2010-2019
Ġejt Misjub bil-Qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Ġejt Misjub bil-Qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon

Ilkoll kemm huma jeħtieġ jesperjenzaw u jinstabu permezz tal-qawwa tal-veritajiet li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon.

Meta nkun qed inżur lil membri konvertiti f’darhom, waħda mill-mistoqsijiet li spiss nistaqsihom hi kif huma u l-familji tagħhom saru jafu bil-Knisja u x’wassal għall-magħmudija tagħhom. Irrelevanti jekk dik il-persuna f’dak il-mument hijiex membru attiv jew ilhiex snin ma tattendi l-knisja. It-tweġiba hi dejjem l-istess: bi tbissima u b’ċerta dija fuq wiċċhom, huma jibdew jirrakkontaw l-istorja ta’ kif instabu. Fil-fatt, jidher li l-istorja tal-konverżjoni hija dejjem l-istorja dwar kif aħna ġejna misjuba.

Ġesù Kristu nnifsu huwa l-Mulej tal-ħwejjeġ mitlufin. Huwa jimpurtah mill-ħwejjeġ mitlufin. M’hemmx dubju li għalhekk Huwa għallem it-tliet parabboli li nsibu fil- 15-il kapitlu ta’ Luqa: il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, tal-munita l-mitlufa, u, finalment, tal-iben il-ħali. Dawn l-istejjer kollha għandhom denominatur komuni: Mhux importanti għalfejn huma ntilfu. Lanqas huwa importanti jekk huma kenux konxji li kienu mitlufin. Jirrenja b’mod suprem sentiment ta’ ferħ li jiddikjara, “Ifirħu miegħi, għax sibt dak li kien intilifli.”1 Ultimament, għalih xejn ma hu verament mitluf.2

Ippermettuli biex f’dan il-mument naqsam magħkom waħda mill-aktar affarijiet prezzjużi għalija—l-istorja dwar kif jiena stess ġejt misjub.

Ftit qabel ma għalaqt 15-il sena, jiena ġejt mistieden miz-ziju tiegħi, Manuel Bustos, biex inqatta’ ftit żmien miegħu u mal-familja tiegħu hawnhekk fl-Istati Uniti. Din kienet se tkun opportunità kbira għalija biex nitgħallem xi ftit Ingliż. Iz-ziju tiegħi kien ikkonverta għall-Knisja ħafna snin qabel, u kellu fih spirtu missjunarju mill-aktar qawwi. Kien għalhekk probabbilment li ommi, mingħajr ma qaltli xejn, tkellmet miegħu u qalet li ma kienet se ssib l-ebda oġġezzjoni għall-istedina li għamilli basta jwegħedha ħaġa waħda: li hu ma jippruvax jikkonvinċini biex insir membru tal-Knisja tiegħu. Aħna konna Kattoliċi, u konna ilna hekk għal ġenerazzjonijiet sħaħ, u ma kien hemm l-ebda raġuni għalfejn ninbidlu. Zijuwi ma sab l-ebda problema b’dan u żamm kelmtu tant li lanqas biss ried iwieġeb saħansitra ċerti mistoqsijiet sempliċi dwar il-Knisja.

Bla dubju, dak li z-ziju tiegħi u l-mara simpatika tiegħu, Marjorie, ma setgħux jevitaw kien li jgħixu ħajjithom kif jafu huma.3

Jiena ġejt mogħti kamra li fiha kien hemm librerija kbira bil-kotba. Stajt nara li f’din il-librerija kien hemm bejn wieħed u ieħor 200 kopja tal-Ktieb ta’ Mormon f’lingwi differenti, fejn 20 minnhom kienu bl-Ispanjol.

Darba waħda, għelbitni l-kurżità u qbadt f’idejja kopja tal-Ktieb ta’ Mormon bl-Ispanjol.

Immaġni
Ktieb ta’ Mormon bl-Ispanjol

Kienet kopja minn dawk bil-qoxra ratba lewn is-sema, bil-figura tal-anġlu Moroni fuq il-qoxra ta’ quddiem. Hekk kif ftaħu, sewwasew fl-ewwel paġna kien hemm miktuba l-wegħda li ġejja: “U meta tirċievu dawn il-ħwejjeġ, nitlobkom sabiex titolbu lil Alla, il-Missier Etern, f’isem Ġesù Kristu, jekk dawn il-ħwejjeġ mhumiex vera; u jekk titolbuh b’qalb sinċiera, b’intenzjoni vera, b’fidi fi Kristu, huwa jurikom il-verità ta’ dan, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.”

Imbagħad żiedet: “U bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tkunu tafu l-verità ta’ kollox.”4

Diffiċli tispjega l-impatt li din l-iskrittura ħalliet f’moħħi u f’qalbi. Biex inkun onest, jiena ma kontx qed infittex “il-verità.” Kont għadni daqsxejn ta’ tfajjel, kuntent b’ħajti, ingawdi din il-kultura ġdida.

Madankollu, b’dik il-wegħda tberren ġo moħħi, jiena bdejt naqra l-ktieb bil-moħbi. Wara li qrajt aktar, fhemt li jekk jiena ridt nieħu xi ħaġa minnu, jaqbilli nibda nitlob. Aħna lkoll nafu x’jiġri meta inti tiddeċiedi li mhux biss taqra iżda wkoll titlob dwar il-Ktieb ta’ Mormon. Mela, dan hu sewwasew dak li ġara lili. Kienet ħaġa verament speċjali u unika—iva, l-istess kif ġara lil miljuni ta’ nies oħra minn madwar id-dinja. Jiena sirt naf bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li l-Ktieb ta’ Mormon kien vera.

Imbagħad jiena mort għand zijuwi biex nispjegalu x’kien ġara u li jiena kont lest biex nitgħammed. Zijuwi ma setax jaħbi l-ferħ tieġħu. Huwa daħal fil-karozza tiegħu, saq sal-ajruport, u mbagħad reġa’ ġie lura bil-biljett tiegħi tal-ajruplan biex immur lura d-dar, b’nota indirizzata lil ommi li kienet tiddikjara sempliċiment, “Jiena ma kelli x’naqsam xejn ma’ dan!”

Minn banda kien qed jgħid sewwa. Jiena ġejt misjub direttament permezz tal-qawwa tal-Ktieb ta’ Mormon.

Jaf hawn ħafna li nstabu permezz tal-missjunarji meraviljużi madwar id-dinja kollha, f’kull każ permezz ta’ modi mirakolużi. Jew jista’ jkun li nstabu wkoll permezz ta’ ħbieb li Alla deliberatament poġġa fi triqithom. Jaf ukoll li huma nstabu minn xi ħadd minn din il-ġenerazzjoni jew permezz ta’ xi wieħed mill-antenati tagħhom.5 Kien x’kien il-każ, sabiex huma jimxu ’l quddiem lejn konverżjoni personali vera, illum qabel għada, ilkoll kemm huma jeħtieġ jesperjenzaw u jinstabu permezz tal-qawwa tal-veritajiet li nsibu fil-Ktieb ta’ Mormon. Fl-istess ħin, jeħtieġ li huma personalment jiddeċiedu li jagħmlu wegħda ma’ Alla li huma lesti jagħmlu l-almu tagħhom biex iżommu l-kmandamenti Tiegħu.

Hekk kif wasalt Buenos Aires, ommi rrealizzat li jiena verament ridt nitgħammed. Peress li jiena kelli xi ftit spirtu ribelluż, minflok ma hi ħaditha kontrija, hija kien jilħqilha biżżejjed li taqbel miegħi. U mingħajr lanqas biss kienet konxja ta’ dan, kienet hija stess li għamlitli l-intervista tal-magħmudija. Fil-fatt, jien naħseb li l-intervista tagħha kienet aktar profonda minn dawk li jagħmlu l-missjunarji tagħna. Hija qaltli, “Jekk trid titgħammed, jiena nappoġġjak. Iżda l-ewwel se nistaqsik xi ftit mistoqsijiet u rridek taħseb bis-serjetà u tweġibni b’mod onest. Inti lest tikkommetti ruħek li tattendi l-knisja b’mod assolut kull nhar ta’ Ħadd?”

Jiena weġibtha, “Iva, bla dubju, jien se nagħmel dan.”

“Għandek idea kemm iddum il-knisja?”

“Iva naf,” weġibt jien.

Hija wieġbet, “Mela, jekk inti titgħammed, jiena se nara li inti tattendi.” Imbagħad hija staqsietni jekk jiena kontx lest li ma nixrob qatt alkoħol u ma npejjipx.

Jiena weġibt, “Iva, bla dubju, jiena se nobdi dan ukoll.”

U kompliet tgħid, “Jekk inti titgħammed, jiena se nara li inti hekk se tagħmel.” U hija baqgħet għaddejja b’dan il-mod għal kważi kull kmandament.

Zijuwi ċempel lil ommi biex jgħidilha biex ma tinkwetax, li jiena mhux se jdum ma jgħaddili. Erba’ snin wara, meta jiena rċevejt is-sejħa tiegħi biex inservi fil-Missjoni ta’ Montevideo, fl-Urugwaj, ommi ċemplet liz-ziju tiegħi biex tistaqsih meta fil-fatt kien se jgħaddili. Il-verità hi li minn dak iż-żmien li tgħammidt, ommi saret omm aktar kuntenta.

Jiena sirt naf li l-Ktieb ta’ Mormon kien mill-aktar kruċjali fil-proċess tal-konverżjoni billi esperjenzajt jiena stess il-wegħda li “il-bniedem jersaq aktar viċin Alla jekk jobdi l-preċetti li hemm fih.”6

Nefi spjega l-għan ewlieni tal-Ktieb ta’ Mormon b’dan il-mod:

“Aħna naħdmu b’mod diliġenti biex niktbu, biex nipperswadu lil uliedna, kif ukoll lil ħutna, ħalli jemmnu fi Kristu, u jerġħu jirrikonċiljaw ruħhom ma’ Alla. …

“U għalhekk aħna nitkellmu dwar Kristu, aħna nifirħu bi Kristu, aħna nippridkaw dwar Kristu, u aħna nipprofetizzaw dwar Kristu, … sabiex uliedna jkunu jafu lejn liema sors għandhom iduru għal maħfra ta’ dnubiethom.”7

Il-Ktieb sħiħ ta’ Mormon huwa miżgħud b’dak l-istess għan sagru.

Għal din ir-raġuni, kull qarrej li jikkommetti ruħu li jistudjah b’sinċerità, bl-ispirtu tat-talb, mhux biss sejjer jitgħallem dwar Kristu iżda se jitgħallem mingħand Kristu—speċjalment jekk huwa jiddeċiedi li “jipprova l-virtù tal-kelma”8 u mhux jinjoraha qabel lanqas biss ikun taha ċans minħabba nuqqas ta’ twemmin ippreġudikat9 minn dak li ħaddieħor qal dwar ħwejjeġ li huma qatt ma qraw.

Il-President Russell M. Nelson irrifletta: “Meta jiena naħseb dwar il-Ktieb ta’ Mormon, tiġi f’ moħħi l-kelma qawwa. Il-veritajiet tal-ktieb ta’ Mormon għandhom il- qawwa li jfejqu, ifarrġu, jirrestawraw, jgħinu, jikkonslaw, u jferrħu l-erwieħ.”10

L-istedina tiegħi lil kull wieħed u waħda minna llum wara nofsinhar, irrispettivament kemm ilna membri tal-Knisja, hi li nagħtu ċans lill-qawwa tal-veritajiet tal-Ktieb ta’ Mormon biex issibna u tħaddanna magħha għal darb’oħra, u jum wara jum hekk kif b’diliġenza aħna nfittxu li niksbu r-rivelazzjoni personali. Hekk jiġri jekk aħna nagħtuha ċans.

Jiena solennement nixhed li l-Ktieb ta’ Mormon fih il-milja tal-evanġelju ta’ Ġesù Kristu u li l-Ispirtu s-Santu jikkonferma l-verità tiegħu kontinwament lil kull min, b’qalb sinċiera, ifittex l-għarfien għas-salvazzjoni ta’ ruħu.11 F’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. Luqa 15:6; ara wkoll Luqa 15:9, 32.

  2. F’tifsira aktar wiesgħa, l-iskrittura titkellem dwar profeziji li jitkellmu dwar il-ġabra tat-tribujiet mitlufa ta’ Iżrael (ara Russell M. Nelson, “The Gathering of Scattered Israel,” Liahona, Nov. 2006, 79–82). Anke jekk huma mitlufin, mhumiex mitlufin għalih (ara 3 Nephi 17:4). Kif ukoll, hu interessanti tinnota li huma ma rrealizzawx li kienu mitlufin qabel ma huma nstabu, speċjalment meta huma rċevew il-barka patrijarkali tagħhom.

  3. Il-Presbiteru Dieter F. Uchtdorf ikkwota lil San Franġisk ta’ Assisi meta qal, “Ippriedka l-evanġelju l-ħin kollu, u meta neċessarju uża l-kliem” (“Waiting on the Road to Damascus,” Liahona, Mejju 2011, 77; ara wkoll William Fay u Linda Evans Shepherd, Share Jesus without Fear [1999], 22).

  4. Moroni 10:4–5.

  5. L-istorja tal-konverżjoni tal-antenati tagħna hija wkoll l-istorja tagħna. Il-Presbiteru William R. Walker għallem, “Tkun ħaġa meraviljuża jekk il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien kollha jkunu jafu l-istejjer ta’ konverżjoni tal-antenati tagħhom” (“Live True to the Faith,” Liahona, Mejju 2014, 97). Għalhekk, ilkoll kemm aħna b’xi mod ġejna misjuba direttament jew permezz tal-antenati tagħna, grazzi għal Missierna tas-Smewwiet, li jaf it-tmiem mill-bidu (ara Abraham 2:8).

  6. Introduzzjoni għall-Ktieb ta’ Mormon; ara wkoll Alma 31:5.

  7. 2 Nephi 25:23, 26.

  8. Alma 31:5.

  9. Ara Alma 32:28.

  10. Russell M. Nelson, “Il-Ktieb ta’ Mormon: Kif Kienet Tkun Ħajjitkom Mingħajru?Liahona, Nov. 2017, 62.

  11. Ara 3 Nephi 5:20.