2010-2019
X’ Tip ta’ Bnedmin?
April 2014


X’ Tip ta’ Bnedmin?

X’ tibdil jeħtieġ li nagħmlu biex insiru t-tip ta’ bnedmin li għandna nsiru?

Meta naħsbu ftit fuq din il-laqgħa dinjija, nindunaw li m’ hawn xejn li tista’ tqabblu magħha—imkien. L-għan tas-sezzjoni tas-saċerdozju tal-konferenza ġenerali hu li tgħallem lilna li nħaddnu s-saċerdozju x’ tip ta’ bnedmin għandna nkunu (ara 3 Nephi 27:27) u tispirana sabiex nilħqu dak l-ideal.

Fis-snin li fihom kont inħaddan is-Saċerdozju Aaroniku, ħamsin sena ilu fil-Ħawaii, kif ukoll bħala missjunarju fl-Ingilterra, konna niltaqgħu fid-djar tal-laqgħat u (bi sforz enormi) konna noqogħodu nisimgħu s-sezzjoni tas-saċerdozju billi nużaw il-linja tat-telefon. Snin wara, bl-użu tas-satellita, kien possibbli li tixxandar il-konferenza f’ ċerti postijiet magħżula tal-Knisja permezz ta’ dixx enormi, u b’hekk stajna naraw kif ukoll nisimgħu dak li kien għaddej. Konna nibqgħu mistagħġbin b’ dik it-teknoloġija! Ftit immaġinaw id-dinja tal-lum, fejn kull min għandu aċċess għall-internet permezz ta’ smartfon, teblit jew kompjuter jista’ jirċievi l-messaġġi ta’ din il-laqgħa.

Madankollu, din l-aċċessibiltà verament avvanzata f’ idejn il-qaddejja tal-Mulej, li huma l-istess daqs li kieku l-istess vuċi tal-Mulej (ara D&C 1:38), għandha ftit li xejn valur sakemm aħna m’aħniex lesti li nirċievu l-kelma (ara D&C 11:21) u mbagħad nimxu warajha. Fi kliem sempliċi, l-għan tal-konferenza ġenerali u ta’ din is-sezzjoni tas-saċerdozju jista’ jitwettaq biss jekk aħna nkunu lesti li naġixxu—jekk aħna nkunu lesti li ninbidlu.

Għexieren ta’ snin ilu, jiena kont qed inservi bħala isqof. Għamilt perjodu ta’ żmien niltaqa’ ma’ raġel fil-qasam tagħna li kien akbar minni mhux ħażin. Dan ħuna kellu relazzjoni xejn tajba ma’ martu u kien jinsab ‘il bogħod minn uliedu. Huwa beda jsibha diffiċli jżomm l-impjieg li kellu, ħbieb tal-qalb ma kellux, u kien isibha tant bi tqila biex jitħallat mal-membri tal-qasam li fl-aħħar ma kienx aktar lest li jservi fil-Knisja. Matul waħda mid-diskussjonijet intensi li kellna dwar l-isfidi f’ ħajtu, huwa dar lejja—kif kien jagħmel kull meta niġu biex ntemmu d-diskursata tagħna—u qal, “Isqof, jiena taqbiżli malajr, u m’ hemmx x’ tagħmel la jien hekk!”

Dak inhar dik id-dikjarazzjoni ħasditni u għadni sa llum ma nistax ninsieha. Ġaladarba dak ir-raġel iddeċieda—ġaladarba aħna niddeċiedu—“M’ hemmx x’ tagħmel la jien hekk,” aħna nrażżnu l-abbiltà tagħna li ninbidlu. F’ dan il-kas nistgħu ngħollu l-bandiera bajda, inċedu l-armi, niddikjaraw li tlifna l-battalja u sempliċiment nirtiraw—tgħib kull tama tar-rebħa. Għalkemm xi wħud fostna jafu jgħidu li dan ma jiddeskrivix lilna bħala nies, madankollu kull wieħed minna jaf jgħid rigward xi vizzju li għandu, “M’ hemmx x’ tagħmel la jien hekk.”

Mela, aħna niltaqgħu f’ din il-laqgħa tas-saċerdozju għaliex dak li aħna mhuwiex dak li nistgħu nsiru. Aħna niltaqgħu hawn il-lejla f’ isem Ġesù Kristu. Niltaqgħu bl-għarfien li l-Att tal-Fidwa Tiegħu jagħti lil kull wieħed minna—huma x’inhuma d-dgħjufijiet, id-debbolizzi u l-vizzji tagħna—l-abbiltà li ninbiddlu. Niltaqgħu bit-tama li l-futur tagħna, hu x’ inhu l-passat tagħna, jista’ jkun aħjar.

Meta aħna nipparteċipaw f’ din il-laqgħa b’ “intenzjoni tajba” li ninbiddlu (Moroni 10:4), inkunu qed nagħtu l-Ispirtu aċċess sħiħ għal qalbna u moħħna. Kif il-Mulej żvela lil Joseph Smith, “U għandu jkun, li dment li huma … jeżerċitaw il-fidi fija”—ftakru, il-fidi hija prinċipju ta’ qawwa u ta’ għemil—“jiena nixħet l-Ispirtu tiegħu fuqhom f’ dak il-jum li huma jinġabru flimkien” (D&C 44:2). Dan ifisser illejla!

Jekk taħsbu li l-isfidi li qed tħabbtu wiċċkom magħhom huma enormi, ħa ngħidilkom dwar raġel li ltqajna miegħu ġo villaġġ żgħir ftit ‘il barra minn Hyderabad, l-Indja fl-2006. Dan ir-raġel huwa eżempju ta’ wieħed li għandu r-rieda li jinbidel. Appa Rao Nulu twieled f’ raħal żgħir fl-Indja. Meta kellu tliet snin, huwa qabdu l-poljo li ħallieh b’ diżabbiltà fiżika permanenti. Is-soċjetà li kien jgħix fiha għallmitu li l-potenzjal tiegħu kien mill-aktar limitat. Madankollu, meta kien għadu żagħżugħ huwa ltaqa’ mal-missjunarji tagħna. Huma għallmuh dwar potenzjal akbar, kemm f’ din il-ħajja kif ukoll fl-eternità li trid tiġi. Huwa ġie mgħammed u kkonfermat bħala membru tal-Knisja. B’ viżjoni ferm aktar ċara dwar x’ inhu l-veru potenzjal tiegħu, l-għan tiegħu sar li jirċievi s-Saċerdozju Melkisedeku u jaqdi missjoni full-time. Fl-1986 huwa ġie ordnat presbiteru u msejjaħ biex iservi ġewwa l-Indja. Kien diffiċli għalih li jimxi—għamel l-almu tiegħu, billi uża bastun f’ kull id, u mhux l-ewwel darba li ħadha għal wiċċu—iżda qatt ma ġieh f’ moħħu li jaqta’ qalbu. Huwa kien iddeċieda li b’ impenn u devozzjoni jaqdi missjoni onorabbli, u hekk għamel.

Meta ltqajna ma’ Brother Nulu, kważi 20 sena wara li temm il-missjoni tiegħi, huwa laqagħna bil-ferħ f’ tarf it-triq u minn hemm imxejna warajh fejn għaddiena minn niżla mħarbta u mtarrba li kienet tagħti għad-dar b’ żewġt ikmamar li fiha kien joqgħod flimkien ma’ martu u t-tliet uliedhom. Kien jum mill-aktar sħun u skomdu. Huwa kien għadu jimxi f’ ċerta diffikultà, iżda żgur ma kellux dehra ta’ wieħed li jitħassar lilu nnifsu. Permezz tad-diliġenza personali li wera, huwa sar għalliem, billi beda jgħallem lit-tfal tal-villaġġ. Meta aħna dħalna d-dar modesta tiegħu, huwa ħadni immedjatament f’ kantuniera u ħareġ kaxxa li fiha kien hemm l-aktar ħwejjeġ importanti li kellu. Huwa riedni nara daqsxejn ta’ karta. Kienet tgħid, “B’ xewqat sbieħ u barkiet lill-Presbiteru Nulu, missjunarju kuraġġjuż u ferħan; [iddatata] 25 ta’ Ġunju, 1987; [iffermata] Boyd K. Packer.” F’ dik l-okkażżjoni, meta dak li kien il-Presbiteru Packer żar l-Indja u kellem grupp ta’ missjunarji, huwa reġa’ enfasizza mal-Presbiteru Nulu l-potenzjal tiegħu. F’ kelma waħda, dak li Brother Nulu kien qed jgħidli f’ dak il-jum fl-2006 kien li l-evanġelju kien letteralment biddlu—b’ mod permanenti!

F’ din iż-żjara tagħna fid-dar tal-familja Nulu, kien hemm jakkumpanjana l-president tal-missjoni. Huwa kien jinsab hemm biex jintervista lil Brother Nulu, lil martu u lil uliedu—lill-ġenituri sabiex jirċievu l-għotja mqaddsa tagħhom u jiġu ssiġillati u lit-tfal biex jiġu ssiġillati mal-ġenituri tagħhom. Lil din il-familja ppreżentajnielha wkoll l-arranġamenti sabiex huma jivvjaġġaw sat-Tempju ta’ Hong Kong, iċ-Ċina għal dawn l-ordinanzi. Huma bkew bil-ferħ hekk kif il-ħolma li tant kienu ilhom jistennew kienet finalment se titwettaq.

X’ inhu mistenni minn wieħed li jħaddan is-saċerdozju ta’ Alla? X’ tibdil jeħtieġ li nagħmlu biex insiru t-tip ta’ bnedmin li għandna nsiru? Sa nagħmel tliet suġġerimenti:

  1. Hemm bżonn inkunu rġiel tas-saċerdozju! Kemm jekk aħna ġuvintur li nħaddnu s-Saċerdozju Aaroniku, kemm jekk irġiel bis-Saċerdozju Melkisedeku, għandna bżonn inkunu irġiel tas-saċerdozju, fejn nuru maturità spiritwali minħabba l-patti li għamilna. Kif qal Pawlu, “Meta kont tarbija, kont nitkellem ta’ tarbija, nħoss ta’ tarbija, naħseb ta’ tarbija: iżda meta sirt raġel warrabt dak li hu ta’ tarbija” (1 1 Korintin 13:11). Aħna għandna nkunu differenti għaliex inħaddnu s-saċerdozju—mhux arroganti jew mkabbra jew li rridu tgħaddi tagħna, iżda rridu nkunu umli, lesti nitgħallmu u ubbidjenti. Li aħna nirċievu s-saċerdozju u d-diversi uffiċċji tiegħu għandha tfisser xi ħaġa għalina. M’ għandhiex tkun sempliċiment att ta’ rutina li nagħmlu b’ mod awtomatiku meta jkollna ċertu età iżda pjuttost att sagru ta’ patt li nwettqu b’ ċertu għarfien. Għandna nħossuna pprivileġġjati u grati tant li l-għemejjel tagħna juru dan. Jekk aħna rari naħsbu dwar is-saċerdozju, hemm bżonn ninbidlu.

  2. Hemm bżonn inservu! L-assenza li nħaddnu s-saċerdozju hi sabiex inkabbru s-sejħa tagħna (ara D&C 84:33) billi naqdu lil ħaddieħor. M’ għandniex inkunu rġiel li nevitaw l-aktar dmir importanti li għandna li naqdu lil mara tagħna u lil uliedna, li ma naċċettawx jew inwettqu b’ nofs qalb is-sejħiet tagħna fil-Knisja, jew li ma jimpurtaniex minn ħaddieħor sakemm ma jkunx konvinjenti għalina. Is-Salvatur iddikjara, “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’ qalbek kollha, b’ ruħek kollha u b’ moħħok kollu” (Mattew 22:37) u wara kompla, “Jekk tħobbuni għandkom taqduni” (D&C 42:29). L-egoiżmu huwa l-kuntrarju tar-responsabbiltà tas-saċerdozju, u jekk dan hu parti mill-karattru tagħna, hemm bżonn ninbidlu.

  3. Hemm bżonn li nkunu denji! Jista’ jkun m’ għandniex l-abbiltà tal-Presbiteru Holland meta xi snin ilu huwa tkellem f’ sezzjoni tas-saċerdozju sabiex “nieqaf daqshekk viċin tiegħek … , imneħirna jmiss każi ma’ xulxin, u nkellmek b’ tant intensità li nqajjimlek ġismek xewk xewk” (“We Are All Enlisted,”Ensign jewLiahona, Nov. 2011, 45); iżda, għeżież ħuti, hemm bżonn insiru konxji li ċerti ħwejjeġ li fid-dinja tal-lum huma aċċettati jistgħu jirrestrinġu l-qawwa tagħna tas-saċerdozju. Nitqarrqu jekk naħsbu li aħna nistgħu nitħammġu bil-pornografija jew naqgħu għat-tentazzjoni li niksru l-liġi tal-kastità jew b’ xi mod inkunu diżonesti u li dan ma jħallix effett negattiv fuqna u fuq il-familji tagħna. Moroni ddikjara “Araw li tkunu denji f’ kull ma tagħmlu” (Mormon 9:29). Il-Mulej iddikjara b’ qawwa, “U issa jiena nagħtikom kmandament li toqogħdu attenti x’ tagħmlu, sabiex tagħtu kas tal-kliem tal-ħajja eterna” (D&C 84:43). Jekk hemm xi dnubiet li għadna ma ndimniex minnhom li qed iżommuna milli nkunu denji, hemm bżonn nagħmlu l-bidla meħtieġa.

L-unika tweġiba kompleta għall-mistoqsija li għamel Ġesù “X’ tip ta’ bnedmin għandkom tkunu? hija dik li Huwa ta b’ mod ċar u profond: “Sewwasew kif jiena jien” (3 Nephi 27:27). L-istedina li “nersqu lejn Kristu u niġu pperfezzjonati fih” (Moroni 10:32) teħtieġ u tistenna bidla min-naħa tagħna. Grazzi għall-ħniena Tiegħu, Huwa ma ħalleniex weħidna. “U jekk il-bnedmin jiġu għandi jiena nurihom id-dgħjufija tagħhom. … Imbagħad jiena nagħmel b’ saħħtu dak li hu dgħajjef” (Ether 12:27). Jekk aħna nafdaw fl-Att tal-Fidwa tas-Salvatur, nistgħu ninbidlu. Ta’ dan jiena ninsab ċert. F’ isem Ġesù Kistu, amen.