Skrittura
2 Nefi 32


Kapitlu 32

L‑anġli jitkellmu bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu—Il‑bnedmin jeħtieġ li jitolbu u jiksbu l‑għarfien għalihom infushom mill‑Ispirtu s‑Santu. Madwar 559–545 Q.K.

1 U issa, araw, għeżież ħuti, nimmaġina li intom tixtarru xi ftit f’qalbkom dwar x’għandkom tagħmlu wara li tkunu dħaltu fit‑triq. Iżda, araw, għalfejn tixtarru dawn il‑ħwejjeġ f’qalbkom?

2 Ma tiftakrux li jien għidtilkom li wara li tkunu rċevejtu l‑Ispirtu s‑Santu intom tkunu tistgħu titkellmu b’ilsien l‑anġli? U issa, kif tistgħu titkellmu b’ilsien l‑anġli jekk mhux permezz tal‑Ispirtu s‑Santu?

3 L‑anġli jitkellmu bil‑qawwa tal‑Ispirtu s‑Santu; għalhekk, huma jnisslu kliem Kristu. Għalhekk, jien ngħidilkom, mantnu lilkom infuskom permezz ta’ kliem Kristu; għax araw, kliem Kristu jgħidilkom dak kollu li għandkom tagħmlu.

4 Għalhekk, issa wara li jien għidt dan il‑kliem, jekk intom ma tistgħux tifhmuh, dan għaliex ma tistaqsux, u lanqas ma tħabbtu; għalhekk, intom ma tinġiebux għad‑dawl, iżda jeħtieġ li tinqerdu fid‑dlam.

5 Għax araw, se nerġa’ ngħidilkom li jekk intom tidħlu fit‑triq, u tirċievu l‑Ispirtu s‑Santu, hu jurikom dak kollu li għandkom tagħmlu.

6 Araw, din hi d‑duttrina ta’ Kristu, u mhux se tingħata aktar duttrina qabel ma hu juru lilu nnifsu lilkom fil‑ġisem. U meta hu juri lilu nnifsu lilkom fil‑ġisem, il‑ħwejjeġ li se jgħidilkom hu agħmlu li tistgħu biex twettquhom.

7 U issa jien, Nefi, ma nista’ ngħid xejn aktar; l‑Ispirtu jżommni milli nitkellem, u nista’ biss nitnikket minħabba n‑nuqqas ta’ twemmin, u l‑ħażen, u l‑injoranza, u r‑ras iebsa tal‑bnedmin; għax huma ma jfittxux it‑tagħlim, u lanqas ma jifhmu l‑għarfien li hu l‑aktar importanti, meta jingħata lilhom fis‑sempliċità, sewwasew b’kliem mill‑aktar sempliċi.

8 U issa, għeżież ħuti, jien nista’ nifhem li intom għadkom qed tixtarru f’qalbkom; u jiena nħossni nitnikket li se jkolli nitkellem dwar dil‑ħaġa. Għax jekk intom tisimgħu mill‑Ispirtu li jgħallem lill‑bniedem biex jitlob, intom tkunu tafu li għandkom titolbu; għax l‑ispirtu l‑ħażin ma jgħallimx lill‑bniedem biex jitlob, iżda jgħallmu li m’għandux jitlob.

9 Iżda araw, jien ngħidilkom li għandkom titolbu dejjem, bla ma tintelqu; li m’għandkom twettqu xejn għall‑Mulej qabel ma l‑ewwel titolbu lill‑Missier f’isem Kristu, sabiex hu jikkonsagralkom il‑ħidma tagħkom, ħalli l‑ħidma tagħkom tkun għall‑ġid ta’ ruħkom.