2010-2019
Ubbidjenza permezz tal-Fedeltà Tagħna
April 2014


Ubbidjenza permezz tal-Fedeltà Tagħna

L-ubbidjenza hija l-emblema tal-fidi tagħna fl-għerf u l-qawwa tal-ogħla awtorità, li huwa Alla.

Il-lejliet id-dar għall-familja li jiena u Sister Perry ntellgħu kull nhar ta’ Tnejn f’ daqqa waħda kibru sew fin-numru. Ħija, bintu, ħu Barbara u waħda min-neputijiet tagħna flimkien ma’ żewġha ġew joqogħdu fl-istess kumpless fejn hemm l-appartament tagħna. Hija l-ewwel darba minn meta kont għadni tifel li kelli l-barka li jkolli membri tal-familja joqogħdu daqshekk viċin tiegħi. Dak iż-żmien, il-familja tiegħi konna noqogħdu kollha fl-istess blokka flimkien ma’ diversi membri tal-familja min-naħa t’ ommi. Id-dar tan-Nannu Sonne kienet bieb ma’ bieb magħna fin-naħa ta’ fuq tat-triq u z-Zija Emma kienet bieb ma’ bieb magħna min-naħa t’ isfel. Fin-naħa t’ isfel tal-blokka kienet tgħix iz-Zija Josephine u fin-naħa l-oħra tal-blokka kien jgħix iz-ziju Alma.

Meta kont għadni daqsxejn ta’ tfajjel, aħna konna ta’ kuljum nitħalltu mal-kuġini tagħna u konna ngħaddu ħafna ħin naħdmu, nilagħbu u niltaqgħu flimkien. Jekk konna nagħmlu xi praspura ftit ħin biss kien jgħaddi biex ommijietna kienu jsiru jafu biha. Id-dinja tagħna llum hija wisq differenti—il-membri ta’ bosta familji jinsabu mifruxin ma’ kullimkien. Anke jekk huma ma joqogħdux daqstant ‘il bogħod minn xulxin, ħafna drabi ma jkunux joqogħdu bieb ma’ bieb. Madankollu, jiena nħoss li s-sitwazzjoni ta’ meta kont żgħir u s-sitwazzjoni kurrenti tiegħi tixbah il-ħajja fis-smewwiet, bil-membri għeżież tal-familja tiegħi joqogħdu viċin ħafna ta’ xulxin. Dan lili jfakkarni dwar in-natura eterna tal-unit tal-familja.

Meta kont għadni tfajjel, jiena kont viċin ħafna tan-nannu tiegħi. Jiena kont it-tifel il-kbir tal-familja. Jiena kont dak li fix-xitwa kont nixkupa s-silġ minn quddiem id-dar u fis-sajf kont nieħu ħsieb il-ġnien tad-dar tagħna, id-dar tan-nannu u d-djar taż-żewġ zijiet tiegħi. In-nannu ħafna drabi kien joqgħod bilqiegħda fil-veranda jħares lejja naħsad l-għalqa. Meta kont inkun lest, kont inpoġġi bilqiegħda fuq it-tarġiet ta’ quddiem u noqgħod nitkellem miegħu. Dawn il-mumenti huma għalija memorji li ngħożż verament.

Darba minnhom staqsejt lin-nannu kif nista’ nkun naf li jiena qed nagħmel dejjem dak li suppost nagħmel, meta wieħed jikkunsidra kemm għażliet differenti tista’ tippreżentalek il-ħajja. Kif kien dejjem jagħmel in-nannu, huwa weġibni billi rrakkontali esperjenza mill-ħajja tiegħu fir-razzett.

Huwa għallimni dwar kif tħarreġ żewġt iżwiemel ħalli jitgħallmu jaħdmu flimkien. Huwa spjegali li ż-żwiemel għandhom dejjem ikunu jafu minn hu dak li qed imexxi. Ħwejjeġ importanti biex tikkontrolla u tmexxi żiemel huma x-xedd madwar ġismu u l-ilġiem f’ ħalqu. Jekk wieħed miż-żwiemel jaħseb li m’għandux għalfejn jobdi dak li jrid minnu s-sewwieq, iż-żwiemel qatt ma jistgħu jimxu u jaħdmu flimkien biex iwettqu kemm jistgħu xogħol mitlub minnhom.

Issa ejjew neżaminaw il-lezzjoni li għallimni n-nannu tiegħi billi nużaw dan l-istess eżempju. Min hu s-sewwieq taż-żwiemel? In-nannu dejjem emmen li hu l-Mulej. Huwa dak li għandu għan u pjan. Huwa wkoll dak li jħarreġ u jibni t-tim ta’ żwiemel u, fl-istess ħin, lil kull żiemel individwali. Is-sewwieq huwa dak li jaf l-aħjar, u l-aqwa mod kif żiemel ikun jaf li qed jagħmel dejjem dak li hu sewwa huwa billi jobdi u jagħmel dak li jrid minnu s-sewwieq.

Ma xiex ried iqabbel ix-xedd u l-ilġiem in-nannu? Jien kont nemmen, u għadni nemmen, li n-nannu kien qed jgħallimni sabiex nimxi wara s-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu. Għalih, ix-xedd u l-ilġiem kienu xi ħaġa spiritwali. Żiemel ubbidjenti li jifforma parti minn tim ta’ żwiemel li huma mħarrġin sewwa kull ma jkollhom bżonn tkun daqsxejn ta’ ġibda ġentili min-naħa tas-sewwieq biex huwa jagħmel dak li jkun mitlub minnu. Din il-ġibda ġentili nqabbluha mal-vuċi siekta u ċkejkna li biha jkellimna l-Mulej. B’ rispett lejn l-għażla ħielsa tagħna, il-ġibda qatt ma tkun waħda b’ saħħitha u b’ ħafna forza.

L-irġiel u n-nisa li jinjoraw is-suġġerimenti ġentili tal-Ispirtu ma jdumux ma jitgħallmu, kif tgħallem l-iben il-ħali, permezz tal-konsegwenzi naturali tad-diżubbidjenza u l-ħajja mtajra. Kien biss wara li l-iben il-ħali umilja ruħu minħabba dawn il-konsigwenzi naturali li “daħal fih innifsu” u sema’ l-vuċi siekta tal-Ispirtu tgħidlu sabiex imur lura f’ dar missieru (ara Luqa 15:11–32).

Għalhekk il-lezzjoni li għallimni n-nannu kienet sabiex dejjem inkun lest biex nirċievi l-ġibda ġentili tal-Ispirtu. Huwa għallimni li jiena dejjem nista’ nirċievi dawn is-suġġerimenti meta nkun se nagħmel xi għażla mhux ġusta. U b’ hekk qatt ma nispiċċa nwettaq xi ħaġa verament gravi jekk jiena nħalli l-Ispirtu jiggwidani fid-deċiżjonijiet tiegħi.

Kif Ġakbu 3:3 jiddikjara, “Aħna nqiegħdu l-ilġiem f’ ħalq iż-żwiemel biex naħkmuhom, u bih immexxu ġisimhom kollu.”

Irridu nkunu sensittivi għall-ilġiem spiritwali tagħna. Anke bi ftit ta’ ġibda ħafifa min-naħa tal-Imgħallem, aħna rridu nkunu lesti nibdlu d-direzzjoni tagħna. Biex nirnexxu fil-ħajja, irridu ngħallmu l-ispirtu u l-ġisem tagħna sabiex jaħdmu flimkien f’ ubbidjenza lejn il-kmandamenti ta’ Alla. Jekk nagħtu kas tas-suġġerimenti ġentili tal-Ispirtu s-Santu, Huwa jista’ jgħaqqad flimkien l-ispirtu u l-ġisem tagħna b’ għan li jiggwidana lura lejn id-dar eterna tagħna biex ngħixu mal-Missiern Etern tagħna fis-Smewwiet.

It-tielet artiklu tal-fidi tagħna jgħallmina dwar l-importanza tal-ubbidjenza: “Aħna nemmnu li permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Kristu, l-umanità kollha tistà ssalva, b’ ubbidjenza lejn il-liġijiet u l-ordinanzi tal-Evanġelju.”

It-tip ta’ ubbidjenza li ddeskriva n-nannu bl-eżempju li hu ġab bit-tim ta’ żwiemel ukoll teħtieġ fiduċja speċjali—li hi, fidi assoluta fis-sewwieq tat-tim. Il-lezzjoni li għallimni n-nannu, għalhekk, hija relatata wkoll mal-ewwel prinċipju tal-evanġelju—il-fidi f’ Ġesù Kristu.

L-Appostlu Pawlu għallem, “Il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx” (Lhud 11:1). Imbagħad Pawlu uża l-eżempji ta’ Abel, Ħenok, Noè u Abraham biex jgħallimna dwar il-fidi. Huwa ffoka fuq l-istorja ta’ Abraham, peress li Abraham huwa missier il-fidili:

Kienet il-fidi li ġiegħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’ art li kien se jagħtih b’ wirt; u hu telaq, bla ma kien jaf fejn sejjer.

“Kienet il-fidi li ġegħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f’ art barranija. …

“Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda.” (Lhud 11:8–9, 11).

Aħna nafu li permezz ta’ Iżakk, iben Abraham u Sarah, ingħatat wegħda lil Abraham u Sarah—wegħda ta’ posterità “bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu” (ara vers12; ara wkoll Genesi 17:15–16). U mbagħad il-fidi ta’ Abraham ġiet ippruvata b’ mod li ħafna minna lanqas biss jistgħu biss jimmaġinaw.

Jiena ħafna drabi ppruvajt naħseb ftit dwar l-istorja ta’ Abraham u Iżakk, u għadni s’issa ma nistax nifhem għal kollox il-fedeltà u l-ubbidjenza ta’ Abraham. Forsi nista’ nimmaġinah b’ fedeltà jippakkja filgħodu kmieni ħalli jitlaq, iżda kif irnexxielu jibqa’ miexi għal tlett ijiem sħaħ b’ ibnu ħdejh sa qiegħ il-Muntanja Morija? Kif irnexxielu jġorr sa fuq il-muntanja l-injam biex hemm jaħarqu? Kif irmexxielu jibni l-artal? Kif irnexxielu jorbot lil Iżakk u jqiegħdu fuq l-altar? Kif irnexxielu jispjegalu li huwa kien sa jkun is-sagrifiċċju? U kif ġietu s-saħħa jgħolli s-sikkina biex joqtol lil ibnu? Il-fidi ta’ Abraham tagħtu l-qawwa li jimxi wara l-kmand ta’ Alla b’ eżattezza sa dak il-mument mirakoluż li fih anġlu deher fis-smewwiet, u qal lil Abraham li huwa kien għadda mill-prova kollha agunija tiegħu. U mbagħad l-anġlu tal-Mulej reġa’ tenna l-wegħda tal-patt Abramiku.

Jiena nifhem li għal xi wħud l-isfidi marbuta mal-fidi f’ Ġesù Kristu u mal-ubbidjenza jistgħu jkunu aktar diffiċli milli għal xi oħrajn. L-esperjenza tiegħi ta’ snin sħaħ maż-żwiemel għallmitni li l-personalitajiet tagħhom jafu jkunu verament differenti u, b’ hekk, xi żwiemel jafu jkunu aktar faċli jew aktar diffiċli biex tħarriġhom minn oħrajn, u l-esperjenza għallmitni wkoll li l-varjetà fin-nies hi ferm akbar. Kull wieħed u waħda minna aħna wlied Alla, u għandna storja primortali u mortali unika. Bl-istess mod, is-soluzzjoni taf tkun waħda differenti għal kull individwu. U għalhekk jiena nagħraf sewwa li fil-ħajja aħna nippruvaw u nfallu bosta drabi, iżda l-aktar ħaġa importanti hi l-ħtieġa li kontinwament napplikaw it-tieni prinċipju tal-evanġelju, sewwasew l-indiema.

Huwa minnu wkoll li ż-żmien li fih kien jgħix in-nannu tiegħi kien żmien ferm aktar sempliċi mil-lum, speċjalment fejn tidħol l-għażla bejn il-tajjeb u l-ħażin. Filwaqt li xi nies mill-aktar intelliġenti u intuwittivi jafu jemmnu li ż-żmien aktar kumpless li qed ngħixu fih jeħtieġ soluzzjonijiet saħansitra aktar kumpessi, jiena mhux konvint li hekk hu. Anzi, jiena nemmen li kumplessità tal-lum teħtieġ aktar sempliċità, bħat-tweġiba li ta n-nannu għall-mistoqsija sinċiera tiegħi dwar kif nista’ nkun naf id-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin. Jiena naf li dak li għandi x’ noffri llum hija formula sempliċi, iżda nixhed li jiena verament rajtha taħdem f’ ħajti. Nirrikkmanda li intom tippruvawha wkoll u nitlobkom sabiex tesperimentaw fuq kliemi, u jekk tagħmlu dan, inwegħedkom li intom tkunu tafu b’ mod ċar x’ għandkom tagħżlu kull meta tiġu bbumbardjati b’ diversi għażliet u li intom taslu għal tweġibiet sempliċi li jħawdu lill-għorrief u dawk li jaħsbu li jafu ħafna.

Ħafna drabi l-ubbidjenza nħarsu lejha bħala xi ħaġa li rridu nimxu wara xi ħadd b’ ċerta awtorità b’ mod passiv mingħajr ma nużaw wisq moħħna. Fil-fatt, b’ mod xieraq, l-ubbidjenza hija l-emblema tal-fidi tagħna fl-għerf u l-qawwa tal-ogħla awtorità, li huwa Alla. Meta Abraham wera l-fedeltà u l-ubbidjenza sħiħa tiegħu lejn Alla, anke meta ġie mitlub jissagrifika lil ibnu, Alla ħelsu. Bl-istess mod, meta aħna nuru l-fedeltà tagħna permezz tal-ubbidjenza, Alla ultimament jeħlisna.

Dawk li jiddependu biss fuqhom infushom u jimxu biss wara x-xewqat u l-inklinazzjoni tagħhom ikunu mill-aktar limitati meta mqabbla ma’ dawk li jimxu wara Alla u jkollom aċċess għall-għerf, għall-qawwa u għad-doni Tiegħu. Jingħad li persuna li moħħu biss fih innifsu huwa persuna ta’ karattru dgħajjef. Bniedem ubbidjenti b’ mod konvint u proattiv altru li mhux bniedem dgħajjef u passiv. Dan hu l-mod kif aħna niddikjaraw il-fidi tagħna f’ Alla u nikkwalifikaw lilna nfusna biex nirċievu l-qawwiet tas-sema. L-ubbidjenza hija għażla. Hija għażla bejn l-għarfien limitat u l-qawwa limitata tagħna u l-għerf bla limitu u l-omnipotenza ta’ Alla. Skont il-lezzjoni li tani n-nannu, hija għażla li nħossu l-ilġiem f’ ħalqna u nimxu wara dak li jgħidilna s-sewwieq.

Jalla aħna nsiru werrieta tal-patt u n-nisel ta’ Abraham permezz tal-fedeltà tagħna u billi nirċievu l-ordinanzi tal-evanġelju rrestawrat. Inwegħedkom li l-barkiet tal-ħajja eterna huma disponibbli għal dawk kollha li huma fidili u ubbidjenti. F’ isem Ġesù Kistu, amen.