2010-2019
L-Appartenenza tal-Patt
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


L-Appartenenza tal-Patt

Li tkunu ma’ Alla u li timxu flimkien fit-triq Tiegħu tal-patt ifisser li tkunu mberkin permezz tal-appartenenza tal-patt.

Għeżież ħuti, din hija storja dwar tifel tal-Primarja qed jitgħallem jitlob. “Grazzi għall-ittra A, l-ittra B, … l-ittra G.” It-talba tat-tfajjel tkompli, “Grazzi għall-ittri X, Ż, Z. Għażiż Missierna tas-Smewwiet, grazzi għan-numru 1, għan-numru 2.” L-għalliema tal-Primarja tibda tinkwieta iżda b’għaqal tibqa’ tistenna. It-tifel jgħid “Grazzi għan-numru 5, in-numru 6—u grazzi għall-għalliema tiegħi tal-Primarja. Hi l-unika persuna li tħallini ngħid it-talba tiegħi sal-aħħar.”

Missierna tas-Smewwiet verament jisma’ kull talba li jgħidu t-tfal. B’imħabba infinita, Huwa jsejħilna biex nemmnu u nappartjenu permezz ta’ patt.

Din id-dinja hi kollha miraġġ, illużjoni, u makkakerija. Wisq huma l-affarijiet li huma tranżitorji u superfiċjali. Meta aħna nneħħu l-maskla, il-pretenzjoni, u dak li jogħġob jew ma jogħġobx il-folla, aħna nibdew nixtiequ ferm aktar minn apparenza li tgħib, relazzjonijiet temporanji, jew tfittxija għall-affarjiet li huma marbutin egoistikament ma’ din id-dinja. Għandna nkunu grati li hemm mezz kif nistgħu negħlbu dik il-ħaġa.

Meta niġu għall-kmandamenti l-kbar ta’ Alla li nħobbu lilu u lil dawk ta’ madwarna permezz ta’ patt, aħna nagħmlu dan mhux bħala barranin jew mistednin, iżda bħala wliedu fid-dar.1 Il-paradoss mill-aktar antik għadu jgħodd. Meta nitilfu dik il-parti tagħna li hi marbuta ma’ din id-dinja permezz tal-appartenenza tal-patt, aħna nsibu u nsiru dik il-parti l-oħra, fl-aqwa tagħha, li hi eterna2—ħielsa, ħajja, reali—u tiddefinixxi l-aktar relazzjonijiet importanti tagħna. L-appartenenza tal-patt hi li nagħmlu u nżommu ċerti wegħdiet solenni ma’ Alla u ma’ xulxin, permezz ta’ ordinanzi sagri, li jistiednu l-qawwa tad-divinità biex tidher f’ħajjitna.3 Meta noffru bħala patt dak kollu li aħna, aħna nsiru ferm aktar milli aħna. L-appartenenza tal-patt tagħtina identità, narrattiva, kapaċità li nsiru xi ħaġa. Twassal għal ħajja kollha fidi u għas-salvazzjoni.4

Il-patti divini jsiru sors ta’ mħabba għal Alla u mingħand Alla, u b’hekk għal xulxin u ma’ xulxin. Missierna tas-Smewwiet iħobbna ferm aktar u jafna ferm aħjar milli nħobbu u nafu lilna nfusna aħna stess. Il-fidi f’Ġesù Kristu u l-bidla personali (indiema) jġibulna l-ħniena, il-grazzja, il-maħfra. Dawn ifarrġu l-uġigħ, is-solitudni, l-inġustizzja li aħna nesperjenzaw fil-mortalità. Għax Huwa Alla, Missierna tas-Smewwiet iridna nirċievu l-akbar rigal ta’ Alla—il-ferħ Tiegħu, il-ħajja eterna Tiegħu.5

Alla tagħna huwa Alla ta’ patt. Min-natura Tiegħu, Huwa “jżomm il-patt u juri l-ħniena.”6 Il-patti Tiegħu jibqgħu “sal-aħħar taż-żmien, jew sakemm tibqa’ d-dinja, jew sakemm ikun għad baqa’ bniedem wieħed fuqha li jista’ jiġi salvat.”7 L-iskop tagħna mhuwiex li nibqgħu niġġerrew f’inċertezza u dubju eżistenzjali, iżda li nifirħu f’relazzjonijiet għeżież tal-patt “aktar b’saħħithom mill-ktajjen tal-mewt.”8

L-ordinanzi u l-patti ta’ Alla huma universali fil-ħtieġa tagħhom u individwali fl-opportunità tagħhom. Fil-ġustizzja ta’ Alla, kull individwu f’kull post u f’kull żmien jista’ jirċievi l-ordinanzi tas-salvazzjoni. L-għażla ħielsa tapplika—l-individwi jagħżlu jaċċettawx jew le l-ordinanzi offruti lilhom. L-ordinanzi ta’ Alla jipprovdu punti gwida fit-triq tal-patti Tiegħu. Il-pjan ta’ Alla biex iwassal lil uliedu lura d-dar insejħulu l-pjan tal-fidwa, il-pjan tas-salvazzjoni, il-pjan ta’ ferħ. Il-fidwa, is-salvazzjoni, il-ferħ ċelestjali huma possibbli għaliex Ġesù Kristu “ġab fis-seħħ din l-espjazzjoni perfetta.”9

Li tkunu ma’ Alla u li timxu flimkien fit-triq Tiegħu tal-patt ifisser li tkunu mberkin permezz tal-appartenenza tal-patt.

L-ewwel, l-appartenenza tal-patt hija ċċentrata f’Ġesù Kristu bħala “medjatur tal-patt il-ġdid.”10 Kollox jista’ jseħħ flimkien għall-aħjar tagħna meta aħna niġu “imqaddsa fi Kristu … fil-patt tal-Missier.”11 Kull barka mwiegħda u tajba tasal għand dawk li jibqgħu fidili sat-tmiem. “L-istat imbierek u ta’ ferħ ta’ dawk li jżommu l-kmandamenti ta’ Alla” hu li jkunu “imberkin f’kull ħaġa, kemm temporali kif ukoll spiritwali,” u li “jgħammru ma’ Alla f’ … ferħ bla tmiem.”12

Hekk kif aħna nonoraw il-patti tagħna, xi kultant nafu nħossuna li ninsabu fil-kumpanija tal-anġli. U fil-fatt hekk inkunu—ma’ dawk li aħna nħobbu u li jberkuna fuq din in-naħa tal-velu, kif ukoll dawk li aħna nħobbu u jberkuna fuq in-naħa l-oħra tal-velu.

M’ilux jien u Sister Gong rajna l-appartenenza tal-patt fl-aktar mument teneru tagħha f’kamra ta’ sptar. Wieħed missier żagħżugħ verament kien jeħtieġ trapjant ta’ kilwa. Il-membri tal-familja tiegħu bkew flimkien, u baqgħu sajmin u talbu għalih biex jirċievi kilwa. Meta semgħet li kien hemm kilwa disponibbli li setgħet issalvalu ħajtu, martu bil-kwiet qalet, “Nittama li l-familja l-oħra tinsab tajba.” Li tappartjeni permezz tal-patt ifisser, fi kliem l-Appostlu Pawlu, “li nqawwu lil xulxin permezz tal-fidi li għandna, jien lilkom u intom lili.”13

Tul it-triq tal-ħajja, aħna nafu nitilfu l-fidi f’Alla, iżda Huwa qatt ma jitlef il-fidi fina. Fi kliem ieħor, id-dawl ta’ barra Tiegħu dejjem mixgħul. Huwa jistedinna biex immorru jew nerġgħu lura lejn il-patti li jimmarkaw it-triq Tiegħu. Huwa jinsab jistenniena, lest biex jgħannaqna miegħu, anke meta aħna nkunu “għadna ’l bogħod.”14 Meta aħna nħarsu permezz tal-għajn tal-fidi għall-mudell, għall-plott, jew għat-tikek li għadhom mhux ġonġuti tal-esperjenza tagħna, aħna nkunu nistgħu naraw il-ħniena, it-tjieba u l-inkuraġġiment Tiegħu, speċjalment fil-provi li ngħaddu minnhom, fin-niket u fl-isfidi tagħna, kif ukoll fil-ferħ tagħna. Minkejja li aħna spiss nitfixklu jew naqgħu, jekk aħna nibqgħu mexjin lejh, Huwa jgħinna, pass wara pass.

It-tieni, il-Ktieb ta’ Mormon hu evidenza li aħna nistgħu nżommu fl-id tal-appartenenza tal-patt tagħna. Il-Ktieb ta’ Mormon hu l-istrument imwiegħed għall-ġabra ta’ wlied Alla mbassra bħala patt ġdid.15 Hekk kif aħna naqraw il-Ktieb ta’ Mormon, weħidna jew ma’ ħaddieħor, kemm jekk b’vuċi siekta jew għolja, aħna nistgħu nistaqsu lil Alla “b’qalb sinċiera, b’intenzjoni ġenwina, b’fidi fi Kristu,” u nirċievu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu l-assigurazzjoni ta’ Alla li l-Ktieb ta’ Mormon huwa veru.16 Dan jinkludi l-assigurazzjoni li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur Tagħna, Joseph Smith huwa l-profeta tar-Restawrazzjoni, u l-Knisja tal-Mulej hija msemmija għal ismu—Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.17

Permezz ta’ patt antik u modern, il-Ktieb ta’ Mormon ikellem lilkom li intom ulied Leħi, “ulied il-profeti.”18 Missirijietkom irċevew wegħda tal-patt li intom, id-dixxendenti tagħhom, se tagħrfu leħen bħallikieku ġej mill-art fil-Ktieb ta’ Mormon.19 Dak il-leħen li intom tħossu hekk kif taqraw jixhed li intom “ulied tal-patt”20 u li Ġesù huwa r-Ragħaj it-Tajjeb tagħkom.

Il-Ktieb ta’ Mormon jistieden lil kull wieħed u waħda minna, permezz ta’ kliem Alma, biex nidħlu “f’patt mal-Mulej, li naqduh u nżommu l-kmandamenti tiegħu, sabiex huwa jitfa’ l-Ispirtu Tiegħu fuqna b’mod abbundanti.”21 Meta aħna nkunu rridu ninbidlu għall-aħjar—kif iddeskrivieha xi ħadd, “li nieqfu nkunu miżerabbli u nkunu ferħanin li aħna ferħanin”—aħna nistgħu nsiru lesti li nirċievu d-direzzjoni, l-għajnuna u l-qawwa. Permezz tal-patt aħna nistgħu nsiru nappartjenu lil Alla u lil komunità ta’ fidili, u nirċievu l-barkiet imwiegħda fid-duttrina ta’ Kristu22—issa.

L-awtorità u l-qawwa tas-saċerdozju rrestawrata biex tbierek lil uliedu kollha hija t-tielet dimensjoni tal-appartenenza tal-patt. F’din id-dispensazzjoni, Ġwanni l-Battista u l-Appostli Pietru, Ġakbu, u Ġwanni ġew fid-dinja mingħand Alla bħala messaġġiera gglorifikati biex jirrestawraw l-awtorità saċerdotali Tiegħu.23 Is-saċerdozju ta’ Alla u l-ordinanzi Tiegħu jtejbu ferm ir-relazzjonijiet fuq din id-dinja u jistgħu jissiġillaw ir-relazzjonijiet tal-patt fis-smewwiet.24

Is-saċerdozju jista’ jberikna letteralment mill-benniena sal-qabar—minn isem mogħti lil tarbija sa dedikazzjoni ta’ qabar. Il-barkiet tas-saċerdozju jfejqu, ifarrġu, jikkunsiljaw. Wieħed missier kien irrabjat ma’ ibnu, sakemm feġġet l-imħabba tal-maħfra hekk kif il-missier ta lil ibnu barka saċerdotali mill-aktar tenera. Waħda tfajla żagħżugħa u għażiża, li kienet l-uniku membru tal-Knisja fil-familja tagħha, bdiet tħossha nċerta dwar l-imħabba ta’ Alla għaliha sakemm hija rċeviet barka saċerdotali mill-aktar ispirata. Madwar id-dinja, għadd ta’ patrijarki nobbli jitħejjew spiritwalment biex jagħtu barkiet patrijarkali. Hekk kif il-patrijarka jpoġġi jdejh fuq raskom, huwa jħoss u jesprimi l-imħabba ta’ Alla għalikom. Huwa jħabbar in-nisel tagħkom fid-dar ta’ Iżrael. Huwa jindika l-barkiet li jkunu ġejjin mingħand il-Mulej. Il-mara ta’ wieħed patrijarka, li b’mod tipiku dejjem turi ċerta konsiderazzjoni, qaltli kif hi u l-familja tagħha jistiednu l-Ispirtu, speċjalment fil-jiem li fihom il-papa tagħhom ikun se jagħti xi barkiet patrijarkali.

Finalment, il-barkiet tal-appartenenza tal-patt niksbuhom meta nimxu wara l-profeta tal-Mulej u ngħixu b’ferħ il-ħajja tal-patt tat-tempju, inkluż fiż-żwieġ. Iż-żwieġ tal-patt isir divin u etern hekk kif ta’ kuljum aħna nagħżlu l-ferħ tal-konjuġi u tal-familja tagħna qabel l-istess ferħ tagħna. Hekk kif “jien” issir “aħna,” aħna nikbru flimkien. Aħna nixjieħu flimkien; aħna nikbru fiż-żogħżija flimkien. Hekk kif aħna mbierku lil xulxin tul ħajja li fiha naħfru lil xulxin, aħna naraw it-tamiet u l-ferħ tagħna jitqaddsu f’din il-ħajja u fl-eternità.

Minkejja li kull sitwazzjoni taf tkun differenti minn oħra, meta aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu, nagħmlu l-almu tagħna kollu, u b’sinċerità nitolbu u nfittxu l-għajnuna Tiegħu tul it-triq, il-Mulej lilna jiggwidana, fil-ħin Tiegħu u bil-mod Tiegħu, permezz tal-Ispirtu s-Santu.25 Il-patti taż-żwieġ jorbtu koppja flimkien, permezz ta’ għażla mutwali ta’ dawk li jagħmluhom—tifkira tar-rispett ta’ Alla u tagħna għall-għażla ħielsa u l-barka tal-għajnuna Tiegħu meta aħna nfittxuha f’għaqda.

Il-frott tal-appartenenza tal-patt tul il-ġenerazzjonijiet tal-familja jinħass fi djarna u f’qalbna. Jekk jogħġobkom, ippermettuli nuri dan b’eżempji personali.

Meta jien u Sister Gong konna bdejna nħobbu lil xulxin u konna qed nippreparaw biex niżżewġu, jiena tgħallimt dwar l-għażla ħielsa u kif nieħdu d-deċiżjonijiet. Għal xi żmien, aħna konna qed nistudjaw f’żewġ pajjiżi differenti f’żewġ kontinenti differenti. Huwa għalhekk li onestament nista’ ngħid li jien ksibt dottorat fir-relazzjonijiet internazzjonali.

Meta staqsejt, “Missier tas-Smewwiet, lil Susan għandi niżżewwiġha?” Ħassejt il-paċi fija. Iżda kien biss meta jiena tgħallimt nitlob b’intenzjoni ġenwina, “Missier tas-Smewwiet, jiena lil Susan inħobbha u rrid niżżewwiġha. Jiena nwiegħed li se nkun l-aqwa raġel miżżewweġ u l-aqwa missier li nista’ inkun”—kien biss meta jiena aġixxejt u meta jiena għamilt l-aqwa deċiżjonijiet tiegħi, li jien esperjenzajt l-aktar konferma spiritwali qawwija li qatt esperjenzajt.

Issa, l-arbli tar-razza, l-istejjer, u r-ritratti ġo FamilySearch tal-familja tagħna, kemm dik Gong kif ukoll Lindsay, jgħinuna niskopru u nagħmlu kuntatt, permezz tal-esperjenzi ħajjin tal-appartenenza tal-patt tul il-ġenerazzjonijiet.26 Għalina, il-proġenituri rispettati jinkludu:

Immaġni
Alice Blauer Bangerter

Il-Bużnanna Alice Blauer Bangerter, li f’jum wieħed kienu sarulha tliet proposti taż-żwieġ, u aktar tard talbet lir-raġel tagħha biex iqabbdilha pedala mal-blender tal-butir tagħha ħalli hija tkun tista’ tħawwad il-butir, tħit, u taqra fl-istess ħin.

Immaġni
Loy Kuei Char

Il-Bużnannu Loy Kuei Char ġarr lil uliedu fuq dahru u l-ftit affarijiet li kellha l-familja fuq ħmara hekk kif huma qasmu l-għelieqi kollha lava fil-Ġżira l-Kbira tal-Ħawajj. Ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ impenn u sagrifiċċju mill-familja Char qed ibierku l-familja tagħna llum.

Immaġni
Mary Alice Powell Lindsay

Meta żewġha u t-tifel il-kbir tagħha mietu t-tnejn b’mod mhux mistenni ftit jiem biss wara xulxin, Gram Mary Alice Powell Lindsay spiċċat trabbi ħamest itfal weħidha. Armla għal 47 sena, Gram rabbiet il-familja tagħha bl-għajnuna u s-sosteniment tal-mexxejja u l-membri lokali. Tul dawk is-snin kollha, Gram wegħdet lill-Mulej li jekk Huwa jgħinha, hija ma kienet se tgerger qatt. Il-Mulej lilha għenha. Hija qatt ma gergret.

Għeżież ħuti, kif jixhed l-Ispirtu s-Santu, kull ħaġa tajba u eterna hija ċċentrata fuq ir-realtà ħajja ta’ Alla l-Missier Etern tagħna u Ibnu, Ġesù Kristu, u l-Espjazzjoni Tiegħu. Sidna, Ġesù Kristu, huwa l-Medjatur tal-patt il-ġdid. Xhieda ta’ Ġesù Kristu huwa l-għan tal-patt tal-Ktieb ta’ Mormon.27 Permezz ta’ ġurament u patt, l-awtorità tas-saċerdozju rrestawrat ta’ Alla hija intenzjonata biex tbierek lil ulied Alla, inkluż permezz taż-żwieġ tal-patt, tal-familja tul il-ġenerazzjonijiet, u permezz ta’ barkiet individwali.

Is-Salvatur tagħna ddikjara, “Jiena Alfa u Omega, Kristu l-Mulej; iva, jiena hu, il-bidu u t-tmiem, il-Feddej tad-dinja.”28

Kien magħna fil-bidu, Huwa jinsab magħna, fl-appartenenza tal-patt kollha tagħna, sat-tmiem. Jiena nixhed dan fl-isem sagru u qaddis ta’ Ġesù Kristu, amen.