Skrittura
Mosija 11


Kapitlu 11

Is‑Sultan Noè jsaltan fil‑ħażen—Hu jieħu gost jgħix ħajja mtajjra man‑nisa u l‑konkubini tiegħu—Abinadi jħabbar li n‑nies se jittieħdu fil‑jasar—Is‑Sultan Noè jfittixlu ħajtu. Madwar 160–150 Q.K.

1 U issa ġara li Żeniff għadda s‑saltna f’idejn Noè, wieħed minn uliedu; għalhekk Noè beda jsaltan minfloku; u hu ma mexiex fuq il‑passi ta’ missieru.

2 Għax araw, huwa ma ħarisx il‑kmandamenti ta’ Alla, iżda mexa skont ix‑xewqat ta’ qalbu. U hu kellu bosta nisa u konkubini. U lin‑niesu wassalhom biex jaqgħu fid‑dnub, u jagħmlu dak li kien mistmerr f’għajnejn il‑Mulej. Iva, u huma waqgħu fiż‑żína u f’kull xorta ta’ ħażen.

3 U hu għamel taxxa ta’ wieħed minn ħamsa ta’ dak kollu li kellhom, wieħed minn ħamsa tad‑deheb tagħhom u tal‑fidda tagħhom, u wieħed minn ħamsa taż‑żiff tagħhom, u tar‑ram tagħhom, u tal‑bronż tagħhom u tal‑ħadid tagħhom; u wieħed minn ħamsa tal‑bhejjem msemmna tagħhom; kif ukoll wieħed minn ħamsa taċ‑ċereali kollha tagħhom.

4 U dan kollu huwa għamel biex jissapportja lilu nnifsu, u lin‑nisa tiegħu u lill‑konkubini tiegħu; kif ukoll lill‑qassisin tiegħu, u lil marthom u lill‑konkubini tagħhom; għalhekk huwa bidel l‑affarijiet tas‑saltna.

5 Għax huwa neħħa minn posthom il‑qassisin kollha li kienu ġew ikkonsagrati minn missieru, u kkonsagra oħrajn ġodda minflokhom, li kienu arroganti fil‑kburija ta’ qalbhom.

6 Iva, u b’dal‑mod huma ġew megħjuna fl‑għażż tagħhom, u fl‑idolatrija tagħhom, u fiż‑żína tagħhom, mit‑taxxi li s‑sultan Noè poġġa fuq niesu; għalhekk in‑nies bdew jaħdmu bil‑kbir biex jissapportjaw il‑ħażen.

7 Iva, u huma saru wkoll nies iqimu l‑idoli, għaliex ġew imqarrqa permezz tal‑kliem fieragħ u ħelu tas‑sultan u tal‑qassisin; għaliex huma bdew jgħidulhom bosta ħwejjeġ qarrieqa.

8 U ġara li s‑sultan Noè bena ħafna bini eleganti u spazjuż; u hu żejnu b’xogħol tal‑injam mill‑aktar fin, u b’kull xorta ta’ ħwejjeġ prezzjużi, bid‑deheb, u bil‑fidda, u bil‑ħadid, u bil‑bronż, u biż‑żiff, u bir‑ram;

9 U hu bena għalih ukoll palazz prezzjuż, fejn f’nofsu għamel tron, li kien kollu injam fin u kien imżejjen bid‑deheb u l‑fidda u bi ħwejjeġ prezzjużi.

10 U lill‑ħaddiema tiegħu qabbadhom jaħdmu kull xorta ta’ xogħol fin bejn il‑ħitan tat‑tempju, xogħol fin tal‑injam, u tar‑ram, u tal‑bronż.

11 U s‑siġġijiet li kienu riservati għall‑qassisin il‑kbar, li kienu aktar ’il fuq mis‑siġġijiet l‑oħra kollha, żejjinhom b’deheb pur; u talab biex jinbena balavustrat quddiemhom, biex fuqu jkunu jistgħu jserrħu ġisimhom u dirgħajhom waqt li jgħidu l‑gideb u l‑kliem fieragħ lin‑nies tiegħu.

12 U ġara li hu bena torri ħdejn it‑tempju; iva, torri mill‑aktar għoli, li tant kien għoli li hu seta’ jieqaf fuq il‑quċċata tiegħu u minn hemm seta’ jara l‑art ta’ Xilom, kif ukoll l‑art ta’ Xemlon, li kienet f’idejn il‑Lamaniti; u anke seta’ jara l‑art kollha tal‑madwar.

13 U ġara li hu ordna biex jinbena ħafna bini fl‑art Xilom; u ried li jinbena torri kbir fuq l‑għolja li kien hemm fit‑tramuntana tal‑art Xilom, li kienet post ta’ refuġju għal ulied Nefi fiż‑żmien li fih ħarbu mill‑pajjiż; u dan hu dak li għamel bil‑ġid li kiseb mit‑taxxi ta’ niesu.

14 U ġara li hu poġġa qalbu fil‑għana tiegħu, u għadda ħinu jgħix ħajja mtajjra flimkien man‑nisa tiegħu u l‑konkubini tiegħu; u anke l‑qassisin tiegħu bdew jgħaddu ħinhom man‑nisa żienja.

15 U ġara li huwa ħawwel id‑dwieli mal‑art kollha tal‑madwar; u bena l‑imgħasar tal‑inbid, u għamel ħafna inbid; u b’hekk huwa sar bniedem sakranazz, u l‑istess saru niesu.

16 U ġara li l‑Lamaniti bdew jinżlu jattakkaw lin‑niesu, lil gruppi żgħar minnhom, u joqtluhom fl‑għelieqi tagħhom, waqt li kienu qed jieħdu ħsieb il‑merħliet tagħhom.

17 U s‑sultan Noè bagħat l‑għassiesa madwar il‑pajjiż biex iżommhom ’il bogħod; iżda n‑numru li bagħat ma kienx biżżejjed, u l‑Lamaniti ġew fuqhom u qatluhom, u ħarġu ħafna mill‑merħliet tagħhom ’il barra mill‑pajjiż; għalhekk il‑Lamaniti bdew jeqirduhom, u juru l‑mibegħda tagħhom lejhom.

18 U ġara li s‑sultan Noè bagħat l‑armati tiegħu kontrihom, u huma ġew imġiegħla jirtiraw, jew fi kliem ieħor ħarġuhom ’il barra għal xi żmien; għalhekk huma reġgħu lura kuntenti b’dak li rnexxielhom jaħtfu.

19 U issa, minħabba dir‑rebħa kbira huma spiċċaw arroganti fil‑kburija ta’ qalbhom; huma bdew jiftaħru bil‑qawwa tagħhom, u jgħidu li l‑ħamsin tagħhom jistgħu jeħduha kontra eluf ta’ Lamaniti; u b’dal‑mod bdew jiftaħru, u bdew jieħdu gost bid‑demm, u bit‑tixrid tad‑demm ta’ ħuthom, u dan minħabba l‑ħażen tas‑sultan u tal‑qassisin tagħhom.

20 U ġara li kien hemm raġel fosthom li kien jismu Abinadi; u hu mar fosthom, u beda jħabbar u jgħid: Araw, dan jgħid il‑Mulej, u dan hu li ordnali, fejn qalli: Mur, u għid lil dan il‑poplu, dan jgħid il‑Mulej—Ħażin ikun għalih dan il‑poplu, għax jiena rajt l‑għemejjel mistkerrha tagħhom, u ħżunithom, u ż‑żína tagħhom; u jekk huma ma jindmux jiena lilhom inżur fl‑għadab tiegħi.

21 U jekk huma ma jindmux u jerġħu lura lejn il‑Mulej Alla tagħhom, araw, jiena nagħtihom f’idejn l‑għedewwa tagħhom; iva, u huma jittieħdu fil‑jasar; u jispiċċaw ibatu f’idejn l‑għedewwa tagħhom.

22 U għad jiġri li huma għad isiru jafu li jiena l‑Mulej Alla tagħhom, u jiena Alla għajjur, li nikkastiga lill‑poplu tiegħi għal ħżunitu.

23 U għad jiġri li jekk dan il‑poplu ma jindimx u jdur lejn il‑Mulej Alla tiegħu, huma sejrin jittieħdu fil‑jasar; u ħadd ma jeħlishom, jekk mhux il‑Mulej Alla li Jista’ Kollox.

24 Iva, u għad jiġri li meta huma jgħajtu ismi jiena ndum ma nisma’ l‑għajjat tagħhom; iva, u jiena nħallihom jiġu kkastigati mill‑għedewwa tagħhom.

25 U jekk huma ma jindmux bl‑ilbies tal‑ixkejjer u l‑irmied, u jgħajtu b’qawwa lill‑Mulej Alla tagħhom, jiena ma nismax talbhom, u lanqas ma neħlishom minn tbatijiethom; u dan jgħid il‑Mulej, u dan hu li huwa ordnali.

26 Issa ġara li meta Abinadi qalilhom dan il‑kliem huma nkurlaw għalih, u ppruvaw ineħħulu ħajtu; iżda l‑Mulej ħelsu minn idejhom.

27 Issa meta s‑sultan Noè sema’ l‑kliem li Abinadi qal lin‑nies, huwa wkoll inkorla; u qal: Min hu Abinadi, biex jagħmel ħaqq minni u minn niesi, jew min hu l‑Mulej, biex iġib fuq niesi daqstant tbatija kbira?

28 Jiena nordnalkom iġġibu lil Abinadi hawnhekk, ħalli nkun nista’ noqtlu, għax hu qal dawn il‑ħwejjeġ biex lin‑nies tiegħi jipprovokahom ħalli jinkurlaw wieħed kontra l‑ieħor, u jqajjem il‑ġlied fost il‑poplu tiegħi; għalhekk jien sejjer noqtlu.

29 Issa għajnejn in‑nies kienu għomja; għalhekk huma webbsu qalbhom kontra l‑kliem ta’ Abinadi, u minn dak il‑mument raw kif setgħu jaqbduh f’idejhom. U s‑sultan Noè webbes qalbu kontra l‑kelma tal‑Mulej, u huwa ma nidimx mill‑għemejjel ħżiena tiegħu.