2010-2019
Tagħtu Ruħkom għat-Talb Kontinwament
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Tagħtu Ruħkom għat-Talb Kontinwament (Alma 34:39; Moroni 6:4; Luqa 21:36)

Neħtieġu viġilanza kontinwa biex nikkontrobattu t-traskuraġni u l-indifferenza.

Jiena b’ħerqa nitlob biex l-Ispirtu s-Santu jassisti lili u lilkom hekk kif aħna nifirħu u nqimu flimkien.

Fil-konferenza ġenerali ta’ April, 1976, il-Presbiteru Boyd K. Packer indirizza speċifikament liż-żgħażagħ tal-Knisja. Fil-messaġġ klassiku tiegħu li jġib l-isem “Kukkudrilli Spiritwali,” huwa ddeskriva kif waqt li kien fuq ħidma tal-Knisja ġewwa l-Afrika huwa osserva xi kukkudrilli moħbija tajjeb ħafna jistennew biex jikkaċċjaw il-vittmi tagħhom, liema vittmi ma kienu qed jissuspettaw xejn. Imbagħad huwa xebbah lill-kukkudrilli ma’ Satana, li jikkaċċja ż-żgħażagħ aljenati billi jaħbilhom in-natura fatali tad-dnub.

Jiena kelli biss 23 sena meta l-Presbiteru Packer għamel dak id-diskors, u jien u Susan konna qed nistennew biex ftit jiem wara titweldilna l-ewwel tarbija tagħna. Aħna bqajna impressjonati bil-kontenut tal-messaġġ tiegħu dwar li għandna nevitaw id-dnub, u bil-mod prepotenti kif huwa uża l-imġieba ordinarja tal-annimali biex jgħallem lezzjoni spiritwali daqstant importanti.

Jien u Susan ukoll morna kemm-il darba l-Afrika fuq ħidma tal-knisja. U kellna opportunitajiet li naraw l-annimal meraviljużi li jgħixu f’dak il-kontinent. Peress li bqajna niftakru l-impatt tad-diskors tal-Presbiteru Packer f’ħajjitna, aħna ppruvajna nosservaw u nitgħallmu xi lezzjonijiet mill-imġieba tal-ħajja fis-salvaġġ ġewwa l-Afrika.

Jien irrid niddeskrivi l-karatteristiċi u t-tattiċi ta’ żewġ ċitas li jiena u Susan osservajna jikkaċċjaw il-priża tagħhom u nqabbel xi wħud mill-ħwejjeġ li osservajna ma’ kif aħna ngħixu l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Ċitas u Topis

Iċ-ċitas huma l-aktar annimali li jiġri fid-dinja u meta jiġru jilħqu veloċità għolja sa 75 mfs (120 km/h). Dawn l-annimali sbieħ jistgħu jaċċelleraw il-veloċità tagħhom minn pożizzjoni wieqfa għal waħda ta’ ġiri b’veloċità ta’ 68 mfs (109 km/h) f’anqas minn tliet sekondi. Iċ-ċitas huma predaturi li jersqu nkiss inkiss lejn il-priża tagħhom u mbagħad jitilqu jiġru warajha għal distanza qasira u jattakkawha.

Immaġni
Il-Presbiteru u Sister Bednar josservaw liċ-Ċitas

Jien u Susan għaddejna kważi sagħtejn nosservaw żewġ ċitas isegwu grupp kbir ta’ topis, l-aktar antilopi komuni u li ssibhom madwar l-Afrika kollha. Il-ħaxix għoli u niexef tas-savanna Afrikana kien kannella kulur id-deheb u beda kważi jaħbi għal kollox lill-predaturi hekk kif huma bdew iħufu wara grupp ta’ topis. Iċ-ċitas kienu ’l bogħod minn xulxin bejn wieħed u ieħor xi 100 jarda (91 m) iżda kienu qed jaħdmu bħala tim.

Filwaqt li ċita minnhom poġġiet bilqiegħda dritta fil-ħaxix mingħajr ma tiċċaqlaq, iċ-ċita l-oħra niżlet baxx baxx mal-art u bilmod tkaxkret viċin it-topis li ma kienu qed jissuspettaw xejn. Imbagħad iċ-ċita li kienet tinsab dritta dritta bilqiegħda nħbiet fil-ħaxix eżattament fil-mument li ċ-ċita l-oħra poġġiet bilqiegħda dritta dritta. Il-mod kif bdew jalternaw b’ċita minnhom tinżel baxx baxx u titkaxkar ’il quddiem filwaqt li ċ-ċita l-oħra toqgħod bilqiegħda dritta dritta fil-ħaxix baqgħu għaddejjin bih għal ħin twil mhuż ħażin. L-intenzjoni tas-sutilezza moħbija tal-istrateġija kien li jaljenaw u jqarrqu bit-topis u b’hekk jiddevjaw l-attenzjoni tagħhom lil hinn mill-periklu li jkun riesaq lejhom. Bil-paċenzja kollha u b’konsistenza, iż-żewġ ċitas ħadmu flimkien bħala tìm biex jaċċertaw ruħhom mill-ikla li jmiss.

Weqfin bejn il-grupp kbir ta’ topis u ċ-ċitas li kienu dejjem resqin lejhom kien hemm bosta topis oħra, li kienu akbar fiż-żmien u aktar b’saħħithom mill-oħrajn, weqfin bħala sentinelli fuq borġ ġebel. Id-dehra vasta tal-mergħa minn fuq l-għoljiet żgħar kienet tippermetti li dawn it-topis gwardjani joqogħdu attanti jarawx xi sinjali ta’ periklu.

Imbagħad f’daqqa waħda, hekk kif iċ-ċitas dehru li kienu waslu viċin biżżejjed biex jattakkaw, it-topis kollha daru f’daqqa u ħarbu. Ma nafx jekk it-topis sentinelli kkomunikawx mal-grupp akbar minnhom, u lanqas naf kif għamlu dan, iżda b’xi mod ingħatat twissija, u t-topis kollha resqu lkoll lejn post ‘il bogħod mill-periklu.

U x’għamlu wara ċ-ċitas? Mingħajr ma ħlew ħin, iż-żewġ ċitas reġgħu komplew minn fejn ħallew qabel jalternaw b’ċita minnhom tinżel baxx baxx u titkaxkar ‘il quddiem filwaqt li ċ-ċita l-oħra poġġiet bilqiegħda dritta dritta fil-ħaxix. Dan il-mod kif jikkaċċjaw baqa’ għaddej. Huma ma waqfux. Huma ma bdewx jistrieħu jew ħadu brejk. Huma kienu persistenti li jimxu mal-istrateġija tagħhom ta’ distrazzjoni u devjazzjoni. Jiena u Susan osservajna liċ-ċitas jegħbu fid-distanza, fejn dejjem bdew jersqu aktar viċin lejn il-grupp ta’ topis.

Dik il-lejla jiena u Susan kellna konverżazzjoni memorabbli dwar dak li aħna osservajna u tgħallimna. Aħna ddiskutejna wkoll din l-esperjenza ma’ wliedna u man-neputijiet tagħna u identifikajna bosta lezzjonijiet prezzjużi. Issa jiena se niddeskrivi tlieta minn dawk il-lezzjonijiet.

Lezzjoni #1—Oqogħdu Attenti mill-Travestimenti Qarrieqa tal-Ħażen

Għalija, iċ-ċitas huma ħlejjaq grazzjużi, affaxxinanti, u mill-aktar interessanti. Il-kulur safrani taċ-ċita b’kowt abjad jagħti fil-griż kollu tikek suwed verament iservi bħala travestiment sabiħ li jagħmel lil dawn l-annimali kważi inviżibbli hekk kif huma jkunu qed isegwu lill-priża tagħhom fil-mergħa Afrikana.

Immaġni
Ċitas jinħbew fil-pajsaġġ

B’mod simili, ċerti ideat u għemejjel li huma spiritwalment perikolużi ħafna drabi jafu jidhru attraenti, mixtieqa, jew pjaċevoli. Għalhekk, fid-dinja kontemporanja tagħna, ilkoll kemm aħna neħtieġu li nkunu konxji tal-ħażin qarrieq li jippretendi li hu tajjeb. Kif widdibna Isaija, “Gwaj għal dawk li jsejħu tajjeb il-ħażin, u ħażin it-tajjeb; u jibdlu d-dlam mad-dawl, li jibdlu l-morr mal-ħelu, u l-ħelu mal-morr!”1

Fi żminijiet paradossali meta li wieħed jattakka s-santità tal-ħajja umana qed jitqies bħala dritt u l-kaos qed jiġi deskritt bħala libertà, kemm aħna mberkin li qed ngħixu f’din id-dispensazzjoni tal-aħħar żmien meta d-dawl tal-evanġelju rrestawrat jista’ jiddi b’mod qawwi f’ħajjitna u jgħinna nagħrfu l-qerq u d-distrazzjoni kollha ħażen tal-avversarju.

“Għaliex dawk li huma għaqlin u rċevew il-verità, u li jħarsu lejn l-Ispirtu s-Santu bħala l-gwida tagħhom, u li ma ġewx imqarrqin—fis-sewwa ngħidilkom, huma mhux se jitqaċċtu u jinxteħtu fin-nar, iżda se jkunu meħlusin.”2

Lezzjoni #2—Ibqgħu Mqajmin u Żommu Għajnejnkom Miftuħin

Għal topi, mument qasir ta’ traskuraġni jew nuqqas ta’ attenzjoni jista’ jkun qed jistieden attakk f’ħakka t’għajn minn xi ċita. Bl-istess mod, it-traskuraġni u l-indifferenza spiritwali jagħmluna vulnerabbli għall-avvanzi tal-avversarju. In-nuqqas ta’ ħsieb jistieden periklu kbir f’ħajjitna.

Immaġni
Topis attenti

iStock.com/Angelika

Nefi ddeskriva kif fl-aħħar jiem Satana se jipprova jikkonċilja u jinganna lil ulied Alla permezz ta’ sens falz ta’ “sigurtà karnali, fejn huma jgħidu: Kollox sew f’Sijon; iva, Sijon sejra tajjeb, kollox sew—u b’hekk ix-xitan iqarraq b’ruħhom, u bir-reqqa kollha jmexxihom ’l isfel sal-infern.”3

Neħtieġu viġilanza kontinwa biex nikkontrobattu t-traskuraġni u l-indifferenza. Li tkun viġilanti huwa l-istat jew l-azzjoni li bir-reqqa tibqa’ dejjem għassa għal xi periklu jew diffikultajiet possibbli. U li tibqa’ dejjem għassa jindika l-att li tibqa’ mqajjem biex tgħasses u tipproteġi. F’sens spiritwali, jeħtieġ li aħna nibqgħu mqajmin u nżommu għajnejna miftuħin għas-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu u s-sinjali li jiġu mingħand l-għassiesa li hemm fuq it-torri tal-Mulej.4

“Iva, u jiena nħeġġiġkom … sabiex tagħtu ruħkom għat-talb kontinwament, ħalli intom ma titħajrux mit-tentazzjoni tax-xitan … għax araw, hu ma jagħtikom l-ebda premju tajjeb.”5

Li aħna niffokaw ħajjitna fuq is-Salvatur u l-evanġelju Tiegħu jippermettilna li negħlbu t-tendenza tal-bniedem naturali li nkunu spiritwalment bingħas u għażżenin. U hekk kif aħna nitbierku b’għajnejn li jaraw u widnejn li jisimgħu,6 l-Ispirtu s-Santu jista’ jkabbar il-kapaċità tagħna li niftħu għajnejna u widnejna meta normalment ma naħsbux li għandna għalfejn niftħu għajnejna u widnejna jew meta ma naħsbux li hemm xi ħaġa x’naraw jew x’nisimgħu.

“Għalhekk, iftħu għajnejkom, ħalli tkunu preparati.”7

Lezzjoni #3—Ifhmu l-Intenzjoni tal-Għadu

Ċita hija predatur li naturalment jikkaċċja annimali oħra. Kuljum, minn filgħodu sa filgħaxija, iċ-ċita hija predatur.

Immaġni
Ċitas jikkaċċjaw

Satana “huwa l-għadu tas-sewwa u ta’ dawk li jfittxu li jagħmlu r-rieda ta’ Alla.”8 Kuljum, minn filgħodu sa filgħaxija, l-unika intenzjoni tiegħu u l-uniku għan tiegħu huma li lil ulied Alla jagħmilhom miżerabbli bħalu nnifsu.9

Il-pjan ta’ ferħ tal-Missier huwa mfassal biex jipprovdi direzzjoni għal uliedu, biex jgħinhom jesperjenzaw ferħ dejjiem, u biex iwassalhom lura d-dar għandu mingħajr periklu b’ġisem imqajjem mill-imwiet u eżaltat. Ix-xitan jaħdem biex lil ulied Alla jagħmilhom konfużi u mdejqa u biex ifixkel il-progressjoni eterna tagħhom. L-avversarju jaħdem bla waqfien biex jattakka dawk l-elementi tal-pjan tal-Missier li l-aktar li jobgħod.

Satana m’għandux ġisem, u l-progressjoni etern tiegħu ġie mwaqqaf. Hekk kif l-ilma li għaddej minn ġewwa x-xmara jitwaqqaf permezz ta’ diga, bl-istess mod il-progress etern tal-avversarju ġie mwaqqaf minħabba li huwa m’għandux ġisem fiżiku. Minħabba r-ribelljoni tiegħu, Luċifru ċaħħad lilu nnifsu mill-barkiet u l-esperjenzi mortali li saru possibbli permezz ta’ tabernaklu magħmul minn ġisem u għadam. Waħda mit-tifsiriet skritturali potenti tal-kelma ikkundannat tidher fin-nuqqas ta’ kapaċità tiegħu li jkompli jagħmel progress u jsir bħal Missierna tas-Smewwiet.

Peress li ġisem fiżiku huwa daqstant importanti għall-pjan ta’ ferħ tal-Missier u għall-iżvilupp spiritwali tagħna, Luċifru jipprova jiffrustra l-progressjoni tagħna billi jħajjarna biex nużaw ġisimna b’mod mhux xieraq. Il-President Russell M. Nelson għallem li s-sigurtà spiritwali ultimament tinsab f’li inti “qatt m’għandek tagħmel l-ewwel pass li jkun qed jinstigak li jieħdok fejn m’għandekx tmur u li tagħmel dak li m’għandekx tagħmel.’ … Bħala bnedmin aħna lkoll għandna ċerti aptiti fiżiċi li huma neċessarji għas-sopravivenza tagħna. ‘Dawn l-aptiti huma assolutament essenzjali għall-perpetwazzjoni tal-ħajja. Għalhekk, x’jagħmel l-avversarju? … Huwa jattakkana permezz tal-aptiti tagħna. Huwa jħajjarna biex nieklu affarijiet li m’għandiex nieklu, nixorbu affarijiet li m’għandiex nixorbu, u nħobbu kif m’għandniex inħobbu!’”10

Waħda mill-akbar ironiji tal-eternità hi li l-avversarju, li jinsab miżerabbli preċiżament għaliex m’għandux ġisem fiżiku, jistedinna u jħajjarna biex naqsmu miegħu l-miżerja tiegħu permezz tal-użu mhux xieraq ta’ ġisimna. L-istess għodda li hu m’għandux u ma jistax juża hi għalhekk il-mira ewlenija tal-attentati tiegħu biex jattirana lejn il-qerda fiżika u spiritwali.

Huwa mill-aktar importanti li nifmhu l-intenzjoni tal-għadu biex nitħejjew b’mod effettiv għal xi attakki possibbli.11 Preċiżament minħabba li l-Kaptan Moroni kien jaf bl-intenzjoni tal-Lamaniti, huwa kien preparat biex ikun qed jistenniehom meta jaslu u spiċċa rebbieħ.12 U dak l-istess prinċipju u wegħda japplikaw għal kull wieħed u waħda minna.

“Jekk intom tinsabu mħejjijin, m’għandkomx għalfejn tibżgħu.

“U intom tkunu tistgħu teħilsuha mill-qawwa tal-għadu.”13

Stedina, Wegħda u Testimonjanza

L-istess mod kif ċerti lezzjonijiet importanti nistgħu nitgħallmuhom billi nosservaw l-imġieba taċ-ċitas u t-topis, l-istess kull wieħed u waħda minna għandna naraw x’lezzjonijiet nistgħu niltaqgħu magħhom fil-ġrajjiet sempliċi tal-ħajja ta’ kuljum. Hekk kif aħna nfittxu li jkollna moħħ u qalb lesti biex jirċievu direzzjoni divina permezz tal-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, fl-esperjenzi ordinarji tagħna joriġinaw xi wħud mill-akbar tagħlim li aħna nistgħu nirċievu u ħafna mit-twissijiet mill-aktar impotanti li jistgħu jissalvagwardjawna. Parabboli mill-aktar meraviljużi nistgħu nsibuhom kemm fl-iskrittura kif ukoll fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Jiena enfasizzajt biss tlieta mill-ħafna lezzjonijiet li nistgħu nidentifikaw fl-avventura li jien u Susan kellna fl-Afrika. Jiena nistedinkom u nħeġġiġkom biex tirriflettu fuq dan l-episodju flimkien maċ-ċitas u t-topis u tidentifikaw aktar lezzjonijiet għalikom u għall-familja tagħkom. Jekk jogħġobkom ftakru dejjem li d-dar tagħkom hija l-veru ċentru tat-tagħlim u l-għixien tal-evanġelju.

Hekk kif intom tilqgħu b’fidi din l-istedina, f’moħħkom ifeġġu ħsibijiet ispirati, qalbkom timtela b’sentimenti spiritwali, u intom tagħrfu l-għemejjel li għandkom tagħmlu jew tkomplu tagħmlu ħalli intom tkunu tistgħu “tieħdu fuqkom l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tifilħu għal żmien il-ħażen, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, biex tkunu kapaċi żżommu weqfin.”14

Jiena nwegħidkom li l-barkiet tat-tħejjija effettiva u l-protezzjoni spiritwali jinżlu f’ħajjitkom hekk kif b’mod viġilanti intom tagħtu ruħkom għat-talb kontinwament.

Jiena nixhed li li aħna nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-patt jipprovdilna sigurtà spiritwali u jistieden f’ħajjitna ferħ bla tmiem. U jiena nixhed li s-Salvatur ħaj imqajjem mill-imwiet se jsostnina u jsaħħaħna fi żminijiet kemm tajbin kif ukoll ħżiena. Dwar dawn il-veritajiet jiena nixhed fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.