2010-2019
Insibu l-Ferħ Meta Naqsmu l-Evanġelju mal-Oħrajn
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Insibu l-Ferħ Meta Naqsmu l-Evanġelju mal-Oħrajn

Għandna Missier tas-Smewwiet kollu mħabba, li qed jistenniena biex induru lejh biex ibierek ħajjitna u l-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna.

Waħda mill-għanjiet favoriti tiegħi tal-Primarja tibda b’dan il-kliem:

Jiena nagħmel parti mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Jien naf min jien.

Jien naf il-pjan ta’ Alla.

Jien se nimxi warajh bil-fidi.

Jiena nemmen fis-Salvatur, Ġesù Kristu.1

X’dikjarazzjoni sempliċi u mill-isbaħ tal-veritajiet li nemmnu fihom!

Bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, aħna nafu min aħna. Aħna nafu li “Alla hu l-Missier tal-ispirti tagħna. Aħna … uliedu, u Huwa jħobbna. Aħna għexna [miegħu fis-smewwiet] qabel ma [ġejna] fid-dinja.”

Aħna nafu l-pjan ta’ Alla. Aħna konna hemm Miegħu kif ippreżentah. “L-għan sħiħ ta’ Missierna fis-Smewwiet—il-ħidma Tiegħu u l-glorja Tiegħu—hu li jagħti ċ-ċans lil kull wieħed u waħda minna biex ingawdu l-barkiet kollha Tiegħu. Huwa … ipprovda pjan perfett sabiex ikun jista’ jitwettaq l-għan Tiegħu. Aħna fhimna u aċċettajna dan il-pjan … ta’ ferħ, … ta’ fidwa, u … ta’ salvazzjoni” qabel ma ġejna hawn fid-dinja.

“Ġesù Kristu huwa fiċ-ċentru ta’ dan il-pjan ta’ Alla. Permezz tal-Espjazzjoni Tiegħu, Ġesù Kristu ġab fis-seħħ l-għan ta’ Missieru u għamilha possibbli għal kull wieħed u waħda minnha li ngawdu l-immortalità u l-eżaltazzjoni. Satana, jew ix-xitan, huwa għadu tal-pjan ta’ Alla” u ilu hekk mill-bidu.

“L-għażla ħielsa, jew il-kapaċità li nagħżlu, hija waħda mill-akbar rigali li Alla ta lil uliedu. … Jeħtiġilna nagħżlu jekk aħniex se nimxu wara Ġesù Kristu jew wara Satana.”2

Dawn huma veritajiet sempliċi li nistgħu naqsmu ma’ oħrajn.

Ħalli ngħidilkom x’kien ġara meta ommi qasmet ma’ ħaddieħor dawn il-veritajiet sempliċi billi sempliċement kienet lesta li titkellem magħhom u tagħraf ix-xoqqa f’moxtha.

Ħafna snin ilu, ommi kienet sejra lura l-Arġentina, fuq żjara ma’ ħija. Ommi fil-veritá qatt ma kienet tħobb tivvjaġġa bl-ajruplan, għalhekk talbet lil wieħed minn uliedi biex jagħtiha barka ta’ faraġ u protezzjoni. Huwa ħass li kellu anki jbierek lin-nanna tiegħu bi gwida u direzzjoni speċjali mill-Ispirtu s-Santu biex hi isaħħaħ u tmiss il-qlub ta’ ħafna li xtaqu jitgħallmu l-evanġelju.

Immaġni
Il-familja Pol

Fl-ajruport ta’ Salt Lake, ommi u ħija ltaqgħu ma’ tifla ta’ seba’ snin li kienet qed tirritorna d-dar minn vaganza tal-iskijjar mal-familja tagħha. Il-ġenituri tagħha nnotaw kemm kienet ilha titkellem ma’ ommi u ma’ ħija, u ddeċidew li jidħlu fil-konversazzjoni wkoll. Huma introduċew lilhom infushom u lil binthom bħala Eduardo, Maria Susana, u Giada Pol. Mill-ewwel ħadu grazzja ma’ din il-familja ħelwa u dħulija.

Iż-żewġ familji kienu ferm kuntenti li kienu se jivvjaġġaw flimkien fuq l-istess titjira lejn Buenos Aires, l-Arġentina. Hekk kif komplew jitkellmu bejniethom, ommi nnutat li sa dak il-mument, huma qatt ma kienu semgħu dwar il-Knisja rrestawrata ta’ Ġesù Kristu.

Waħda mill-ewwel mistoqsijiet li Susana staqsiet kienet “Tistgħu tgħiduli xi ħaġa dwar dak il-mużew sabiħ li fuqu għandu l-istatwa tad-deheb?”

Ommi spjegat li dak il-bini sabiħ ma kienx mużew iżda tempju tal-Mulej fejn aħna nagħmlu patti ma’ Alla ħalli xi darba nkunu nistgħu nerġgħu lura għandu u ngħixu miegħu. Susana stqarret ma’ ommi li qabel huma marru Salt Lake, hi kienet talbet għal xi ħaġa li setgħet issaħħaħ l-ispirtu tagħha.

Matul it-titjira, ommi qasmet it-testimonjanza sempliċi iżda qawwija tagħha tal-evanġelju u stiednet lil Susana biex issib lill-missjunarji fil-lokalità tagħha. Susana staqsiet lil ommi, “Kif se nsibhom?”

Ommi wieġbet: “Diffiċli ma tindunax bihom; int taf tara jew żewġ ġuvintur lebsin qmis bajda u ingravata jew żewġ tfajliet lebsin pulit, u huma dejjem jilbsu fuqhom tikketta li turi isimhom kif ukoll ‘Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.’”

Il-familji taw in-numru tat-telefon tagħhom lil xulxin u sellmu lil xulxin fl-ajruport ta’ Buenos Aires. Susana, li minn dak iż-żmien saret ħabiba kbira tiegħi, kemm-il darba qaltli li kienet ħassitha mnikkta ħafna hekk kif infirdet minn ommi fl-ajruport. Hi qalet, “Ommok dehret tiddi. Ma nistax nispjegaha, iżda kellha dija madwarha li ma ridtx inħalli warajja.”

Malli Susana waslet lura d-dar, hi u bintha, Giada, marru jaqsmu din l-esperjenza ma’ omm Susana, li kienet tgħix ftit toroq ’il bogħod mid-dar tagħhom. Waqt li kienu qed isuqu, Susana rat żewġ ġuvintur mexjin fit-triq lebsin kif kienet iddeskriviet ommi. Hi waqfet il-karozza tagħha f’nofs it-triq, ħarġet, u staqsiet lil dawn iż-żewġ ġuvintur, “Għalli jista’ jkun, intom mill-Knisja ta’ Ġesù Kristu?”

Huma wieġbu, “Iva.”

“Missjunarji?” staqsiet.

It-tnejn wieġbu, “Iva, hekk aħna!”

Hi mbagħad qalet, “Idħlu fil-karozza tiegħi; intom ġejjin id-dar biex tgħallmuni.”

Immaġni
Il-familja Pol

Xahrejn wara, Maria Susana tgħammdet. Bintha, Giada, tgħammdet ukoll meta għalqet disa’ snin. Għadna qed naħdmu fuq Eduardo, li, jiġri x’jiġri, inħobbuh ukoll.

Minn dakinhar, Susana saret waħda mill-aktar missjunarji meraviljużi li ltqajt magħhom. Hija bħal ulied Mosija, tressaq bosta erwieħ lejn Kristu.

F’waħda mill-konverżazzjonijiet tagħna, staqsejtha, “X’inhu s-sigriet tiegħek? Kif taqsam l-evanġelju ma’ ħaddieħor?”

Hija qaltli, “Sempliċi. Kuljum qabel ma noħroġ mid-dar, jiena nitlob lil Missierna tas-Smewwiet biex jidderiġini lejn xi ħadd li f’ħajtu għandu bżonn l-evanġelju. Kultant nieħu miegħi kopja tal-Ktieb ta’ Mormon biex naqsamha magħhom jew xi fuljetti mingħand il-missjunarji — u meta nibda nitkellem ma’ xi ħadd, sempliċement nistaqsihom jekk semgħux bil-Knisja.”

Susana qalet ukoll, “Xi drabi oħra sempliċiment nitbissem waqt li nkun qed nistenna l-ferrovija. Darba minnhom raġel ħares lejja u qalli, ‘Għaliex qed titbissem?’ Ħasadni.

“Jiena weġibt, ‘Jiena qed nitbissem għax ferħana!’

“Huwa mbagħad qalli, ‘U għaliex inti daqshekk ferħana?’

“Jiena weġibt, ‘Jiena membru tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, u dan jagħmilni ferħana. Smajt dwarha?’”

Meta qal li le, hi tagħtu fuljett u stidnitu biex jattendi s-servizzi tal-Ħadd ta’ wara. Il-Ħadd ta’ wara, hi laqgħetu fil-bieb.

Il-President Dallin H. Oaks għallem:

“Hemm tliet affarijiet li kull membru jista’ jagħmel biex jgħin jaqsam l-evanġelju. …

L-ewwel, aħna kollha nistgħu nitolbu biex ikollna x-xewqa li ngħinu f’din il-parti mill-aktar importanti tal-ħidma tas-salvazzjoni. ...

It-tieni, nistgħu nżommu l-kmandamenti. … Il-membri fidili dejjem ikollhom l-Ispirtu tas-Salvatur … magħhom biex jiggwidahom hekk kif huma jfittxu li jipparteċipaw fil-ħidma kbira li nxerrdu l-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu.

It-tielet, nistgħu nitolbu għall-ispirazzjoni dwar x’nistgħu nagħmlu aħna biex … aqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor … [u] nitolbu b’impenn li naġixxu skont l-ispirazzjoni li nirċievu.”3

Ħuti, nisa u rġiel, tfal, u żgħażagħ, nistgħu aħna nkunu bħal ħabiba tiegħi Susana u naqsmu l-evanġelju mal-oħrajn? Nistgħu nistiednu ħabib li mhuwiex tal-fidi tagħna biex jiġi l-knisja magħna nhar il-Ħadd? Jew nistgħu aħna forsi nagħtu kopja tal-Ktieb ta’ Mormon lil xi qarib jew ħabib tagħna? Nistgħu aħna ngħinu lil oħrajn isibu l-antenati tagħhom fuq FamilySearch jew naqsmu ma’ oħrajn dak li tgħallimna matul il-ġimgħa hekk kif konna qed nistudjaw Ejja, Imxi Warajja? Nistgħu aħna nkunu nixbhu aktar lis-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, u naqsmu ma’ oħrajn dak li jġibilna l-ferħ f’ħajjitna? Ir-risposta għal dawn il-mistoqsijiet kollha hija iva! Jirnexxilna żgur!

Fl-iskrittura naqraw li “l-membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu huma mibgħuta ‘biex jaħdmu fl-għalqa tiegħu għas-salvazzjoni ta’ ruħ il-bnedmin’ (Doctrine and Covenants 138:56). Din il-ħidma tas-salvazzjoni tinkludi l-ħidma tal-membri missjunarji, ir-ritenzjoni tal-membri ġodda, l-attivazzjoni ta’ membri anqas attivi, il-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja, u t-tagħlim tal-evanġelju.”4

Għeżież ħbieb tiegħi, il-Mulej iridna niġbru flimkien lil Iżrael. Fid-Duttrina u Patti, Huwa qal, “Toqgħodx lanqas taħseb minn qabel x’għandek tgħid; iżda għożż f’moħħok kontinwament kliem il-ħajja, u fil-mument propju jingħatalek dak li għandek twassal lil kull bniedem.”5

Barra minn hekk, Huwa wiegħedna:

“U jekk għandu jkun li intom taħdmu ħajjitkom kollha biex ixxandru l-indiema lin-nies, u tressqu imqar ruħ waħda lejja, kemm se jkun kbir il-ferħ tagħkom ma’ dik ir-ruħ fis-saltna ta’ Missieri!

“U issa, jekk il-ferħ tagħkom ikun kbir minħabba ruħ waħda li intom tressqu lejja fis-saltna ta’ Missieri, kemm ikun akbar il-ferħ tagħkom jekk tressqu lejja ħafna erwieħ!”6

L-għanja tal-Primarja li ftaħt biha tikkonkludi b’din id-dikjarazzjoni profonda:

Jiena nemmen fis-Salvatur, Ġesù Kristu.

Jien se nonora ismu.

Jien se nagħmel dak li hu sewwa;

Jien se nimxi wara d-dawl tiegħu.

Il-verità Tiegħu jiena se nxandar.7

Jiena nixhed li dan il-kliem huma veri u li aħna għandna Missier tas-Smewwiet kollu mħabba, li qed jistenniena biex induru lejh ħalli jbierek ħajjitna u l-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna. Jalla jkollna x-xewqa li nressqu lil ħutna lejn Kristu hija t-talba tiegħi f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “The Church of Jesus Christ,” Children’s Songbook, 77.

  2. Preach My Gospel: A Guide to Missionary Service, riv. ed. (2018), 48.

  3. Dallin H. Oaks, “Sharing the Restored Gospel,” Liahona, Nov. 2016, 58.

  4. Handbook 2: Administering the Church, 5.0, ChurchofJesusChrist.org; ara wkoll L. Whitney Clayton, “The Work of Salvation: Then and Now,” Liahona, Sett. 2014, 23.

  5. Doctrine and Covenants 84:85.

  6. Doctrine and Covenants 18:15–16.

  7. “The Church of Jesus Christ,” 77.