Skrittura
2 Nefi 25


Kapitlu 25

Nefi jeżulta fis‑sempliċità—Il‑profeziji ta’ Isaija se jiġu mifhuma fl‑aħħar żminijiet—Il‑Lhud jerġgħu lura minn Babilonja, isallbu lill‑Messija, u jiġu mxerrdin u kkastigati—Huma jiġu rrestawrati meta jemmnu fil‑Messija—Hu jiġi għall‑ewwel darba sitt mitt sena wara li Leħi ħalla Ġerusalemm—In‑Nefiti jħarsu l‑liġi ta’ Mosè u jemmnu fi Kristu, li hu l‑Qaddis ta’ Iżrael. Madwar 559‑545 Q.K.

1 Issa jiena, Nefi, se nitkellem ftit dwar il‑kliem li jiena ktibt, li ngħad b’fomm Isaija. Għax araw, Isaija qal bosta ħwejjeġ li kienu diffiċli għal ħafna minn niesi li jifhmuhom; għax huma ma jafux dwar il‑mod li bih iħabbru l‑Lhud.

2 Għax jiena, Nefi, m’għallimthomx ħafna ħwejjeġ dwar l‑użanza tal‑Lhud; għax għemilhom kien għemil id‑dlam, u ħidmiethom kienu ħidmiet mistkerrha.

3 Għalhekk, jiena se nikteb lill‑poplu tiegħi, lil dawk kollha li minn issa ’l quddiem għandhom jirċievu dawn il‑ħwejjeġ li jiena se nikteb, ħalli huma jkunu jafu dwar il‑ħaqq ta’ Alla, li huwa jagħmel mal‑ġnus kollha, skont il‑kelma li hu qal.

4 Għalhekk, agħtu widen, O poplu tiegħi, li ġejjin mid‑dar ta’ Iżrael, u isimgħu kliemi; għax minkejja li għalikom kliem Isaija mhumiex daqstant ċar, madankollu kliemu huwa ċar għal dawk kollha li huma mimlijin bl‑ispirtu tal‑profezija. Iżda jiena se nagħtikom profezija, skont l‑ispirtu li jinsab fija; għalhekk jiena se nħabbar bi kliem sempliċi kif ili nagħmel miż‑żmien li jiena ħallejt Ġerusalemm ma’ missieri; għax araw, ruħi ssib l‑għaxqa tagħha fis‑sempliċità li biha nkellem lill‑poplu tiegħi, ħalli huma jkunu jistgħu jitgħallmu.

5 Iva, u ruħi ssib l‑għaxqa tagħha fi kliem Isaija, peress li jien tlaqt minn Ġerusalemm, u għajnejja raw l‑għemejjel tal‑Lhud, u jiena naf li l‑Lhud jifhmu tassew kliem il‑profeti, u m’hawn l‑ebda poplu ieħor li jifhem daqshom il‑ħwejjeġ li ntqalu lil‑Lhud, ħlief dawk li ġew mgħallmin skont l‑użanza tal‑għemejjel tal‑Lhud.

6 Iżda araw, jiena, Nefi, m’għallimtx lil uliedi skont id‑drawwa tal‑Lhud; imma araw, jien stess kont ngħammar Ġerusalemm, għalhekk jien naf dwar l‑inħawi tal‑madwar; u lil uliedi semmejtilhom dwar il‑ħaqq ta’ Alla, li seħħ fost il‑Lhud, skont dak kollu li tkellem dwaru Isaija, u dwaru jien m’iniex se nikteb.

7 Iżda araw, jiena se nkompli bil‑profezija tiegħi stess, skont is‑sempliċità tiegħi; għax naf li permezz tagħha ħadd ma jista’ jifhimni ħażin; madankollu, fi żmien li fih jitwettqu l‑profeziji ta’ Isaija l‑bnedmin se jkunu jafu tassew, fiż‑żmien li fih se jiġu fis‑seħħ.

8 Għalhekk, huma mill‑aktar siewja għal ulied il‑bnedmin, u dawk li jassumu li mhumiex, lilhom jiena se nkellem b’mod partikolari, u jien se nindirizza kliemi lill‑poplu tiegħi; għax naf li se jkunu mill‑aktar siewja għalihom fl‑aħħar żminijiet; għax f’dak iż‑żmien huma jaslu biex jifhmuhom; għalhekk, għall‑ġid tagħhom jiena ktibthom.

9 U hekk kif nisel spiċċa nqered minn fost il‑Lhud minħabba l‑ħażen, bl‑istess mod huma spiċċaw inqerdu minn nisel għal nisel skont ħżunithom; u qatt ma kien hemm minnhom li nqerdu mingħajr ma l‑ewwel ġie mbassar lilhom dan mill‑profeti tal‑Mulej.

10 Għalhekk, huma ġew mgħarrfa dwar il‑qerda li kellha tolqothom, dlonk wara li missieri ħalla Ġerusalemm; madankollu, huma webbsu qalbhom; u skont il‑profezija tiegħi huma spiċċaw inqerdu, ħlief għal dawk li kienu tturufnati fil‑jasar tal‑Babilonja.

11 U issa jien ngħid dan permezz tal‑ispirtu li jinsab fija. U minkejja li kienu tturufnati huma se jerġgħu lura, u se jirtu l‑art ta’ Ġerusalemm; għalhekk, huma se jerġgħu jiġu rrestawrati għal darb’oħra fl‑art ta’ wirthom.

12 Iżda, araw, huma se jesperjenzaw il‑gwerer u x‑xnigħat ta’ gwerer; u meta jasal iż‑żmien li l‑Iben il‑Waħdieni tal‑Missier, sewwasew il‑Missier tas‑smewwiet u l‑art, juri lilu nnifsu fil‑ġisem, araw, huma sejrin iwarrbuh, minħabba ħżunithom, u l‑ebusija ta’ qalbhom, u r‑ras iebsa tagħhom.

13 Araw, huma se jsallbuh; u wara li huwa jitqiegħed f’qabar għal tlett ijiem hu se jqum mill‑imwiet, bil‑fejqan fuq ġwenħajh; u dawk kollha li jemmnu f’ismu se jiksbu s‑salvazzjoni fis‑saltna ta’ Alla. Għalhekk, ruħi ssib l‑għaxqa tagħha kull meta nħabbar dwaru, għax jiena rajt żmienu, u qalbi tfaħħar l‑isem qaddis tiegħu.

14 U araw, għad jiġri li wara li l‑Messija jqum mill‑imwiet, u juri lilu nnifsu lill‑poplu tiegħu, lil dawk kollha li jemmnu f’ismu, araw, Ġerusalemm se terġa’ tisfa meqruda; għax ħażin għalihom dawk li jeħduha kontra Alla u kontra l‑poplu tal‑knisja tiegħu.

15 Għalhekk, il‑Lhud sejrin jinxterdu fost il‑ġnus kollha; iva, u Babilonja se tisfa meqruda wkoll; għalhekk, il‑Lhud se jispiċċaw jinxterdu permezz ta’ ġnus oħra.

16 U wara li huma jinxterdu, u l‑Mulej Alla jikkastigahom permezz ta’ ġnus oħra għal bosta ġenerazzjonijiet, iva, sewwasew minn nisel għal nisel, sakemm huma jaslu biex jemmnu fi Kristu, Iben Alla, u fl‑espjazzjoni infinita għall‑umanità kollha—u meta jasal dak il‑jum, li huma jemmnu fi Kristu, u jqimu lill‑Missier f’ismu, b’qalb safja u idejn nodfa, u ma jibqgħux aktar jistennew Messija ieħor, mbagħad, f’dak iż‑żmien, jasal il‑jum li fih tabilħaqq ikun meħtieġ li huma jemmnu dawn il‑ħwejjeġ.

17 U l‑Mulej jerġa’ jmidd idu għat‑tieni darba biex jirrestawra lill‑poplu tiegħu mill‑istat mitluf u dekadut tiegħu. Għalhekk, huwa jkompli biex iwettaq ħidma mill‑aktar meraviljuża u tal‑għaġeb fost ulied il‑bnedmin.

18 Għalhekk, lilhom huwa jiżvela kliemu, liema kliem sejjer jagħmel ħaqq minnhom fl‑aħħar jum, għax se jingħata lilhom biex jikkonvinċihom dwar il‑veru Messija, li minnhom ġie mwarrab; u biex jikkonvinċihom li m’għandhomx ikomplu aktar jistennew li jiġi xi Messija, għax ħadd mhu ġej aktar, sakemm ma jkunx xi Messija falz biex iqarraq bin‑nies; għax hawn biss Messija wieħed li dwaru tkellmu l‑profeti, u dan il‑Messija huwa dak li lilu l‑Lhud sejrin iwarrbu.

19 Għax skont kliem il‑profeti, il‑Messija għandu jiġi fi żmien sitt mitt sena miż‑żmien li fih missieri ħalla Ġerusalemm; u skont kliem il‑profeti, kif ukoll skont il‑kelma tal‑anġlu ta’ Alla, ismu se jkun Ġesù Kristu, Bin Alla.

20 U issa, ħuti, jiena tkellimt b’mod ċar biex intom ma tifhmunix ħażin. U daqs kemm hu ħaj il‑Mulej Alla li ħareġ lil Iżrael ’il barra mill‑art tal‑Eġittu, u ta lil Mosè l‑qawwa li hu seta’ jfejjaq il‑ġnus wara li huma sfaw migduma mis‑sriep velenużi, jekk huma jixħtu għajnejhom fuq is‑serp li huwa għolla quddiemhom, u li wkoll tah qawwa li jħabbat fuq il‑blat u minnu joħroġ l‑ilma; araw jiena ngħidilkom, li daqs kemm huma minnhom dawn il‑ħwejjeġ, u daqs kemm hu ħaj il‑Mulej Alla, m’hawn l‑ebda isem ieħor mogħti mis‑smewwiet ’l isfel ħlief isem dan Ġesù Kristu, li dwaru jiena tkellimt, li permezz tiegħu l‑bniedem jista’ jikseb is‑salvazzjoni.

21 Hu għalhekk li l‑Mulej Alla wegħidni li dawn il‑ħwejjeġ li jien qed nikteb għandhom jiġu mħarsa u ppreservati, u mgħoddija lil nisli, minn nisel għal nisel, ħalli l‑wegħda dwar Ġużeppi tkun tista’ tiġi fis‑seħħ, li tgħid li nislu qatt mhuwa se jinqered sakemm iddum wieqfa d‑dinja.

22 Għalhekk, dawn il‑ħwejjeġ għandhom jgħaddu minn nisel għal nisel sakemm iddum wieqfa d‑dinja; u huma se jgħaddu għandhom skont ir‑rieda u x‑xewqa ta’ Alla; u l‑ġnus li se jirtuhom se jsir ħaqq minnhom skont il‑kliem li jinsab miktub fihom.

23 Għax aħna nagħmlu li nistgħu biex niktbu ħalli nipperswadu lil uliedna, kif ukoll lil ħutna, biex jemmnu fi Kristu, u jerġgħu jitħabbu ma’ Alla; għax nafu li hu permezz tal‑grazzja li aħna niksbu s‑salvazzjoni, wara li nagħmlu dak kollu li nistgħu.

24 U, minkejja li nemmnu fi Kristu, aħna nħarsu l‑liġi ta’ Mosè, u b’fermezza nistennew bil‑ħrara lil Kristu, sakemm tiġi fis‑seħħ il‑liġi.

25 Għax hu għalhekk li ġiet mogħtija l‑liġi; b’hekk il‑liġi saret għalina ħaġa mejta, u aħna ksibna l‑ħajja fi Kristu minħabba l‑fidi tagħna; madankollu aħna nħarsu l‑liġi minħabba l‑kmandamenti.

26 U aħna nitkellmu dwar Kristu, aħna nifirħu fi Kristu, aħna nxandru ’l Kristu, aħna nħabbru dwar Kristu, u aħna niktbu skont il‑profeziji tagħna, biex uliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iħarsu għall‑maħfra ta’ dnubiethom.

27 Għalhekk, aħna nitkellmu dwar il‑liġi biex uliedna jkunu jafu li l‑liġi hija mejta; u għax jafu li l‑liġi hija mejta, huma jistgħu jħarsu ’l quddiem lejn dik il‑ħajja li tinsab fi Kristu, u jkunu jafu għalfejn ġiet mogħtija l‑liġi. U wara li l‑liġi tiġi fis‑seħħ permezz ta’ Kristu, huma ma jkollhomx għalfejn iwebbsu qalbhom kontrih meta l‑liġi tiġi fi tmiemha.

28 U issa araw, ja poplu tiegħi, intom nies ta’ ras iebsa; għalhekk, jiena kellimtkom b’mod mill‑aktar ċar, biex ma tifhmunix ħażin. U l‑kliem li jiena għidt se jixhed kontrikom; għax hu biżżejjed biex jgħallem bniedem, hu min hu, dwar it‑triq it‑tajba; għax it‑triq it‑tajba hi li intom temmnu fi Kristu u ma tiċħduhx; għax jekk intom tiċħduh tkunu qed tiċħdu wkoll il‑profeti u l‑liġi.

29 U issa araw, jiena ngħidilkom li t‑triq it‑tajba hi li intom temmnu fi Kristu, u ma tiċħduhx; u Kristu huwa l‑Qaddis ta’ Iżrael; għalhekk jeħtieġ li tmilu quddiemu, u tqimuh bis‑setgħa u l‑qawwa tagħkom kollha, kif ukoll b’moħħkom kollu, u b’ruħkom kollha; u jekk intom tagħmlu dan bl‑ebda mod ma tiġu mwarrbin.

30 U, sakemm tibqa’ l‑ħtieġa, jeħtieġ li intom tħarsu r‑riti u l‑ordinanzi ta’ Alla sakemm il‑liġi li ngħatat lil Mosè tiġi fis‑seħħ.