2010-2019
Nisa tal-Patt fi Sħubija ma’ Alla
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Nisa tal-Patt fi Sħubija ma’ Alla

Li jsiru nisa tal-patt fi sħubija ma’ Alla hija kif bosta wlied nisa ta’ Alla mill-aktar twajbin u meraviljużi dejjem ħabbew b’imħabba ta’ omm, dejjem mexxew u mministraw.

Jiena grat għall-barka li għandi li nindirizza lilkom, l-ulied nisa tal-patt ta’ Alla. Illejla, l-għan tiegħi hu li nħeġġiġkom f’dan is-servizz kbir li għalih ġejtu msejħin. Iva, kull bint Alla li qed tismagħni bħalissa rċeviet sejħa mingħand il-Mulej, Ġesù Kristu.

Is-sejħa tiegħek bdiet meta inti tpoġġejt hawn fil-mortalità, f’post u żmien magħżul għalik minn dak Alla li jafek perfettament u jħobbok bħala bintu. Fid-dinja tal-Ispirtu, Huwa kien jafek u għallmek u poġġik fejn inti seta’ jkollok l-opportunità, li hi rari fl-istorja tad-dinja, li tiġi mistiedna biex tidħol fil-fonti tal-magħmudija. Hemmhekk, inti tisma’ dan il-kliem imlissen minn qaddej imsejjaħ ta’ Ġesù Kristu: “Hekk kif ġejt ikkummissjonat minn Ġesù Kristu, jiena ngħammdek fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Amen.”1

Meta inti ħriġt mill-ilma, inti kont aċċettajt sejħa oħra li sservi. Bħala bint ġdida tal-patt ta’ Alla, inti għamilt wegħda u rċevejt inkarigu fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien, li tagħha inti mbagħad ġejt ikkonfermata bħala membru. Inti għamilt patt ma’ Alla li tieħu fuqek innifsek l-isem ta’ Ġesù Kristu, li żżomm il-kmandamenti Tiegħu, u li sservih.

Għal kull persuna li tagħmel dawn il-patti, is-servizz li l-Mulej isejħilha biex tagħmel se jkun adattat perfettament għal dik il-persuna. L-ulied tal-patt ta’ Alla, madankollu, ilkoll għandhom sejħa komuni mill-aktar importanti u li ġġib il-ferħ. Din hi li sservi lil ħaddieħor f’ismu.

Meta kien qed ikellem lill-aħwa nisa, il-President Russell M. Nelson għamel summarju mill-isbaħ dwar is-sejħa tal-Mulej għalikom biex intom tingħaqdu miegħu fil-ħidma Tiegħu. Il-President Nelson iddeskriva s-sejħa tagħkom b’dan il-mod: “Il-Mulej qal, ‘Il-ħidma u l-glorja tiegħi hi li nġib fis-seħħ l-immortalità u l-ħajja eterna tal-bniedem.’’ (Moses 1:39.) Għalhekk id-dixxipli devoti Tiegħu, ulied nisa, jistgħu jgħidu verament, ‘Il-ħidma u l-glorja tiegħi hi li ngħin lill-maħbubin tiegħi jilħqu dak l-għan divin.’

“Li tgħinu persuna oħra tilħaq il-potenzjal ċelestjali tagħha hija parti mill-missjoni divina ta’ mara. Bħala omm, għalliema, jew Qaddisa li tieħu ħsieb lil ħaddieħor, hija tifforma t-tafal ħaj biex jieħu l-forma tat-tamiet tagħha. Fi sħubija ma’ Alla, il-missjoni divina tagħha hi li tgħin l-ispirti jgħixu u l-erwieħ jiġu eżaltati. Dan huwa l-akbar għan tal-ħolqien tagħha. Hija ħaġa nobbli, edifikanti, u eżaltanti.”2

Intom ma tistgħux tkunu tafu meta, jew għal kemm żmien, il-missjoni personali tagħkom se tkun iffokata fuq is-servizz f’sejħiet bħal omm, mexxejja, jew oħt li timministra. Il-Mulej, sforz l-imħabba tiegħu għalina, ma jagħtiniex l-għażla tal-orarju, tat-tul ta’ żmien, jew tas-segwenza tal-ħidma li Hu jridna nwettqu. Madankollu intom tafu mill-iskrittura u mill-profeti ħajjin li kull wieħed minn dawn l-inkarigi żgur se jiġi fis-seħħ għal kull bint ta’ Alla, jekk mhux f’din il-ħajja, fil-ħajja li jmiss. U lkoll huma tħejjija għall-ħajja eterna ġo familji kollha mħabba—“l-akbar fost ir-rigali kollha ta’ Alla.”3

Intom tkunu għaqlin li tagħmlu kull sforz biex titħejjew minn issa b’dan l-għan f’moħħkom. Dik il-ħidma ssir aktar faċli għaliex kull wieħed minn dawn l-inkarigi jeħtieġ ħafna mill-istess preparazzjoni.

Ejjew nibdew bl-inkarigu li tkun oħt li timministra. Kemm jekk inti ġejt mogħtija dak l-inkarigu bħala tifla ta’ 10 snin ġo familja fejn il-missier miet, jew inkella bħala president tas-Soċjetà tal-Għajnuna li l-belt tiegħek m’ilux ġiet affettwata min-nirien, jew meta inti tinsab fi sptar tirkupra minn operazzjoni—inti għandek ċans li twettaq is-sejħa li inti rċevejt mingħand il-Mulej li tkun il-bint li timministra Tiegħu.

Dawn jidhru li huma inkarigi tal-ministeru mill-aktar differenti minn xulxin. Madankollu lkoll kemm huma jeħtieġu t-tħejjija ta’ qalb setgħana u kollha mħabba, ta’ fidi bla biża’ li l-Mulej ma jagħti l-ebda kmand qabel ma l-ewwel iħejji t-triq, u xewqa li tmur u tagħmel dan f’ismu.4

Peress li kienet tinsab diġà ppreparata, it-tifla ta’ 10 snin poġġiet dirgħajha madwar ommha li kienet għadha kif romlot u talbet biex tkun taf x’inhu l-aħjar mod kif tista’ tgħin lill-familja tagħha. U hija tkompli titlob.

Il-president tas-Soċjetà tal-Għajnuna ħejjiet ruħha biex timministra minn qabel ma bdew in-nirien bla mistenni fl-inħawi tagħha. Hija saret taf u tħobb lin-nies. Il-fidi tagħha f’Ġesù Kristu kibret tul is-snin, minn kull meta hija rċeviet tweġiba għal talbha mingħand il-Mulej biex il-Mulej jgħinna f’għemejjel żgħar ta’ servizz li twettaq f’ismu. Minħabba t-tħejjija twila tagħha, hija kienet lesta u ħerqana biex torganizza lill-aħwa nisa biex huma jimministraw lin-nies u lill-familji li jinsabu jbatu.

Dik l-oħt li tinsab tirkupra fi sptar wara operazzjoni kienet preparata biex timministra lill-pazjenti li kien hemm ħdejha. Hija għaddiet ħajjitha timministra f’isem il-Mulej lil kull min tiltaqa’ miegħu daqs li kieku hu jew hi kienu ġirien jew ħbieb tagħha. Meta hija ħasset f’qalbha s-sejħa li timministra fl-isptar, hija serviet lil ħaddieħor b’tant kuraġġ u mħabba li l-pazjenti l-oħra bdew jittamaw li jdum ma jgħaddilha.

Bl-istess mod kif intom titħejjew biex timministraw, intom tistgħu u għandkom titħejjew għas-sejħa tagħkom li tkunu mexxejja f’isem il-Mulej meta jkun il-mument. Dan jeħtieġ minnkom fidi f’Ġesù Kristu, fidi bbażata fuq l-imħabba profonda tagħkom lejn l-iskrittura biex tkunu tistgħu tmexxu lin-nies u tgħallmu l-kelma Tiegħu mingħajr biża’. Imbagħad intom tkunu mħejjijin biex ikollkom l-Ispirtu s-Santu bħala s-sieħeb kostanti tagħkom. Intom tkunu ħerqana li tgħidu, “Irrid,” meta l-kunsilliera tiegħek fil-presidenza tat-Tfajliet tgħidlek, b’leħen xi ftit ippanikkjat, “Sister Alvarez ma tiflaħx illum. Inti tista’ tgħallem il-klassi tagħha?”

Se jkun jeħtieġ l-istess tħejjija għal dak il-jum meraviljuż li fih il-Mulej isejjaħlek għall-inkarigu biex tkun omm. Iżda se jkun hemm bżonn saħansitra qalb b’imħabba akbar milli kont teħtieġ qabel. Se tkun teħtieġ fidi f’Ġesù Kristu li tisboq il-fidi kollha li qatt kellek qabel ġo qalbek. U se tkun teħtieġ kapaċità akbar biex titlob għall-influwenza, għad-direzzjoni, u għall-faraġ tal-Ispirtu s-Santu milli qatt ħsibt li huwa fil-fatt possibbli.

Bix-xieraq intom tafu tistaqsu kif raġel, hi x’inhi l-età tiegħu, jista’ jkun jaf x’jeħtieġu l-ommijiet. Hija mistoqsija mill-aktar valida. L-irġiel ma jistgħux ikunu jafu kollox, iżda aħna nistgħu nitgħallmu ċerti lezzjonijiet permezz tar-rivelazzjoni li nirċievu mingħand Alla. U aħna nistgħu nitgħallmu ħafna billi nosservaw, meta nieħdu l-opportunità li nfittxu l-Ispirtu biex jgħinna nifhmu dak li nosservaw.

Jiena ili nosserva lil Kathleen Johnson Eyring għal dawn is-57 sena li ilna miżżewġin. Hija omm ta’ erba’ subien u żewġt ibniet. Sal-lum, hija aċċettat is-sejħa li tkun influwenza ta’ omm għal aktar minn mitt membru dirett tal-familja u mijiet oħra li hija adottat fil-qalb ta’ omm tagħha.

Intom tiftakru d-deskrizzjoni perfetta tal-President Nelson dwar il-missjoni divina ta’ mara—inkluż il-missjoni tagħha li tkun omm: “Bħala omm, għalliema, jew Qaddisa li tieħu ħsieb lil ħaddieħor, hija tifforma t-tafal ħaj biex jieħu l-forma tat-tamiet tagħha. Fi sħubija ma’ Alla, il-missjoni divina tagħha hi li tgħin l-ispirti jgħixu u l-erwieħ jiġu eżaltati. Dan huwa l-akbar għan tal-ħolqien tagħha.”5

Minn dak li jiena naf, marti, Kathleen, imxiet wara dik ir-responsabbiltà li ġiet mogħtija lill-ulied nisa ta’ Missierna. Għalija l-element ewlieni jidher li hu l-kliem “hija tifforma t-tafal ħaj biex jieħu l-forma tat-tamiet tagħha … fi sħubija ma’ Alla.” Hija ma sfurzat lil ħadd. Hija ffurmat. U hija kellha mudell għat-tamiet tagħha u li fuqu setgħet tipprova tifforma lil dawk li kienet tħobb u tieħu ħsiebhom bħala omm. Il-mudell tagħha kien l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu—milli jien stajt nara bl-għajnuna tat-talb permezz tal-osservazzjoni tiegħi tul is-snin.

Li jsiru nisa tal-patt fi sħubija ma’ Alla hija kif bosta wlied nisa ta’ Alla mill-aktar twajbin u meraviljużi dejjem ħabbew b’imħabba ta’ omm, dejjem mexxew u mministraw, u dejjem servew lil ħaddieħor b’kull mod u f’kull post li Huwa ħejja għalihom. Jiena nwegħidkom li intom issibu l-ferħ fil-vjaġġ tagħkom lejn id-dar tagħkom fis-smewwiet hekk kif terġgħu lura għandu bħala wlied nisa ta’ Alla li żżommu l-patti tagħkom.

Jiena nixhed li Alla l-Missier jgħix u Huwa jħobbkom. Huwa jisma’ t-talb tagħkom. Ibnu l-Maħbub imexxi, f’kull dettall, Il-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Il-President Russell M. Nelson huwa l-profeta ħaj tiegħu. U Joseph Smith ra u tkellem ma’ Alla l-Missier u Ġesù Kristu ġewwa masġar f’Palmyra, New York. Jien naf li dan hu minnu. Jiena nixhed ukoll li Ġesù Kristu huwa s-Salvatur tagħkom; Huwa jħobbkom. U permezz tal-Espjazzjoni Tiegħu, inti tistgħu tiġu ppurifikati u eżaltati għas-sejħiet importanti u qaddisa li intom tirċievu. Jiena nixhed dan fl-isem sagru ta’ Ġesù Kristu, amen.