2010-2019
Hemm Bżonn: Idejn u Qlub biex Iħaffu l-Ħidma
April 2014


Hemm Bżonn: Idejn u Qlub biex Iħaffu l-Ħidma

Aħna nistgħu noffru idejn biex jgħinu u qalb biex tħaffef il-ħidma meraviljuża ta’ Missierna tas-Smewwiet.

Għeżież ħuti, kemm inħobbukom! Hekk kif konna qed naraw dak il-vidjo mill-isbaħ, intom rajtuhom idejkom jgħinu lil xi ħadd tul il-mogħdija tal-patt? Kont qed naħseb dwar tifla ċkejkna tal-Primarja li jisimha Brynn li kellha biss id waħda u madankollu hija tuża dik l-id biex tgħin tbierek lill-familja tagħha u lil sħabha—kemm dawk li huma Qaddisin tal-Aħħar Jiem kif ukoll ta’ twemmin ieħor. Kemm hi ħelwa hux? U l-istess intom! Ħuti, aħna nistgħu noffru idejn biex jgħinu u qalb biex tħaffef il-ħidma meraviljuża ta’ Missierna tas-Smewwiet.

L-istess bħal ħutna n-nisa fidili fl-iskrittura, bħal Eva, Sara, Marija u ħafna oħrajn, li kienu jafu l-identità u l-għan tagħhom, Brynn taf li hi bint Alla.1 Aħna wkoll nistgħu nkunu nafu dwar il-wirt divin tagħna bħala wlied Alla u l-ħidma tant importanti li għandu lest għalina biex inwettquha.

Is-Salvatur għallem, “Min irid jagħmel ir-rieda tiegħu jaf jekk dan it-tagħlim huwiex minn Alla.”2 X’irridu nagħmlu u nkunu nafu “biex xi darba nerġgħu ngħixu miegħu”?3 Nistgħu nitgħallmu mill-istorja taż-żagħżugħ għani li staqsa lil Ġesù x’ried jagħmel sabiex jirċievi l-ħajja eterna.

Ġesù wieġbu, “Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti.”

Iż-żagħżugħ staqsieh liema minnhom għandu jobdi. Imbagħad Ġesù fakkru dwar uħud mill-Għaxar Kmandamenti li lkoll kemm aħna familjari magħhom.

Iż-żagħżugħ wieġbu, “Jiena dan kollu ħaristu: x’ jonqosni iżjed?”

Ġesù qal, “Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema: imbagħad ejja u imxi warajja.”4

Ġesù sejjaħlu biex ikun parti mill-ħidma Tiegħu—il-ħidma ta’ dixxiplu. Il-ħidma tagħna hi l-istess. Għandna “inpoġġu fil-ġenb il-ħwejjeġ tad-dinja, … inkunu fidili lejn il-patti [tagħna,]”5 u nersqu lejn Kristu u nimxu warajh. Hekk jagħmlu d-dixxipli!

Issa, ħuti, ejjew ma nibdewx naqtgħu qalbna għaliex liż-żagħżugħ għani s-Salvatur qallu li jrid ikun perfett. Il-kelma perfett f’ dan ir-rakkont ġie tradotta mill-kelma Griega li tfisser “sħiħ.” Hekk kif nagħmlu l-almu tagħna biex nibqgħu għaddejjin fit-triq tal-patt, aħna nsiru aktar sħaħ u perfetti f’ din il-ħajja.

Bħaż-żagħżugħ għani fi żmien Ġesù, xi kultant aħna tiġina t-tentazzjoni li naqtgħu qalbna jew nerġgħu lura għax forsi naħsbu li weħidna mhux se jirnexxielna. U fil-fatt hekk hu! Ma nistgħux inwettqu l-ħwejjeġ diffiċli kollha li ġejna mitlubin inwettqu mingħajr għajnuna. L-għajnuna tasal permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, il-gwida tal-Ispirtu s-Santu u permezz tal-għajnuna li niksbu minn idejn ħaddieħor.

Waħda oħt fidila reċentement tat ix-xhieda tagħha li permezz tal-Att tal-Fidwa, hija sabet il-qawwa li tuża l-idejn lesti li jgħinu u l-qalb disponibbli tagħha biex trabbi l-erbat itfal li oħtha ħalliet warajha meta mietet bil-kanċer. Dan fakkarni dwar xi ħaġa li kien qal il-Presbiteru Neal A. Maxwell: “Il-ħwejjeġ faċli kollha li l-Knisja kellha twettaq diġà twettqu. Minn issa ‘l quddiem, huwa żmien ta’ avventura, u d-dixxipli sa jiġu ttestjati b’ modi mill-aktar interessanti.”6 Intom ġejtu mibgħuta fid-dinja f’ din id-dispensazzjoni taż-żmien minħabba li intom min intom u minħabba dak li ġejtu mħejjin biex twettqu! Minkejja li Satana jipprova jipperswadina biex naħsbu b’ mod ieħor dwar min verament aħna, l-identità vera tagħna hi dik ta’ dixxipli ta’ Ġesù Kristu!

Mormon kien dixxiplu vera li għex fi żmien meta “kull qalb kienet twebbset, … u l-ħażen qatt ma kien daqshekk kbir fost ulied Leħi.”7 Tixtiequ li kontu tgħixu f’ dak iż-żmien? U madankollu Mormon iddikjara b’ qawwa, “Araw, jiena dixxiplu ta’ Ġesù Kristu, l-Iben t’ Alla.”8

X’ ma tħobbux lil Mormon? Huwa kien jaf min hu verament u x’ kienet il-missjoni tiegħu u ma ħalla l-ebda ħażen li kien hemm madwaru jtellfu milli jagħmel li kellu jagħmel. Fil-fatt, huwa kkunsidra s-sejħa tiegħu bħala rigal.9

Aħsbu ftit x’ barka hi li niġu msejħa li noffru r-rigal tagħna kuljum bħala dixxipli lill-Mulej, niddikjaraw bil-fomm u bl-għemil, “Ara, jiena dixxipli ta’ Ġesù Kristu!”

Verament togħġobni l-istorja li rrakkonta l-President Boyd K. Packer dwar waħda oħt għażiża li ġie rredikulata talli mxiet wara l-kunsill tal-Profeta li taħżen l-ikel. Dik li kkritikatha ssuġġeritilha li jekk iż-żminijiet ikunu diffiċli, il-mexxejja tagħha għandhom jitolbuha sabiex taqsam l-ikel li tkun ħażnet ma’ ħaddieħor. It-tweġiba sempliċi u determinanti tagħha bħala dixxiplu vera kienet, “Għallinqas ikolli xi ħaġa x’ noffri.”10

X’ ma nħobbhomx lin-nisa tal-Knisja, żgħar u xjuħ. Jiena rajt il-qawwa tagħkom. Jiena rajt il-fidi tagħkom. Intom għandkom xi ħaġa x’ tagħtu, u lesti li tagħtuha. Intom tagħmlu dan mingħajr wisq daqq ta’ trombi jew pubbliċità, l-attenzjoni tagħtuha lil Alla li intom tqimu, mhux lilkom infuskom, mingħajr ma toqgħodu taħsbu x’ se takkwistaw.11 Hekk jagħmlu d-dixxipli!

Reċentement jiena ltqajt ma’ mara żagħżugħa fil-Filippini li meta kellha 7 snin il-membri tal-familja tagħha ma baqgħux attivi aktar fil-Knisja, u ġimgħa wara l-oħra kienu jħalluha timxi weħidha triq perikoluża lejn il-knisja. Hija qalet kif meta kellha 14-il sena hi ddeċidiet li kienet se tibqa’ leali lejn il-patti tagħha ħalli tkun denja li trabbi l-familja futura tagħha f’ dar “imbierka bill-qawwa tas-saċerdozju.”12L-aħjar mod kif issaħħaħ familja, fil-preżent jew fil-futur, hu billi żżomm il-patti, wegħdiet li aħna għamilna ma’ xulxin u ma’ Alla.

Hekk jagħmlu d-dixxipli!

Oħt fidila Ġappuniża u r-raġel tagħha ġew iżuru l-missjoni tagħna fil-Koreja. Hi ma kinetx titkellem bil-Korejan u l-Ingliż tagħha kien limitat iżda kellha qalb lesta li tuża d-doni uniċi tagħha u idejn li lesti biex jgħinu fil-ħidma tal-Mulej. Hekk jagħmlu d-dixxipli! Hija għallmet lill-missjunarji tagħna kif jagħmlu daqsxejn ta’ origami sempliċi—ħalq jinfetaħ u jingħalaq. Imbagħad permezz tal-ftit kliem bl-Ingliż li kienet taf hija għallmet lill-missjunarji sabiex “jiftħu ħalqhom” ħalli jaqsmu l-evanġelju—lezzjoni li qatt m’aħna se ninsew, la huma u lanqas jiena.

Immaġinaw għal ftit ħin, intom u jiena weqfin flimkien ma’ miljuni oħra ta’ ħutna fil-Knisja Tiegħu, għaddejjin b’ determinazzjoni kbira, nagħmlu dak li jagħmlu d-dixxipli—inservu u nħobbu bħas-Salvatur. Xi jfisser għalikom li tkunu dixxipli ta’ Ġesù Kristu?

Mijiet ta’ eluf ta’ dixxipli altruwisti ta’ Ġesù Kristu libsu l-flokkijiet u l-qomos bl-Idejn tal-Għajnuna Mormoni fuqhom filwaqt li laqgħu b’ ferħ l-opportunità li jipprovdu servizz temporali. Iżda hemm modi oħra kif nistgħu nservu bħala dixxipli devoti. Immaġinaw flimkien miegħi xi wħud mis-sinjali spiritwali “bżonn ta’ għajnuna” possibli relatati mal-ħidma tas-salvazzjoni.

  • Bżonn ta’ għajnuna: ġenituri li jrabbu lil uliedhom fid-dawl u l-verità

  • Bżonn ta’ għajnuna: ulied, aħwa, zijiet, kuġini, nanniet, u ħbieb vera biex iservu bħala mudell eżemplari u joffru l-id tal-għajnuna tul it-triq tal-patt

  • Bżonn ta’ għajnuna: dawk li jisimgħu t-tnebbiħ tal-Ispirtu s-Santu u jaġixxu skont l-impressjoni li jirċievu.

  • Bżonn ta’ għajnuna: dawk li jgħixu kuljum l-evanġelju b’ mod sempliċi

  • Bżonn ta’ għajnuna: ħaddiema tal-istorja tal-familja u tat-tempju biex jgħaqqdu l-familji għall-eternità

  • Bżonn ta’ għajnuna: missjunarji u membri biex ixandru “l-aħbar it-tajba”—l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu

  • Bżonn ta’ għajnuna: assistenti biex isibu lil dawk li tilfu t-triq

  • Bżonn ta’ għajnuna: nies li jżommu l-patti li jibqgħu fermi għall-verità u s-sewwa

  • Bżonn ta’ għajnuna: dixxipli vera tal-Mulej Ġesù Kristu

Snin ilu, il-Presbiteru M. Russell Ballard għamel talba urġenti lill-aħwa nisa tal-Knisja meta qal:

“Bejn issa u l-jum li fih jerġa’ jiġi l-Mulej, Huwa għandu bżonn nisa f’ kull familja, f’ kull qasam, f’ kull komunità, f’ kull nazzjon li jippreżentaw ruħhom fis-sewwa u jgħidu permezz ta’ kliemhom u għemilhom, ‘Hawn jien, ibgħat lili.’

“Il-mistoqsija tiegħi hi, ‘Lesti tkunu waħda minn dawn in-nisa?’”13

Nittama li kull waħda minna b’ konvinzjoni nirrispondu għal dan “Iva!” Nagħlaq bil-kliem ta’ għanja tal-Primarja:

Aħna wlied tal-patt b’ rigal x’ nagħtu.

Ngħallmu l-evanġelju bil-mod li bih ngħixu.

Nixhdu b’ kull kelma u għemil:

Nemmnu u nservu lil Ġesù Kristu.14

Bħala dixxipli vera, jalla aħna noffru l-qalb disponibbli u l-id ta’ għajnuna tagħna sabiex inħaffu l-ħidma Tiegħu. Ma jimpurtax jekk, bħal Brynn, għandna biss id waħda. Ma jimpurtax jekk għadna m’aħniex perfetti u sħaħ. Aħna dixxipli devoti li nilħqu u ngħinu lil xulxin tul it-triq. Bħala aħwa nisa aħna nilħqu ġenerazzjonijet sħaħ ta’ ħutna fidili li għexu qabilna. Flimkien, bħala aħwa nisa u f’ għaqda mal-profeti, bassara u rivelaturi ħajjin bl-imfietaħ tas-saċerdozju rrestawrati, aħna nistgħu nimxu magħqudin, bħala qaddejja b’ qalb disponibbli u idejn lesti li jħaffu l-ħidma tas-salvazzjoni. Hekk kif nagħmlu dan, aħna nsiru bħas-Salvatur. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Ara “Brynn,” lds.org/media-library/video/2011–01–007-brynn.

  2. Ġwanni 7:17.

  3. “I Am a Child of God,” Hymns, no. 301; jew Children’s Songbook, 2–3.

  4. Ara Mattew 19:16–22.

  5. Doctrine and Covenants 25:10, 13.

  6. Neal A. Maxwell, “The Old Testament: Relevancy within Antiquity” (address to Church Educational System religious educators, Aww. 16, 1979), 4; si.lds.org.

  7. Mormon 4:11–12.

  8. 3 Nephi 05:13.

  9. Ara Moroni 7:2.

  10. F’ Boyd K. Packer, “The Circle of Sisters,” Ensign, Nov. 1980, 111.

  11. Ara 2 Nephi 26:29–30.

  12. “Love Is Spoken Here,” Children’s Songbook, 190–91.

  13. M. Russell Ballard, “Women of Righteousness,”Ensign, Apr. 2002, 70;Liahona, Diċ. 2002, 39.

  14. “Holding Hands around the World,”Friend, Lulju 2002, 44–45;Liahona, Ott. 2003, F12–13.