Kapitlu 27
Mosija jipprojbixxi l‑persekuzzjoni u jordna li għandu jkun hemm l‑ugwaljanza—Alma ż‑żgħir u l‑erba’ wlied subien ta’ Mosija jippruvaw jeqirdu l‑Knisja—Jidhrilhom anġlu u jordnalhom biex jieqfu jagħmlu l‑ħażin—Alma ma jkunx jista’ jitkellem—Jeħtieġ li l‑bnedmin kollha jitwieldu mill‑ġdid biex tiksbu s‑salvazzjoni—Alma u wlied Mosija jwasslu l‑bxara t‑tajba. Madwar 100–92 Q.K.
1 U ġara li l‑persekuzzjonijiet li l‑knisja esperjenzat minn dawk ta’ bla fidi tant kibru li l‑membri tal‑knisja bdew igergru u jilmentaw mal‑mexxejja tagħhom dwar din il‑ħaġa; u huma marru jilmentaw ma’ Alma. U Alma mar jgħid b’kollox lil Mosija, is‑sultan tagħhom. U Mosija mar jikkonsulta mal‑qassisin tiegħu.
2 U ġara li s‑sultan Mosija ħareġ proklama mal‑pajjiż kollu li tgħid li m’għandu jkun hemm ħadd fost dawk ta’ bla fidi li jippersegwita lil xi persuna li kienet tagħmel parti mill‑knisja ta’ Alla.
3 U huwa ta ordni mill‑aktar ċara fost il‑knejjes kollha li ma kellu jkun hemm l‑ebda persekuzzjoni bejniethom, iżda għandu jkun hemm l‑ugwaljanza bejn il‑bnedmin kollha;
4 U l‑ebda kburija jew arroganza m’għandhom jiddisturbaw il‑paċi tagħhom; u li kull bniedem għandu jistma lil għajru bħalu nnifsu, u għandu jaħdem b’idejh biex imantni lilu nnifsu.
5 Iva, u l‑qassisin u l‑għalliema kollha tagħhom għandhom jaħdmu b’idejhom biex imantnu lilhom infushom, f’kull sitwazzjoni ħlief jekk ikunu morda, jew jekk ikunu tassew fil‑bżonn; u għax huma għamlu dan, il‑grazzja ta’ Alla ġiet mogħtija lilhom bil‑kotra.
6 U bdiet issaltan paċi kbira fl‑art; u n‑nies bdew joktru bil‑kbir, u bdew jinxterdu ma’ wiċċ l‑art kollha, iva, sew mat‑tramuntana u sew man‑nofsinhar, sew mal‑lvant u sew mal‑punent, u huma bdew jibnu bliet kbar u rħula f’kull naħa tal‑pajjiż.
7 U l‑Mulej żarhom u tahom bosta ġid, u huma saru poplu mill‑aktar kbir u għani.
8 Issa l‑ulied subien ta’ Mosija kienu fost dawk in‑nies ta’ bla fidi; u fosthom kien hemm ukoll wieħed mit‑tfal ta’ Alma, u hu kien jismu Alma, għal missieru; madankollu, hu sar bniedem mill‑aktar ħażin u jqim l‑allat foloz. U hu kien raġel ta’ ħafna kliem, u lin‑nies beda jgħidilhom ħafna kliem ħelu; għalhekk huwa wassal lil ħafna min‑nies biex iwettqu l‑istess ħażen li kien iwettaq hu.
9 U huwa beda jżomm lura l‑knisja ta’ Alla milli tkompli tikber; għax huwa beda jirbaħ qlub in‑nies; u beda jikkawża bosta tilwim fost il‑poplu; u huwa beda jagħti ċ‑ċans lill‑għadu ta’ Alla li jeżerċita l‑qawwa tiegħu fuqhom.
10 U ġara li waqt li kien għaddej bil‑ħidma tiegħu biex jeqred il‑knisja ta’ Alla, għax hu beda jipprova jeqred il‑knisja bil‑moħbi flimkien ma’ wlied Mosija, u jmexxi lill‑poplu tal‑Mulej fit‑triq il‑ħażina, kontra l‑kmandamenti ta’ Alla, kif ukoll tas‑sultan—
11 U kif għidtilkom, hekk kif huma kienu għaddejjin jeħduha kontra Alla, araw, dehrilhom anġlu tal‑Mulej; u huwa niżel bħallikieku kien qiegħed fi sħaba; u huwa tkellem b’leħen iriegħed, li wassal biex l‑art li kienu fuqha titheżżeż;
12 U huma tant baqgħu mistagħġba, li waqgħu mal‑art, u ma fehmu xejn mil‑kliem li huwa qalilhom.
13 Madankollu huwa reġa’ għajjat u qal: Alma, qum u ismagħni, għalfejn qed tippersegwita l‑knisja ta’ Alla? Għax il‑Mulej qal: Din hi l‑knisja tiegħi li jiena se nwaqqaf; u m’hemm xejn ma jista’ jġarrafha, ħlief it‑trasgressjoni tal‑poplu tiegħi.
14 U għal darb’oħra, l‑anġlu qal: Ara, il‑Mulej sema’ t‑talb tal‑poplu tiegħu, kif ukoll it‑talb tal‑qaddej tiegħu, Alma, li jiġi missierek; għax huwa talab għalik b’fidi kbira biex inti tkun tista’ tagħraf il‑verità; għalhekk, għal dan il‑għan jiena ġejt biex nikkonvinċik dwar il‑qawwa u l‑awtorità ta’ Alla, ħalli t‑talb tal‑qaddejja tiegħu jkun jista’ jiġi mismugħ skont il‑fidi tagħhom.
15 U issa ara, tista’ inti tiddubita l‑qawwa ta’ Alla? Għax ara, leħni ma wassalx biex l‑art titriegħed? U inti lili mhux qed tarani quddiemek? U jiena ġejt mibgħut minn Alla.
16 Issa jiena se ngħidlek: Mur, u ftakar fil‑jasar ta’ missirijietek fl‑art ta’ Ħelam, u fl‑art ta’ Nefi; u ftakar kemm għamel ħwejjeġ kbar għalihom il‑Mulej; għax huma kienu fil‑jasar, u huwa ħelishom. U issa jiena ngħidlek, Alma, mur, u la tkomplix teqred aktar il‑knisja, ħalli t‑talb tagħhom jinstama’, anke jekk inti stess trid li tisfa mwarrab.
17 U issa ġara li dan kien l‑aħħar kliem li l‑anġlu qal lil Alma, u mbagħad telaq minn ħdejh.
18 U issa Alma u dawk li kienu miegħu reġgħu waqgħu mal‑art, minħabba l‑għaġeb kbir tagħhom; għax b’għajnejhom stess kienu raw anġlu tal‑Mulej; u leħnu kien bħar‑ragħad, li riegħed l‑art; u huma kienu jafu li xejn ħlief il‑qawwa ta’ Alla ma seta’ jriegħed l‑art u jwassalha biex titheżżeż bħallikieku trid tinqasam min‑nofs.
19 U issa Alma tant stagħġeb li ma setax jitkellem, għax lanqas biss seta’ jiftaħ fommu; iva, u tant ħassu dgħajjef li ma setax iċaqlaq idejh; għalhekk huwa ttieħed minn dawk li kienu miegħu, u ġarrewh, bla ma tħarrek, sewwasew sakemm qegħduh quddiem missieru.
20 U huma rrakkontaw lil missieru dak kollu li kienu għaddew minnu; u missieru feraħ bil‑kbir, għax kien jaf li dan kollu seħħ permezz tal‑qawwa ta’ Alla.
21 U hu ordna lil miġemgħa biex tinġabar flimkien ħalli tkun tista’ tara b’għajnejha x’kien għamel ma’ ibnu l‑Mulej, u ma’ dawk li kienu miegħu.
22 U huwa ordna lill‑qassisin biex jinġabru flimkien; u huma bdew isumu, u jitolbu lill‑Mulej Alla tagħhom biex huwa jiftaħ fomm Alma, ħalli huwa jkun jista’ jitkellem, u jikseb lura s‑saħħa f’riġlejh—biex għajnejn in‑nies ikunu jistgħu jinfetħu ħalli huma jaraw u jagħrfu t‑tjubija u l‑glorja ta’ Alla.
23 U ġara li wara li huma għaddew jumejn u żewġt iljieli jsumu u jitolbu, Alma reġa’ kiseb lura s‑saħħa f’riġlejh, u huwa qam bilwieqfa u beda jkellimhom, u beda jgħidilhom sabiex jagħmlu l‑qalb:
24 Għaliex, huwa qal, jiena ndimt minn dnubieti, u ġejt mifdi mill‑Mulej; araw jiena ġejt imwieled mill‑Ispirtu.
25 U l‑Mulej qalli: Tistagħġibx li l‑bnedmin kollha, iva, kemm l‑irġiel u kemm in‑nisa, ta’ kull ġens, tribù, ilsien, u poplu, jeħtieġ li jitwieldu mill‑ġdid; iva, jeħtieġ li huma jitwieldu minn Alla, jinbidlu mill‑istat karnali u mitluf tagħhom, għal stat ta’ tjieba, u jiġu mifdijin minn Alla, u jsiru wliedu;
26 U b’hekk isiru ħlejjaq ġodda; u jekk ma jagħmlux dan, huma bl‑ebda mod ma jistgħu jirtu s‑saltna ta’ Alla.
27 Jiena ngħidilkom, jekk ma jiġrix hekk, huma jispiċċaw mwarrba; u jien naf dan għax kont għoddni se niġi nwarrab.
28 Madankollu, wara li għaddejt minn daqstant tbatija, u fl‑indiema tiegħi kważi rajt il‑mewt, il‑Mulej fil‑ħniena tiegħu ħass li kellu jaħtafni minn ġon‑nar dejjem iħeġġeġ, u jiena ġejt imwieled minn Alla.
29 Ruħi ġiet mifdija minn daqstant imrar u mill‑jasar tal‑ħażen. Jiena kont ninsab fl‑aktar abbiss mudlam; imma issa jien nista’ nara d‑dawl meraviljuż ta’ Alla. Ruħi kienet qed tiġi ttorturata minn turment bla tmiem; iżda jiena ġejt maħtuf, u ruħi m’għadhiex aktar muġugħa.
30 Jiena warrabt lill‑Feddej tiegħi, u ċħadt kliem missirijietna; iżda issa biex huma jkunu jistgħu jagħrfu minn qabel li huwa għandu jiġi, u li hu jiftakar f’kull ħlejqa li huwa ħalaq, huwa sejjer juri lilu nnifsu lil kulħadd.
31 Iva, kull irkoppa għad tmil, u kull ilsien għad jistqarr quddiemu. Iva, sewwasew fl‑aħħar jum, meta l‑bnedmin kollha għad jieqfu quddiemu biex minnhom huwa jagħmel ħaqq, dawk li qed jgħixu mingħajr Alla fid‑dinja sejrin jistqarru li l‑kundanna tagħhom, ta’ kastig bla tmiem, hija waħda ġusta; u huma għad jitriegħdu, u jirtogħdu, u għad jinħbew mill‑ħarsa ta’ għajnu, li tara kollox.
32 U issa ġara li minn issa ’l quddiem Alma beda jgħallem lin‑nies, flimkien ma’ dawk li kienu ma’ Alma meta dehrilhom l‑anġlu, u huma bdew iduru madwar il‑pajjiż kollu, ixandru lin‑nies kollha l‑ħwejjeġ li huma semgħu u raw, u bdew ixandru l‑kelma ta’ Alla f’sitwazzjoni mill‑aktar diffiċli, għax huma bdew jiġu ppersegwitati bil‑kbir minn dawk in‑nies ta’ bla fidi, u bdew jiġu msawta minn ħafna minnhom.
33 Iżda minkejja dan kollu, huma kienu ta’ faraġ kbir għall‑membri tal‑knisja, fejn huma qawwewlhom il‑fidi, u bis‑sabar kollu u b’tant tbatija bdew iħeġġuhom sabiex iħarsu l‑kmandamenti ta’ Alla.
34 U erba’ minnhom kienu wlied Mosija; u kien jisimhom Għammon, Aron, Omner, u Ħimni; u dawn kienu l‑ismijiet ta’ wlied Mosija.
35 U huma bdew iduru mal‑art kollha ta’ Żaraħemla, u marru qalb in‑nies kollha li kienu taħt ir‑renju tas‑sultan Mosija, u b’ħerqa kbira bdew jippruvaw isewwu l‑ħsara kollha li kienu għamlu lill‑knisja, fejn bdew jistqarru dnubiethom kollha, u jxandru dak kollu li huma raw, u bdew jispjegaw il‑profeziji u l‑iskrittura lil dawk kollha li kellhom ix‑xewqa li jisimgħuhom.
36 U b’hekk huma kienu strumenti f’idejn Alla biex iwasslu lil ħafna sabiex jagħrfu l‑verità, iva, sabiex jagħrfu lill‑Feddej tagħhom.
37 U kemm hi kbira l‑hena tagħhom! Għax huma xandru l‑paċi; u huma xandru r‑risq; u huma ħabbru lill‑poplu li l‑Mulej isaltan.