Imsaħħab jew Xemxi, Mulej, Miegħi Kun!
Jiena nixhed magħkom li “imsaħħab jew xemxi” il-Mulej se jkun dejjem magħna, li “s-sofferenza tagħna tista’ tiġi megħluba mill-ferħ ta’ Kristu.”
Waħda mill-għanjiet għeżież tagħna tesprimi t-talba “Imsaħħab jew xemxi, Mulej, miegħi kun!”1 Darba jiena kont fuq ajruplan meta konna resqin lejn maltempata kbira. Meta kont qed inħares mit-tieqa, stajt nara li taħtna kien mimli sħab oħxon. Ir-raġġi ta’ nżul ix-xemx bdew jirriflettu fuq is-sħab, u jwassluhom biex jiddu b’qawwa mill-aktar intensa. Wara ftit tal-ħin, l-ajruplan għadda minn ġos-sħab oħxon, u f’daqqa waħda aħna spiċċajna mdawrin f’dalma kbira li spiċċat biex nessietna għal kollox id-dawl intens li konna għadna kif esperjenzajna ftit mumenti qabel.2
Sħab iswed jaf jifforma wkoll f’ħajjitna, li jista’ jnessina d-dawl ta’ Alla u saħansitra jwassalna biex niddubitaw jekk dak id-dawl għadux aktar jeżisti għalina. Fost dak is-sħab insibu d-dipressjoni, l-anzjetà, u xi forom oħra ta’ sofferenza mentali jew emozzjonali. Dawn jafu jwasslu biex jgħawġu l-mod kif aħna nħarsu lejna nfusna, lejn l-oħrajn, u saħansitra lejn Alla. Jaffettwaw nisa u rġiel ta’ kull età f’kull naħa tad-dinja.
Xi ħaġa li tagħmel ukoll daqstant ħsara hija s-sħaba insensittiva tax-xettiċiżmu li tista’ taffettwa lil dawk li qatt ma esperjenzaw dawn l-isfidi. Bħal kull parti tal-ġisem, il-moħħ huwa suġġett għal mard, trawma u żbilanċi kimiċi. Meta moħħna jkun qed isofri, huwa xieraq li nfittxu l-għajnuna mingħand Alla, minn dawk ta’ madwarna, u minn professjonisti tas-saħħa medika u mentali.
“Il-bnedmin kollha—irġiel u nisa—huma maħluqin fi xbieha ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minnhom huwa iben jew bint spirtu għażiż ta’ ġenituri tas-smewwiet, u … kollha għandhom natura divina u destin divin.”3 Bħall-Ġenituri tagħna tas-Smewwiet u s-Salvatur tagħna, aħna għandna ġisem fiżiku4 u nesperjenzaw ċerti emozzjonijiet.5
Għeżież ħuti, huwa normali li xi kultant inħossuna mdejqin jew inkwetati. Id-dieqa, u l-anzjetà huma emozzjonijiet umani u naturali.6 Madankollu, jekk aħna nkunu kontinwament imnikktin u jekk l-uġigħ jispiċċa biex jimblokka l-abbiltà tagħna li nħossu l-imħabba ta’ Missierna tas-Smewwiet u ta’ Ibnu u l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu, f’dak il-każ aħna nafu nkunu qed insofru minn xi dipressjoni, anzjetà, jew xi kundizzjoni emozzjonali oħra.
Binti darba kitbet: “Kien hemm żmien … [meta] l-ħin kollu kont inħossni verament imnikkta. Dejjem kont naħseb li n-niket huwa xi ħaġa li għandha timbarazzana, u li huwa sinjal ta’ dgħjufija. Għalhekk ma tkellimt ma ħadd dwar in-niket tiegħi. … Ħassejtni li jien verament ma jien tajba għal xejn.”7
Waħda ħabiba ddeskriviet din il-ħaġa b’dan il-mod: “Minn meta kont għadni daqsxejn ta’ tifla, jiena ffaċċjajt battalja kontinwa ma’ ċerti sentimenti ta’ disperanza, dalma, solitudni, u biża’ u s-sens li jiena mhux normali u li hemm xi ħaġa ħażina fija. Minn kollox għamilt biex naħbi l-uġigħ u biex qatt ma nagħti l-impressjoni li mhux kollox sewwa u li miniex b’saħħti.”8
Għeżież ħbieb tiegħi, ilkoll nistgħu nintlaqtu—speċjalment meta, bħala nies li nemmnu fil-pjan ta’ ferħ, aħna nġorru fuqna ċertu piż bla bżonn billi naħsbu li jeħtieġ li nkunu perfetti f’dan il-mument. Ħsibijiet bħal dawn jistgħu jiddisprawna. Li niksbu l-perfezzjoni huwa proċess li jseħħ tul il-ħajja mortali tagħna u lilhinn minnha—u tista’ tinkiseb biss permezz tal-grazzja ta’ Ġesù Kristu.9
B’kuntrast għal dan, meta aħna niftħu qalbna dwar l-isfidi emozzjonali tagħna, nammettu li m’aħniex perfetti, aħna nkunu qed nagħtu permess lil ħaddieħor biex jaqsam magħna l-isfidi tiegħu. Flimkien aħna nirrealizzaw li tama hemm u m’hemmx għalfejn insofru weħidna.10
Bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, aħna għamilna patt ma’ Alla li aħna “lesti nġorru t-tagħbija ta’ xulxin” u “nibku ma’ dawk li jibku.”11 Dan jaf jinkludi li nkunu infurmati dwar ċertu mard emozzjonali, li nsibu ċerti riżorsi li jistgħu jgħinu jindirizzaw dawn l-isfidi, u ultimament nersqu u nressqu lil ħaddieħor lejn Kristu, li hu l-Aqwa Tabib.12 Anke jekk aħna ma nafux kif nirrelataw ma’ dak li għaddej minnu ħaddieħor, li nagħrfu li l-uġigħ tagħhom huwa reali jaf ikun l-ewwel pass importanti biex insibu l-għarfien u l-fejqan.13
F’xi każijiet, il-kawża tad-dipressjoni jew l-anzjetà tista’ tiġi identifikata, filwaqt li xi drabi oħra jaf ikun diffiċli tinduna.14 Moħħna jaf isofri minħabba stress15 jew għeja mill-aktar kbira,16 li xi kultant nafu nħossuna aħjar jekk nagħmlu xi tibdil fid-dieta, fl-irqad, u fl-eżerċizzju. Drabi oħra, ikun hemm bżonn ta’ ċerta terapija jew medikazzjoni taħt id-direzzjoni ta’ professjonisti mħarrġin.
Jekk aħna ma nittrattawx ċertu mard mentali jew emozzjonali, jaf iwassalna għal aktar iżolament, nuqqas ta’ ftehim, relazzjonijiet imkissra, li nweġġgħu lilna nfusna, u saħansitra suwiċidju. Jiena naf dan minn esperjenza, għaliex missieri stess miet permezz ta’ suwiċidju ħafna snin ilu. Il-mewt tiegħu kienet xokkanti u ta’ qsim il-qalb għalija u għall-familja tiegħi. Snin sħaħ għamilt nikkumbatti n-niket tiegħi, u kien biss riċentiment li jiena tgħallimt li jekk jiena nitkellem b’mod xieraq dwar is-suwiċidju fil-fatt jaf jgħin biex nipprevjenih aktar milli ninkuraġġih.17 Issa jiena ddiskutejt b’mod miftuħ il-mewt ta’ missieri ma’ wliedi u rajt b’għajnejja l-fejqan li s-Salvatur jista’ jagħti fuq iż-żewġ naħat tal-velu.18
Sfortunatament, ħafna li jsofru minn dipressjoni severa jitbiegħdu mill-Qaddisin sħabhom għaliex iħossu li huma ma jħossuhomx komdi f’tip ta’ karattru immaġinarju. Aħna nistgħu ngħinuhom isiru jafu u jħossu li fil-fatt huma parti minna. Huwa importanti nagħrfu li d-dipressjoni mhijiex riżultat ta’ dgħjufija, u normalment lanqas m’hi riżultat ta’ dnub.19 Hija “tiffjorixxi fis-segretezza iżda tiġi fix-xejn fl-empatija.”20 Flimkien, aħna nistgħu ngħaddu mis-sħab tal-iżolament u l-istigma, ħalli t-tagħbija tal-mistħija titneħħa u jseħħu l-mirakli tal-fejqan.
Tul il-ministeru mortali Tiegħu, Ġesù Kristu fejjaq lill-morda u lil dawk li kienu qed isofru, iżda kull persuna kellha teżerċita l-fidi fih u taġixxi biex tirċievi l-fejqan Tiegħu. Xi wħud imxew distanzi twal, oħrajn estendew idhom biex imissu l-libsa Tiegħu, u oħrajn kellhom jinġarru ħdejh biex ikunu jistgħu jitfejqu.21 Meta niġu għall-fejqan, mhux aħna lkoll neħtieġu verament lill-Mulej? “Aħna mhux kollha tallaba?”22
Ejjew nimxu fit-triq tas-Salvatur u nkabbru l-kompassjoni tagħna, innaqqsu t-tendenza tagħna li niġġudikaw, u nieqfu nkunu l-ispetturi tal-ispiritwalità tal-oħrajn. Li b’imħabba noqogħdu nisimgħu lil ħaddieħor hu wieħed mill-akbar rigali li nistgħu noffru, u aħna nafu nkunu kapaċi nġorru jew nelevaw is-sħab tqil li jkun qed jifga lill-maħbubin u l-ħbieb tagħna23 ħalli, permezz ta’ mħabbitna, huma għal darb’oħra jħossu l-Ispirtu s-Santu u jipperċepixxu d-dawl li joħroġ minn Ġesù Kristu.
Jekk intom il-ħin kollu tinsabu mdawrin b’ “dalma ċpar,”24 duru lejn Missierna tas-Smewwiet. Xejn minn dak kollu li esperjenzajtu ma jista’ qatt jibdel il-verità eterna li intom ulied Alla u li Huwa jħobbkom.25 Ftakru li Kristu huwa s-Salvatur u l-Feddej tagħkom, u Alla huwa Missierkom. Huma jifhmukom. Immaġinawhom viċin tagħkom, jisimgħukom u joffru s-sapport tagħhom.26 “Huma jikkonslawkom fis-sofferenza tagħkom.”27 Agħmlu dak kollu li tistgħu, u afdaw fil-grazzja tal-espjazzjoni tal-Mulej.
L-isfidi tagħkom ma jiddefinixxukomx, iżda jistgħu jirraffinawkom.28 Minħabba “xewka f’ġisimkom,”29 jista’ jkun li intom għandkom l-abbiltà li tħossu aktar kompassjoni lejn ħaddieħor. Kif gwidati mill-Ispirtu s-Santu, aqmsu l-istorja tagħkom ma’ ħaddieħor biex tkunu tistgħu “tgħinu lil min hu dgħajjef, tqawwu l-idejn mitruħa, u ssaħħu l-irkupptejn imriegħda.”30
Għal dawk fostna li bħalissa tinsabu titqabdu jew tissapportjaw lil xi ħadd li jinsab jitqabad, ejjew inkunu lesti nimxu wara l-kmandamenti ta’ Alla ħalli dejjem ikollna magħna l-Ispirtu Tiegħu.31 Ejjew nagħmlu “l-ħwejjeġ żgħar u sempliċi”32 li jagħtuna l-qawwa spiritwali. Kif qal il-President Russell M. Nelson, “Xejn ma jiftaħ bwieb is-sema daqs il-kombinazzjoni ta’ aktar purità, ubbidjenza f’kollox, tfittxija ferventi, festeġġjar kuljum permezz ta’ kliem Kristu fil-Ktieb ta’ Mormon, u ħin iddedikat kuljum għall-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja.”33
Ejjew ilkoll niftakru li s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, “ħa fuqu s-sofferenza tagħna, sabiex huwa jimtela bil-ħniena, ħalli jkun jaf, skont il-ġisem … kif jista’ jgħinna skont is-sofferenza tagħna.”34 Huwa ġie “biex idewwi l-qalb miksura, … biex ifarraġ lill-imnikktin; … jagħtihom kuruna flok irmied, żejt tal-ferħ flok l-ilbies tal-vistu, l-għana tal-foħrija flok ruħ mitluqa.”35
Jiena nixhed magħkom li “imsaħħab jew xemxi” il-Mulej se jkun dejjem magħna, li “s-sofferenza tagħna tista’ tiġi megħluba mill-ferħ ta’ Kristu,”36 u li “hu permezz tal-grazzja li aħna nsalvaw, wara li nagħmlu dak kollu li nistgħu.”37 Jiena nixhed li Ġesù Kristu se jerġa’ lura fid-dinja “bil-fejqan f’ġwinħajħ.”38 Ultimament, Huwa “jixxotta kull demgħa minn għajnejna; u ma jkunx hemm iżjed … niket.”39 Għal dawk kollha li “jersqu lejn Kristu u jipperfezzjonaw ruħhom fih,”40 “ma tinżilx aktar ix-xemx għalihom … għax il-Mulej ikun id-dawl tagħna għal dejjem u jintemmu l-jiem ta’ biki tagħna.”41 F’isem Ġesù Kristu, amen.