2010-2019
Il-Qdusija u l-Pjan ta’ Ferħ
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Il-Qdusija u l-Pjan ta’ Ferħ

Nistgħu niksbu ferħ akbar permezz ta’ aktar qdusija personali.

Għeżież ħuti, jiena tlabt li jkolli l-qawwa li ngħinkom fit-tfittxija personali tagħkom għall-ferħ. Jista’ jkun li xi wħud mnnkom diġà tħossukom ferħanin biżżejjed; madankollu żgur li ħadd ma jirrifjuta l-offerta ta’ ferħ akbar. Kulħadd ikun ħerqan li jaċċetta offerta garantita ta’ ferħ dejjiem.

Dan hu dak li Missierna tas-Smewwiet; Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu; u l-Ispirtu s-Santu offrew lil kull wild spirtu ta’ Missierna tas-Smewwiet li qed jgħix bħalissa, se jgħix, jew li qatt għex f’din id-dinja. Din l-offerta xi kultant tissejjaħ il-pjan ta’ ferħ. Hekk sejħilha l-profeta Alma meta kien qed jgħallem lil ibnu, li kien jinsab f’agunija kbira minħabba l-miżerja tad-dnub. Alma kien jaf li l-ħażen qatt ma seta’ jkun ferħ għal ibnu—jew għal xi ħadd minn ulied Missierna tas-Smewwiet.1

Huwa għallem lil ibnu li l-unika triq li twassal għall-ferħ hi li nikbru fil-qdusija. Hu għamilha ċara li qdusija akbar hi possibli jekk aħna nħallu l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu tnaddafna u tipperfezzjonana.2 Hu biss permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu, l-indiema kontinwa, u ż-żamma tal-patti li aħna nkunu kapaċi niddikjaraw il-ferħ dejjiem li lkoll nixtiequ nesperjenzaw u nżommu.

It-talba tiegħi llum hi li jiena nkun nista’ ngħinkom tifhmu li ferħ akbar tiksbuh permezz tal-qdusija personali ħalli intom taġixxu skont dak it-twemmin. Imbagħad jiena se naqsam magħkom dak li tgħallimt jiena stess dwar x’għandna nagħmlu biex nikkwalifikaw għal dak ir-rigal li nsiru dejjem aktar qaddisa.

L-iskrittura tgħallimna li fost ħwejjeġ oħra, aħna nistgħu nitqaddsu jew insiru aktar qaddisa meta neżerċitaw il-fidi fi Kristu,3 nuru l-ubbidjenza tagħna,4 nindmu,5 nissagrifikaw f’ismu,6 nirċievu ordinanzi sagri, u nżommu l-patti li għamilna miegħu.7 Biex nikkwalifikaw għar-rigal tal-qdusija neħtieġu l-umiltà,8 il-manswetudni,9 u l-paċenzja.10

Jiena esperjenzajt mument bħal dan fejn ridt aktar qdusija meta kont fit-Tempju ta’ Salt Lake. Meta dħalt fit-tempju għall-ewwel darba, ftit li xejn kont ġejt mgħarraf x’għandi nistenna. Jiena rajt il-kliem fuq il-bini: “Qdusija lill-Mulej” u “Id-Dar tal-Mulej.” Jien ħassejt sens kbir ta’ antiċipazzjoni. Madankollu ma kontx ċert jekk kontx preparat biex nidħol.

Ommi u missieri mxew quddiemi hekk kif dħalna fit-tempju. Aħna ntlabna nuru r-rakkomandazzjonijiet tagħna; niċċertifikaw id-dinjità tagħna.

Il-ġenituri tiegħi kienu jafu lir-raġel li kien quddiem l-iskrivanija tar-rakkomandazzjoni. Għalhekk għaddew ftit ħin jitkellmu miegħu. Jiena bqajt dieħel waħdi f’kamra kbira fejn kollox kien abjad daqs is-silġ. Jien ħarist ’il fuq lejn saqaf għoli ferm li kien bħallikieku bdejt inħares lejn l-immensità tas-sema. F’dak il-mument, f’moħħi feġġ ħsieb ċar li jiena kont diġà kont hemm qabel.

Iżda mbagħad, jien smajt leħen ikellimni minn taħt l-ilsien—u ma kienx leħni. Il-kliem imtenni b’leħen sieket kien: “Inti qatt ma kont hawn qabel. Inti qed tiftakar ħin qabel ma twelidt. Inti kont tinsab f’post sagru bħal dan. Inti ħassejt li s-Salvatur kien wasal biex jidħol fil-post li kont tinsab fih. U int ħassejt daqstant ferħ għaliex kont ħerqan li tarah.”

Din l-esperjenza fit-Tempju ta’ Salt Lake damet biss ftit ħin. Madankollu l-memorja tagħha għadha ġġibli l-paċi, il-ferħ, u l-hena siekta.

Dak inhar jien tgħallimt bosta lezzjonijiet. Lezzjoni minnhom kienet li l-Ispirtu s-Santu jitkellem b’leħen sieket u ċkejken. Nista’ nisimgħu meta f’qalbi jkun hemm paċi spiritwali. Huwa jwassalli sentiment ta’ hena u assigurazzjoni li jiena qed insir aktar qaddis. U dan dejjem ifakkarni fil-ferħ li ħassejt fl-ewwel mumenti tiegħi fit-tempju ta’ Alla.

Intom osservajtu f’ħajjitkom u fil-ħajja ta’ ħaddieħor il-miraklu tal-ferħ li hu riżultat ta’ aktar qdusija, fejn insiru nixbhu aktar lis-Salvatur. F’dawn l-aħħar ġimgħat, jien għaddejt ħin ħdejn is-sodda ta’ nies li kienu qed jiffaċċjaw il-mewt b’fidi sħiħa fil-Salvatur u bi tbissima fuq wiċċhom.

Mument minnhom kien ma’ raġel li kien imdawwar bil-familja tiegħu. Hu u martu kienu qed jitkellmu bilmod bejniethom meta jien u ibni dħalna ħdejhom. Ili nafhom snin twal. Jiena rajt l-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu taħdem f’ħajjithom u fil-ħajja tal-membri tal-familja tagħhom.

Flimkien huma għażlu li ma jibqgħux għaddejjin bl-isforzi mediċi li jtawlu l-ħajja. Kien hemm sentiment ta’ skiet hekk kif hu beda jkellimna. Hu tbissem hekk kif esprima l-gratitudni tiegħu għall-evanġelju u l-effett purifikanti li kellu fuqu u fuq il-familja li tant kien iħobb. Huwa tkellem dwar is-snin feliċi ta’ servizz tiegħu fit-tempju. Fuq talba ta’ dan ir-raġel, ibni diliklu rasu biż-żejt ikkonsagrat. Jiena ssiġillajt id-dilka. Kif għamilt dan, jiena ħassejt b’qawwa li kelli ngħidlu li hu ma kienx se jdum wisq ma jara lis-Salvatur Tiegħu, wiċċ imb wiċċ.

Jiena wegħidtu li hu kien se jħoss il-ferħ, l-imħabba, u l-approvazzjoni tas-Salvatur. Aħna u sejrin, huwa tbissmilna b’imħabba. L-aħħar kliem li qalli kien “Lil Kathy għidilha li nħobbha.” Marti, Kathleen, tul is-snin ħeġġet ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ membri tal-familja tiegħu biex jaċċettaw l-istedina tas-Salvatur li jersqu lejh, li jagħmlu u jżommu patti sagri, u li jikkwalifikaw għall-ferħ li niksbuh b’riżultat ta’ dik il-qdusija akbar.

Huwa miet ftit sigħat wara. Ftit ġimgħat wara li ħalliena, l-armla martu ġiet tati rigal lili u lill-marti. Hekk kif bdejna nitkellmu hi bdiet titbissem. Bil-ħlewwa qalet, “Jien stennejt li se nħossni mdejqa u waħdi. Inħossni verament kuntenta. Taħsbu li din hi ħaġa sewwa?”

Għax naf kemm kienet tħobb lil żewġha u kemm it-tnejn li huma saru jafu, iħobbu, u jservu lill-Mulej, għedtilha li s-sentimenti tagħha ta’ ferħ kienu rigal imwiegħed għaliex hi, permezz tas-servizz fidil tagħha, kienet saret aktar qaddisa. Il-qdusija tagħha kkwalifikata għal dak il-ferħ.

Xi wħud minnkom li qed tisimgħuni llum tafu tgħidu: “Għaliex jien ma nħossx fija l-paċi u l-ferħ imwiegħed lil dawk li baqgħu fidili? Jiena bqajt fidil minkejja l-avversità terribbli li ffaċċjajt, iżda ma nħossnix ferħan.”

Anke l-Profeta Joseph Smith ħabbat wiċċu ma’ din il-prova. Huwa talab biex jinħeles meta kien jinsab magħluq f’ċella ġewwa Liberty, f’Missouri. Huwa kien fidil lejn il-Mulej. Huwa kiber fil-qdusija. Madankollu huwa ħass li ġie mċaħħad mill-ferħ.

Il-Mulej għallmu lezzjoni dwar il-paċenzja li xi kultant aħna lkoll neħtieġu, u forsi wkoll għal żmien twil, fil-prova mortali tagħna. Dan hu l-messaġġ tal-Mulej lill-profeta fidil Tiegħu li kien għaddej isofri.

“U jekk inti tiġi mitfugħ ġewwa fossa, jew tispiċċa f’idejn il-qattiela, u s-sentenza tal-mewt tingħata lilek; jekk inti tiġi mixħut fl-abiss; jekk il-mewġ qalil jeħodha kontra tiegħek; jekk l-irjieħ feroċi jsiru l-għedewwa tiegħek; jekk is-smewwiet jiddallmu, u l-elementi kollha jingħaqdu biex jimblukkawlek triqtek; u fuq kollox, jekk l-istess xedaq tal-infern jiftaħ ħalqu biex jibilgħek, kun af, ibni, li dan kollu se jagħtik l-esperjenza, u se jkun għall-aħjar tiegħek.

“Bin il-Bniedem ġie umiljat aktar minn kulħadd. Inti akbar minnu?

“Għalhekk, ibqa’ sod, u s-saċerdozju jibqa’ dejjem miegħek; għax il-limiti tagħhom stabbiliti, ma jistgħux jgħaddu. Il-jiem tiegħek magħrufa, u s-snin tiegħek mhux se jitnaqqsu; għalhekk, tibżax x’jista’ jagħmel il-bniedem, għax Alla se jkun miegħek għal dejjem ta’ dejjem.”11

Dik kienet l-istess lezzjoni istruttiva li l-Mulej ta lil Ġob, li ħallas prezz għoli biex jippermetti li l-Espjazzjoni tqaddsu aktar. Aħna nafu li Ġob kien raġel qaddis, mill-introduzzjoni li għandna tiegħu: “Kien hemm raġel fl-art ta’ Għus jismu Ġob, raġel perfett u tajjeb, jibża’ minn Alla u mbiegħed mill-ħażen.”12

Imbagħad Ġob tilef il-ġid materjali tiegħu, il-familja tiegħu, u saħansitra saħħtu. Probabbilment tiftakru li Ġob beda jiddubita li l-qdusija akbar tiegħu kienet li kkwalifikatu għal ferħ akbar, liema qdusija akbar hu kiseb b’riżultat ta’ avversità akbar. Ġob deherlu li l-qdusija ġabiltlu l-miżerja.

Madankollu l-Muej ta lil Ġob l-istess lezzjoni ta’ korrezzjoni li Hu ta lil Joseph Smith. Huwa ppermetta li Ġob jara s-sitwazzjoni ta’ qsim il-qalb tiegħu minn għajnejn spiritwali. Huwa qal:

“Isa, ħażżem bħal qalbieni ġenbejk, ħa nsaqsik u inti weġibni.

“Fejn kont int jien u nqiegħed sisien l-art? Għidli, jekk għandek id-dehen.

“Min ħażżiżhom il-qisien tagħha? Min ħadulha l-qjies? Żgur taf int!

“Fuqiex qed iżommu l-kolonni tagħha? Min qiegħed ras il-għareb tagħha;

“Hi u tgħanni l-ġemgħa tal-kwiekeb ta’ filgħodu, u tgħajjat bil-ferħ ix-xirka ta’ wlied Alla?”13

Imbagħad, wara li Ġob nidem milli sejjaħ lil Alla inġust, Ġob ingħata ċ-ċans li jara l-prova li kien għadda minnha minn lenti ogħla u aktar qaddisa. Huwa nidem.

“Ġob wieġeb lill-Mulej u qallu,

“Jien naf li inti tista’ kollox, u ebda ħsieb ma jista’ jinżamm minnek.

“Int għedt, Min hu dan li jrid joskura fehemti bla ma jifhem? U tassew jien tkellimt fuq ħwejjeġ ma nifhimhomx, ħwejjeġ kbar wisq għalija, li ma nafhomx.

“Int għedt: Ismagħni, u jien nitkellem; nistaqsik, u int għallimni.

“Fuqek jien b’widnejja smajt; imma issa b’għajnejja rajtek.

“Għalhekk inċedi u nindem fit-trab u l-irmied.”14

Wara li Ġob nidem u b’hekk sar aktar qaddis, il-mod li bih bierku l-Mulej kien jiżboq dak kollu li kien tilef. Iżda probabbilment l-akbar barka għal Ġob kienet li kien kiber fil-qdusija permezz tal-avversità u l-indiema. Huwa kkwalifika biex ikollu ferħ akbar għall-kumplament ta’ ħajtu.

Qdusija akbar ma niksbuhiex sempliċiment billi nitolbu għaliha. Niskbuha billi nagħmlu dak li hu meħtieġ biex Alla jibdilna.

Il-President Russell M. Nelson tana dak li jidher li hu l-aqwa parir dwar kif nistgħu nibqgħu mexjin tul it-triq tal-patt lejn qdusija akbar. Huwa wriena t-triq meta ħeġġiġna:

“Esperjenzaw kuljum il-qawwa setgħana tal-indiema—li kul jum tagħmlu u tkunu ftit aħjar.

“Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li ninbidlu! Aħna nħallu lis-Salvatur jittrasformana fl-aqwa verżjoni tagħna nfusna. Aħna nagħżlu li nikbru spiritwalment u nirċievu l-ferħ—il-ferħ tal-fidwa fih. Meta aħna nagħżlu li nindmu, aħna nagħżlu li nsiru nixbhu aktar lil Ġesù Kristu!”

Il-President Nelson kompla biex tana dan il-kliem ta’ inkuraġġiment fl-isforzi tagħna biex insiru aktar qaddisa: “Il-Mulej ma jistenniex minna l-perfezzjoni f’dan l-istadju. … Iżda Hu jistenna minna li nsiru aktar u aktar safja. L-indiema ta’ kuljum tagħna hija l-mogħdija għas-safa.”15

Il-President Dallin H. Oaks, f’diskors waqt waħda mill-konferenzi ta’ qabel, ukoll għenni nara b’aktar ċarezza kif aħna nistgħu nikbru fil-qdusija u kif nistgħu nkunu nafu li ninsabu resqin lejha. Huwa qal: “Kif nistgħu niksbu l-ispiritwalità? Kif nistgħu nilħqu dak il-livell ta’ qdusija fejn jista’ jkollna magħna s-sħubija kostanti tal-Ispirtu s-Santu? Kif nistgħu nibdew naraw u nevalwaw l-affarijiet ta’ din id-dinja minn perspettiva eterna?”16

It-tweġiba tal-President Oaks tibda b’fidi akbar f’Ġesù Kristu bħala s-Salvatur tagħna kollu mħabba. Dan iwassalna biex kull jum infittxu l-maħfra u biex kull jum niftakru fih billi nżommu l-kmandamenti Tiegħu. Dik il-fidi akbar f’Ġesù Kristu niksbuha hekk kif niffesteġġjaw kuljum permezz tal-kelma Tiegħu.

L-għanja “Tini Aktar Qdusija” tissuġġerixxi mod kif nistgħu nitolbu għall-għajnuna biex insiru aktar qaddisa. L-awtur b’għaqal jissuġġerixxi li l-qdusija li qed infittxu hija rigal mingħand Alla kollu mħabba, li tingħata maż-żmien, wara li nagħmlu dak kollu li nistgħu. L-aħħar vers żgur tiftakruh:

Tini aktar safa,

Aktar qawwa biex negħleb,

Aktar ħelsien mit-tbajja’ tad-dinja,

Aktar xewqa għad-dar.

Aktar den għas-saltna,

Aktar utli jiena nkun,

Aktar imbierek u qaddis—

Aktar, bħalek, Salvatur.17

Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi personali tagħna, ninsabu fejn ninsabu fit-triq tal-patt lejn id-dar, jalla t-talb tagħna għal qdusija akbar jinstama’. Jiena naf li hekk kif il-petizzjoni tagħna tiġi milqugħha, il-ferħ tagħna jikber. Dan jaf jieħu ż-żmien, iżda żgur jiġi fis-seħħ. Jiena ksibt din l-assigurazzjoni mingħand Missierna tas-Smewwiet kollu mħabba u Ibnu l-Għażiż, Ġesù Kristu.

Jiena nixhed li Joseph Smith kien profeta ta’ Alla, li l-President Russell M. Nelson huwa l-profeta ħaj tagħna llum. Alla l-Missier jgħix u jħobbna. Hu jridna mmorru d-dar għandu bħala familji. Is-Salvatur tagħna kollu mħabba jistedinna biex nimxu warajh fi triqitna ’l hemm. Huma ħejjew it-triq. Fl-isem sagru ta’ Ġesù Kistu, amen.