jkun li intom għandkom ġenitur hawn fid-dinja li għallimkom li intom tistgħu tkunu aħjar milli taħsbu li tistgħu tkunu. Ommi hekk kienet.

Li ma kontx naf meta kont żgħir kien li Missieri tas-Smewwiet, Missierkom tas-Smewwiet, jara potenzjal akbar f’ uliedu milli naraw fina aħna stess jew saħansitra l-istess ommna. U kull darba li f’ dik it-triq intom tibdew mexjin ‘il fuq lejn il-potenzjal tagħkom, huwa verament jieħu gost. U intom tistgħu tħossu l-approvazzjoni Tiegħu.

Huwa jara dak il-potenzjal glorjuż f’ kull waħda minn uliedu nisa, qegħdin fejn qegħdin. Issa, dan jitfa’ responsabbilta kbira fuq kull waħda minnkom. Huwa jistenna li tittrattaw lil kull persuna li tiltaqgħu magħha bħala bint Alla. Din hi r-raġuni għalfejn Huwa jikkmandana sabiex inħobbu lil għajrna bħalna nfusna u biex naħfrulhom. Is-sentimenti tagħkom ta’ tjieba u ħniena lejn l-oħrajn jaslu għandkom bħala wirt divin mingħandu bħala wliedu. Kull persuna li tiltqagħu magħha hi bint spiritwali Tiegħu li tant iħobb.

Hekk kif intom taħsbu fuq dak li jgħaqqadkom bħala aħwa nisa, nispiċċaw ninsew dak kollu li naħsbu li jista’ jifridna. Per eżempju, aħwa nisa li huma iżgħar fl-età u oħrajn li huma akbar jaqsmu s-sentimenti tagħhom billi jistennew li se jiġu mifhuma u aċċettati. Bħala wlied Alla hemm aktar affarijiet li huma komuni fikom milli differenti.

B’ din il-prespettiva, dawn it-tfajliet għandhom iħarsu ‘l quddiem lejn id-dħul tagħhom fis-Soċjetà tal-Għajnuna bħala opportunità li permezz tagħha huma jkabbru ċ-ċirku ta’ aħwa li għad isiru jafu, jammiraw u jħobbu.

Dik l-istess kapaċità li tgħinna naraw x’ potenzjal għandna qiegħda dejjem tikber fil-familji u fil-Primarja. Dan qed iseħħ fil-lejliet id-dar mal-familja u fil-programmi tal-Primarja. It-tfal iż-żgħar qed jiġu spirati sabiex jgħidu ħwejjeġ kbar u meraviljużi, kif għamlu meta s-Salvatur reħa lsienhom meta Huwa għallimhom wara l-qawmien Tiegħu mill-imwiet.3

Filwaqt li Satana jista’ qed jattakka lill-aħwa nisa fl-età żagħżugħa tagħhom, il-Mulej qiegħed jgħolli lil dawn l-aħwa lejn livelli ferm ogħla ta’ spiritwalità. Per eżempju, it-tfajliet jinsabu jgħallmu lil ommijiethom kif jużaw FamilySearċh biex ifittxu u jsalvaw lill-antenati tagħhom. Xi wħud mill-aħwa nisa żgħażagħ li jiena naf qed jagħżlu li jmorru kmieni filgħodu fit-tempju biex iwettqu l-magħmudijiet bi prokura mingħajr ħadd ma jimbuttahom ħlief l-Ispirtu ta’ Elija.

F’ missjonijet madwar id-dinja, għad kbir ta’ aħwa nisa qed jiġu msejħa bħala mexxejja. Il-Mulej ħoloq il-bżonn għas-servizz tagħhom billi mess qalb għadd kbir ta’ nisa sabiex iservu. Numru mhux ħażin ta’ presidenti tal-missjoni qed jaraw il-missjunarji nisa jippridkaw b’ aktar qawwa kif ukoll jitrawwmu aħjar bħala mexxejja.

Taqdu jew ma taqdux missjoni full-time, intom tistgħu tiksbu l-istess abbiltà li ttejbu ż-żwieġ tagħkom u l-kapaċità li trabbu wlied nobbli billi timxu wara l-eżempji ta’ ċerti nisa meraviljużi.

Ikkunsidraw lil Eva, omm il-ħajjin kollha. Il-Presbiteru Russell M. Nelson qal hekk dwar Eva: “Aħna u l-umanità kollha aħna mberkin għal dejjem minħabba l-kuraġġ kbir u l-għerf ta’ Eva. Billi kielet mill-frotta, hija għamlet dak li kellha tagħmel. Adam kien għaqli biżżejjed li jagħmel l-istess.”4

Kull mara, bint Eva, għandha l-potenzjal li lill-familja tagħha ġġibilha l-istess barkiet li Eva ġabel lil tagħha. Hija tant kienet importanti fit-twaqqif tal-familji li aħna għandna dan ir-rapport dwar il-ħolqien tagħha: “U l-Allat qalu: Ejjew nagħmlu sieħba biex tkun ta’ għajnuna għal dan ir-raġel, għaliex mhux sewwa li r-raġel ikun waħdu, għalhekk aħna niffurmaw sieħba biex tgħinnu.”5

Ma nafux għal kollox kemm Eva kienet ta’ għajnuna għal Adam u għall-familja tagħha. Iżda nafu fi żgur dwar don kbir li hija qassmet mal-oħrajn, li kull waħda minnkom tistgħu tqassmuh ukoll: hija għenet lill-membri tal-familja tagħha jaraw liema hi t-triq lejn id-dar meta t-triq quddiemhom kienet tidher diffiċli. “U Eva, martu, meta semgħet dak kollu, ferħet u qalet: Li kieku ma kienx għat-trasgressjoni tagħna, kieku qatt ma kien ikollna wlied, u qatt ma konna nkunu nafu t-tajjeb u l-ħażin, u l-ferħ tal-fidwa tagħna, u l-ħajja eterna li Alla jagħti lil kull min hu ubbidjenti.”6

Intom tistgħu ssegwu l-eżempju tagħha.

Permezz tar-rivelazzjoni, Eva għarfet it-triq lura lejn Alla. Hija kienet taf li l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu għamilha possibli li l-familji jiksbu l-ħajja eterna. Hija kienet ċerta, kif tistgħu tkunu anke intom, li kif hija żżomm il-patti tagħha ma’ Missiera tas-Smewwiet, il-Feddej u l-Ispirtu s-Santu jassistu lilha u lill-familja tagħha f’ kull niket u diżappunt li jkollhom. Hija kienet taf li setgħet tafda fihom.

“Ittama fil-Mulej b’ qalbek kollha; u tafdax fl-għaqal tiegħek.

“Fih aħseb f’ kull ma tagħmel, u huwa jwittilek triqatek.”7

Jiena naf li Eva ħabbtet wiċċha ma’ tant niket u diżappunt, iżda naf ukoll li hija sabet il-ferħ fl-għarfien li hi u l-familja tagħha setgħu jerġgħu lura biex jgħixu ma’ Alla. Jiena naf li ħafna minnkom li tinsabu hawn tinsabu tħabbtu wiċċkom ma tant niket u diżappunt. Jiena nħallikom bil-barka tiegħi li, bħal Eva, intom tħossu l-istess ferħ li ħasset hi, fi triqitkom lura d-dar.

Jiena għandi xhieda ċerta li Alla l-Missier jinsab iħariskom ilkoll b’ imħabba. Huwa jħobbkom ilkoll. Intom uliedu fil-patt. Peress li Huwa jħobbkom, Huwa jipprovdilkom l-għajnuna li għandkom bżonn sabiex titilgħu ‘l fuq fi triqitkom lura lejn il-preżenza Tiegħu.

Jiena naf li s-Salvatur ħallas il-prezz għad-dnubiet kollha tagħna u li l-Ispirtu s-Santu jixhed dwar din il-verità. Intom ħassejtu dak il-faraġ f’ din il-laqgħa. Jiena għandi testimonjanza li l-imfietaħ kollha li permezz tagħhom jintrabtu ċerti patti ġew irrestawrati. Illum jinsabu f’ idejn il-profeta ħaj tagħna l-President Thomas S. Monson u jitħaddmu minnu. Għeżież ulied tal-patt Tiegħu, jiena nħallikom b’ dan il-kliem ta’ faraġ u tama fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.