2010-2019
Nagħtu l-Ispirtu Tagħna Kontroll fuq Ġisimna
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Nagħtu l-Ispirtu Tagħna Kontroll fuq Ġisimna

Waħda mill-aktar ħwejjeġ importanti li nistgħu nitgħallmu f’din il-ħajja hi kif nistgħu nenfasizzaw in-natura spiritwali u eterna tagħna u kif nistgħu nikkontrollaw ix-xewqat ħżiena tagħna.

Għeżież ħuti, hekk kif is-sena l-oħra bdiet riesqa l-konferenza ġenerali ta’ Ottubru, jiena ħejjejt id-diskors tiegħi tal-konferenza bil-għan li nenfasizza l-100 anniversarju mill-viżjoni tad-dinja tal-ispirti mogħtija lill-President Joseph F. Smith fit-3 ta’ Ottubru, 1918.

Ftit jiem wara li jien bgħatt id-diskors tiegħi biex jiġi tradott, l-għażiża sieħba eterna tiegħi, Barbara, temmet il-prova mortali tagħha u għaddiet fid-dinja tal-ispirti.

Hekk kif gerbu l-ġranet, imbagħad ix-xhur, u issa sena sħiħa minn meta ħallietni Barbara, jiena sirt napprezza ferm aktar din l-iskrittura: “Intom għandkom tgħixu flimkien fl-imħabba, hekk li taslu biex tibku għat-telfien ta’ dawk li jmutu.”1 Jien u Barbara konna mberkin li “għexna flimkien fl-imħabba” għal 67 sena. Iżda jien tgħallimt b’mod mill-aktar reali xi jfisser li “tibki għat-telfien” ta’ dawk li nħobbu. O, kemm inħobbha u nimmissjaha!

Jien naħseb li ħafna minna napprezzaw verament dak li jagħmel ħaddieħor wara li jkun ħalliena. Jiena kont naf li Barbara dejjem kien ikollha x’tagħmel, iżda ma kontx fhimt verament kemm kienu joħdulha ħin l-impenni tagħna fil-familja, fil-Knisja, u fil-komunità. Dan kien impenn ikkonsagrat ta’ kuljum li ġie rripetut eluf ta’ drabi tul is-snin, liema impenn żamm il-familja tagħna tiffunzjona. U minkejja dan kollu, ħadd fil-familja tagħna qatt ma semagħha tgħolli leħinha jew tgħid xi kelma mhux xierqa.

Nixxiegħa ta’ memorji feġġet ġo moħħi din l-aħħar sena. Bdejt naħseb dwar l-għażla fiżikament diffiċli li hi għamlet li tkun omm ta’ sebat itfal. Li tkun mara tad-dar kienet l-unika karriera li hija qatt xtaqet, u f’kull aspett hi kienet litteralment tibbrilla.

Spiss kont nistagħġeb kif kien jirnexxielha tieħu ħsieb tiegħi u ta’ wliedi. Il-preparazzjoni tal-ikel biss kienet biċċa xogħol verament kbira, biex ma nsemmix ukoll attivitajiet bħall-ħasil ta’ munzell ħwejjeġ wara l-ieħor, li l-familja tagħna kienet tiġġenera kull ġimgħa, kif ukoll li tara li t-tfal qed jilbsu żraben u ħwejjeġ ta’ qies addattat. Aħna lkoll konna nduru lejha rigward għadd kbir ta’ kwistjonijiet li kienu importanti għalina. U peress li kienu importanti għalina, kienu wkoll importanti għaliha. Hija kienet, f’kelma waħda, mara meraviljuża—bħala marti, bħala omm, bħala ħabiba, bħala ġara, u bħala bint Alla.

Issa li hi għaddiet għal ħajja oħra, inħossni kuntent li jien kont għażilt li npoġġi dejjem ħdejha meta kont nasal id-dar mill-uffiċċju fl-aħħar ftit xhur ta’ ħajjitha, biex inżommilha idha hekk kif konna nsegwu flimkien il-finali ta’ xi wħud mill-musicals favoriti tagħha—fejn konna narawhom u nerġgħu narawhom peress li l-Alzheimer ma kienx jippermettilha tiftakar li kienet tkun għadha kif rathom il-lejla ta’ qabel. Il-memorji tiegħi tal-mumenti li għaddejt inżommilha jdejha illum huma mill-aktar prezzjużi għalija.

Ħuti, jekk jogħġobkom titilfux l-opportunità li b’imħabba tħarsu f’għajnejn il-membri tal-familja tagħkom. Intom l-ulied u l-ġenituri, araw li tgħaddu ħin flimkien u li tesprimu l-imħabba u l-apprezzament tagħkom lejn xulxin. Kif ġara lili, xi wħud minnkom tafu tqumu jum fost l-oħrajn u ssibu li ż-żmien għal din it-tip ta’ komunikazzjoni daqstant importanti għadda. Għixu kull jum flimkien b’qalb mimlija gratitudni, memorji sbieħ, servizz, u ħafna mħabba.

Tul din l-aħħar sena, jiena għaddejt ħin nixtarr b’aktar ħsieb minn qatt qabel dwar il-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet. Meta kien qed jgħallem lil ibnu Kurjantun, Alma rrefera għalih bħala “il-pjan kbir ta’ ferħ.”2

Il-kelma li issa dejjem tfeġġ ġo moħħi meta naħseb dwar il-pjan hi “riunjoni.” Huwa sewwasew pjan, imfassal minn Missierna tas-Smewwiet kollu mħabba, li fiċ-ċentru tiegħu hemm il-possibiltajiet grandjużi u glorjużi tar-riunjoni tal-familja—li tgħaqqad flimkien mill-ġdid eternament irġiel u nisa miżżewġa, ġenituri u wlied, ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni fid-dar ta’ Alla.

Dak il-ħsieb iġibli l-faraġ u l-assigurazzjoni li jiena se nerġa’ nkun għal darb’oħra ma’ Barbara. Għalkemm hija sofriet fiżikament lejn it-tmiem ta’ ħajjitha, l-ispirtu tagħha kien b’saħħtu, nobbli, u safi. Hija preparat lilha nnifisha f’kollox ħalli meta jasal il-jum, hija tkun tista’ tieqaf quddiem “l-iżbarra sabiħa ta’ Alla,”3 mimlija kunfidenza u assigurazzjoni trankwilla. U hawn jien, li jumejn oħra nagħlaq 91 sena, u xorta għadni nistaqsi lili nnifsi, “Jiena ninsab lest? Qiegħed nagħmel dak kollu li għandi nagħmel biex għal darb’oħra nkun nista’ nerġa’ nżommilha idha?”

L-aktar ċertezza sempliċi u bażika tal-ħajja hi din: Aħna lkoll se mmutu. Irrispettivament jekk immutux kbar jew żgħar, bi ftit li xejn jew b’ħafna sofferenza, sinjuri jew foqra, maħbubin jew weħidna, ħadd mhu se jeħlisha mill-mewt.

Ftit tas-snin ilu, il-President Gordon B. Hinckley qal xi ħaġa li hija partikolarment sinifikanti dwar dan: “Kemm hi ħelwa l-assigurazzjoni, kemm hu ta’ faraġ il-paċi li niksbu mill-għarfien li jekk aħna niżżewġu b’mod xieraq u ngħixu b’mod xieraq, ir-relazzjoni tagħna tkompli, minkejja ċ-ċertezza tal-mewt u l-passaġġ taż-żmien.”4

M’hemmx dubju li jien iżżewwiġt b’mod xieraq. Dwar dan m’għandix dubju. Iżda dan mhux biżżejjed, skont il-President Hinckley. Jeħtieġ li jien ngħix ukoll b’mod xieraq.5

Illum, li “tgħix b’mod xieraq” jaf ikun kunċett xi ftit konfuż, speċjalment jekk tgħaddi ħin twil fuq il-midja soċjali, fejn kull vuċi tista’ tiddikjara veritajiet reali jew kunċetti foloz dwar Alla u l-pjan Tiegħu għal uliedu. Fortunatament, aħna l-membri tal-Knisja għandna prinċipji tal-evanġelju li huma eternament vera biex inkunu nafu kif għandna ngħixu ħalli nkunu preparati aħjar meta jasal il-ħin li mmutu.

Kien biss ftit xhur qabel twelidt jien, li l-Appostlu u n-nannu tiegħi, il-Presbiteru Melvin J. Ballard, għamel diskors li, għal xi nies, ġabar fih l-essenza ta’ xi jfisser li tgħix b’mod ġust. Bit-titlu “Issielet għar-Ruħ,” id-diskors tiegħu kien jiffoka dwar il-battalja kontinwa bejn il-ġisem fiżiku tagħna u l-ispirtu etern tagħna.

Huwa qal, “L-akbar kunflitt li kull raġel u mara qatt jista’ jkollhom … hu l-battalja li huma għandhom magħhom infushom,” fejn spjega li Satana, “l-għadu ta’ ruħna,” jattakkana permezz “tal-ġibdiet, tal-aptiti, u l-ambizzjonijiet tal-ġisem.”6 Għalhekk il-battalja ewlenija hi bejn in-natura divina u spiritwali tagħna u l-bniedem naturali u karnali. Ħuti, ftakru, aħna nistgħu nirċievu l-għajnuna spiritwali permezz tal-influwenza tal-Ispirtu s-Santu li jista’ “jgħallimkom kollox.”7 L-għajnuna nistgħu niksbuha wkoll permezz tal-qawwa u l-barkiet tas-saċerdozju.

Issa, jien nistaqsi, intom ilkoll kif qegħdin tiffaċċjaw din il-battalja?

Il-President David O. McKay qal: “L-eżistenza mortali tal-bniedem hija biss test li juri jekk huwiex sejjer jikkonċentra l-isforzi tiegħu, il-ħsibijiet tiegħu, ir-ruħ tiegħu, fuq ħwejjeġ li jikkontribwixxu għall-pjaċir u l-gratifikazzjoni tan-natura fiżika tiegħu, jew jekk huwiex lest li l-għan ta’ ħajtu jkun li jakkwista l-kwalitajiet spiritwali.”8

Din il-battalja bejn in-natura karnali u spiritwali tagħna mhijiex xi ħaġa ġdida. Fl-aħħar diskors tiegħu lin-nies, is-Sultan Benjamin għallem li “il-bniedem naturali huwa għadu ta’ Alla, u ilu hekk mill-waqgħa ta’ Adam, hekk se jibqa’, għal dejjem ta’ dejjem, sakemm hu ma jismax mill-istigazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, u jinża’ minn fuqu l-bniedem naturali u jsir qaddis permezz tal-espjazzjoni ta’ Kristu l-Mulej.”9

L-Appostlu Pawlu għallem li “dawk li jgħixu skont il-ġisem, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-ġisem; dawk li jgħixu skont l-Ispirtu, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Ispirtu.

“Ix-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt; ix-xewqat tal-Ispirtu jwasslu għall-ħajja u s-sliem.”10

Għalija jidher biċ-ċar li waħda mill-aktar ħwejjeġ importanti li nistgħu nitgħallmu f’din il-ħajja hi kif nistgħu nenfasizzaw in-natura spiritwali u eterna tagħna u kif nistgħu nikkontrollaw ix-xewqat ħżiena tagħna. Din m’għandhiex tkun ħaġa daqstant diffiċli. Wara kollox, l-ispirtu tagħna, li ilu jeżisti ferm aktar mill-ġisem fiżiku tagħna, diġà rnexxa meta fil-renju primortali għażel is-sewwa minflok il-ħażen. Qabel ma’ ġiet iffurmata din id-dinja, aħna konna ngħixu fid-dinja tal-ispirti bħala wlied Ġenituri tas-Smewwiet, li ħabbewna u jkomplu jħobbuna anke issa.

U iva, fir-renju primortali aħna kellna wkoll nieħdu ċerti deċiżjonijiet u nagħmlu ċerti għażliet li wasslu biex bidlulna ħajjitna. Kull persuna li qatt għexet jew qatt se tgħix fuq din il-pjaneta għamlet deċiżjoni mill-aktar essenzjali li tagħżel li taċċetta l-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet għas-salvazzjoni tagħna. Għalhekk aħna lkoll ġejna fid-dinja wara li konna diġà għaddejna minn prova u ksibna suċċess fejn tidħol in-natura spiritwali u d-destin etern tagħna.

Aħsbu dwar dan għal ftit ħin. Dan hu dak li intom u jien verament aħna u dak li intom minn dejjem kontu: ulied Alla, b’sisien spiritwali fl-eternità u futur mimli possibiltajiet infiniti. Intom, fil-fatt, intom—l-ewwel u qabel kollox u għal dejjem—esseru spiritwali. U għalhekk meta aħna nagħżlu li npoġġu n-natura karnali tagħna qabel in-natura spiritwali tagħna, aħna nkunu qed nagħżlu xi ħaġa li tmur kontra l-parti reali, vera, awtentika u spiritwali tagħna.

Madankollu, m’hemmx dubju li x-xewqat tal-ġisem u tad-dinja jikkumplikaw id-deċiżjonijiet li aħna nieħdu. Minħabba l-velu li jnessi, poġġut bejn id-dinja tal-ispirti primortali u din id-dinja mortali, aħna nistgħu nieqfu niffokaw fuq ir-relazzjoni tagħna ma’ Ala u fuq in-natura spiritwali tagħna, u n-natura karnali tagħna taf tagħti prijorità lil dak li nixtiequ bħalissa. Li nitgħallmu nagħżlu l-ħwejjeġ tal-Ispirtu minflok il-ħwejjeġ tal-ġisem hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn din l-esperjenza mortali hija parti mill-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet. Huwa wkoll għalhekk li l-pjan hu mibni fuq il-pedament sod u b’saħħtu tal-Espjazzjoni tal-Mulej u s-Salvatur Ġesù Kristu sabiex dnubietna, fosthom l-iżbalji li nagħmlu meta naqgħu għax-xewqat tal-ġisem, nistgħu negħlbuhom permezz tal-indiema kostanti u nkunu nistgħu ngħixu ħajjitna ffokati spiritwalment. Issa hu ż-żmien biex nikkontrollaw l-aptiti ta’ ġisimna ħalli nibqgħu konforma mad-duttrina spiritwali ta’ Kristu. Għalhekk m’għandniex nipprokrastinaw il-jum tal-indiema tagħna.11

L-indiema, għalhekk, issir arma indispensabbli fil-battalja magħna nfusna. Sewwasew fl-aħħar konferenza ġenerali, il-President Russell M. Nelson irrefera għal din il-battalja u fakkarna li “meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li ninbidlu! Aħna nħallu lis-Salvatur jittrasformana fl-aqwa verżjoni tagħna nfusna. Aħna nagħżlu li nikbru spiritwalment u nirċievu l-ferħ—il-ferħ tal-fidwa fih. Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li nsiru nixbhu aktar lil Ġesù Kristu!”12

Kull filgħaxija meta nagħti ħarsa lejn il-jum tiegħi waqt li nitlob lill-Missieri fis-Smewwiet, jiena nitolbu biex jaħfirli jekk għamilt xi ħaġa ħażina u nwiegħed li għada nipprova nkun aħjar. Jien nemmen li din l-indiema regolari ta’ kuljum tgħin biex l-ispirtu tiegħi jfakkar lil ġismi min verament jikkmanda.

Sors ieħor hu l-opportunità li aħna lkoll għandna biex kull ġimgħa niffriskaw lilna nfusna spiritwalment billi nieħdu sehem fis-sagrament b’tifkira tal-Espjazzjoni u l-imħabba perfetta li l-Mulej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, għandu għalina.

Ħuti, inħeġġiġkom biex tieqfu ftit u taħsbu dwar fejn tinsabu bħalissa fil-ħidma biex tegħlbu n-natura karnali tagħkom u ssaħħu n-natura divina u spiritwali tagħkom ħalli, meta jasal iż-żmien, intom tgħaddu fid-dinja tal-ispirti għal riunjoni mill-isbaħ mal-maħbubin tagħkom— li ta’ dan jiena nagħti xhieda u b’umiltà niltob fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.