2010-2019
Ejja, Imxi Warajja—il-Kontrostrateġija u l-Pjan Proattiv tal-Mulej
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Ejja, Imxi Warajja—il-Kontrostrateġija u l-Pjan Proattiv tal-Mulej

Il-Mulej iħejji lill-poplu Tiegħu kontra l-attakki tal-avversarju. Ejja, Imxi Warajja huwa l-kontrostrateġija u l-pjan proattiv tal-Mulej.

Aħna ninsabu kuntenti li qed niltaqgħu flimkien f’din il-konferenza ġenerali kbira tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Hija barka li nirċievu l-moħħ u r-rieda tal-Mulej permezz tat-tagħlim tal-profeti u l-appostli Tiegħu. Il-President Russell M. Nelson huwa l-Profeta ħaj tal-Mulej. Kemm aħna grati għall-parir u d-direzzjoni li rċevejna llum.

Jiena se nżid ix-xhieda tiegħi ukoll ma’ dawk li qasmu x-xhieda tagħhom qabel. Se naqsam magħkom it-testimonjanza tiegħi ta’ Alla, il-Missier Etern tagħna. Huwa jgħix u jħobbna u jħarisna. Il-pjan Tiegħu ta’ ferħ jipprovdilna l-barka ta’ din il-ħajja mortali u r-ritorn eventwali tagħna fil-preżenza Tiegħu.

Jien naqsam magħkom ukoll it-testimonjanza tiegħi ta’ Ġesù Kristu. Huwa l-Iben Uniġenitu ta’ Alla. Huwa salvana mill-mewt, u Hu jifdina mid-dnub hekk kif aħna neżerċitaw il-fidi tagħna fih u nindmu. Is-sagrifiċċju tal-Espjazzjoni infinita Tiegħu f’isimna jwasslilna l-barkiet tal-immortalità u l-ħajja eterna. “Nirringrazzjaw lil Alla għar-rigal inkomparabbli ta’ Ibnu d-divin” (“Kristu l-Ħaj: It-Testimonjanza tal-Appostli,” Liahona, Mejju 2017, il-qoxra ta’ quddiem fuq ġewwa).

Il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien madwar id-dinja huma mberkin li jistgħu jqimu lil Ġesù Kristu fit-Tempji Tiegħu. Bħalissa qed jinbena wieħed minn dawk it-tempji ġewwa Winnipeg, fil-Kanada. F’Awwissu ta’ din is-sena, jien u marti, Anne Marie, kellna l-opportunità li nżuru s-sit ta’ kostruzzjoni. It-tempju huwa ddisinjat b’mod sabiħ u meta jitlesta ċertament se jkun mill-aktar manjifiku. Madankollu, ma jistax ikollok tempju manjifiku ġewwa Winnipeg, jew x’imkien ieħor, mingħajr ma jkollok pedament solidu u b’saħħtu.

L-art li ripetutament tiffriża u trid tiġi mħollija mis-silġ u l-kundizzjonijiet ta’ art dejjem tespandi ġewwa Winnipeg kienet sfida kbira fit-tħejjija tal-pedament tat-tempju. Għalhekk, ġie deċiż li l-pedament għal dan it-tempju kien se jikkonsisti f’70 travu tal-ħadid miksija fil-konkrit. Dawn it-travi huma twal 60 pied u wesgħin minn 12 sa 20 pulzier. Huma ddaħħlu fl-art sakemm missew il-blat, bejn wieħed u ieħor xi 50 pied taħt il-wiċċ. B’dan il-mod, dawn is-70 travu jipprovdu pedament solidu u b’saħħtu għal dak li se jkun it-tempju sabiħ ta’ Winnipeg.

Bħala Qaddisin tal-Aħħar Żmien, aħna nfittxu li f’ħajjitna jkollna wkoll pedament b’saħħtu u sod—pedament spiritwali li hu meħtieġ għall-vjaġġ tagħna li joħodna tul il-mortalità u lura lejn id-dar tagħna fis-smewwiet. Dak il-pedament huwa stabbilit fuq il-blat tal-konverżjoni tagħna lejn il-Mulej Ġesù Kristu.

Ejjew niftakru ftit fit-tagħlim ta’ Ħilaman mill-Ktieb ta’ Mormon: “U issa, uliedi, ftakru, ftakru li intom għandkom tibnu l-pedament tagħkom fuq il-blata tal-Feddej tagħna, li hu Kristu, l-Iben t’Alla; ħalli meta x-xitan jibgħat l-irwiefen qawwija tiegħu, iva, meta jixħtilkom il-lanez tiegħu, … dan kollu ma jkollu l-ebda qawwa biex lilkom jitfagħkom ’l isfel sal-abbiss tal-miżerja u l-inkwiet bla tmiem, minħabba l-blata li intom tinsabu mibnijin fuqha, li hija pedament sod, pedament li jekk il-bnedmin jibnu fuqu ma jfallu qatt” (Helaman 5:12).

Nirringrazzjaw lil Alla li aħna qed ngħixu fi żmien meta l-profeti u l-appostli jinsabu jgħallmuna dwar is-Salvatur Ġesù Kristu. Li aħna nimxu wara l-parir tagħhom jgħinna nistabbilixxu pedament sod fi Kristu.

Sena ilu, fir-rimarki tiegħu tal-ftuħ tal-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2018, il-President Russell M. Nelson ipprovdielna din id-dikjarazzjoni u twissija: “L-għan tal-Knisja ilu għal żmien twil li jassisti lill-membri kollha ħalli huma jkabbru l-fidi tagħhom f’Sidna Ġesù Kristu u fl-Att tal-Fidwa Tiegħu, li tassistihom fil-patti li huma jagħmlu ma’ Alla u tgħinhom iżommuhom, u li ssaħħaħ u tissiġilla l-familji. F’din id-dinja daqstant kumplessa, din mhix ħaġa faċli.. L-avversarju jinsab iżid l-attakki tiegħu fuq il-fidi u fuqna u fuq il-familji tagħna b’rata mill-aktar mgħaġġla. Biex nibqgħu għaddejjin spiritwalment, aħna neħtieġu kontro-strateġiji u pjanijiet proattivi” (“Rimarki tal-Ftuħ,” Liahona, Nov. 2018, 7; enfażi miżjuda).

Wara l-messaġġ tal-President Nelson, il-Presbiteru Quentin L. Cook tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu introduċa r-riżors Ejja, Imxi Warajja għall-individwi u l-familji. Ir-rimarki tiegħu kienu jinkludu d-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

  • “Ir-riżors ġdid għall-istudju fid-dar Ejja, Imxi Warajja … huwa mfassal biex jgħin lill-membri jitgħallmu l-evanġelju fid-dar.”

  • “‘Dan ir-riżors huwa għal kull individwu u familja fil-Knisja’ [Ejja, Imxi Warajja—Għall-Individwi u l-Familji (2019), vi].”

  • “L-għan tagħna hu li nibbilanċjaw l-esperjenza fil-Knisja u fid-dar b’ tali mod li twassal biex tkabbar il-fidi, l-ispiritwalità u l-konverżjoni aktar profonda f’ Missierna tas-Smewwiet u fil-Mulej Ġesù Kristu.” (“Konverżjoni Profonda u Dejjiema lejn Missierna tas-Smewwiet u Sidna Ġesù Kristu,” Liahona, Nov. 2018, 9-10.)

Mill-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena, il-Qaddisin tal-Aħħar Żmien madwar id-dinja bdejna nistudjaw it-Testment il-Ġdid, bir-riżors Ejja, Imxi Warajja bħala l-gwida tagħna. Mgħammar kif inhu bi skeda tal-ġimgħa, Ejja, Imxi Warajja jgħinna nistudjaw l-iskrittura, id-duttrina tal-evanġelju, u t-tagħlim tal-profeti u l-appostli. Dan hu riżors meraviljuż għalina lkoll.

Wara disa’ xhur ta’ dan l-isforz dinji ta’ studju tal-iskrittura, x’aħna naraw illum? Qed naraw Qaddisin tal-Aħħar Żmien ma’ kullimkien jikbru fil-fidi u d-devozzjoni tagħhom lejn il-Mulej Ġesù Kristu. Qed naraw individwi u familji jiddedikaw ħin matul il-ġimgħa biex jistudjaw il-kliem tas-Salvatur tagħna. Qed naraw titjib fit-tagħlim tal-evanġelju fil-klassijiet tagħna tal-Ħadd hekk kif aħna nistudjaw l-iskrittura fid-dar u naqsmu l-ħsibijiet tagħna fil-knisja. Qed naraw aktar ferħ u għaqda fil-familja hekk kif aħna għaddejna minn sempliċiment naqraw l-iskrittura għalli nistudjaw l-iskrittura b’mod profond.

Kien privileġġ għalija li niltaqa’ ma’ ħafna Qaddisin tal-Aħħar Żmien u l-opportunità li kelli li nisma’ l-esperjenzi li kellhom permezz ta’ Ejja, Imxi Warajja. L-espressjoni tagħhom ta’ fidi timlieli qalbi bil-ferħ. Dawn huma xi ftit mill-kummenti li jiena smajt mingħand bosta membri tal-Knisja f’partijiet differenti tad-dinja:

  • Wieħed missier qalli, “Jien jogħġobni verament Ejja, Imxi Warajja, għaliex jipprovdili opportunità li naqsam it-testimonjanza tiegħi dwar is-Salvatur ma’ wliedi.”

  • F’dar oħra, wieħed tifel qalli: “Dan jagħtini ċans li nisma’ lill-ġenituri tiegħi jaqsmu t-testimonjanza tagħhom.”

  • Waħda omm qaltli: “Aħna ġejna ispirati kif għandna npoġġu l-ewwel f’ħajjitna lil Alla. Il-ħin li ħsibna li ‘ma kellniex’ imtela bit-tama, bil-ferħ, bil-paċi, u bis-suċċess b’mod li lanqas konna naħsbu li kien possibbli.”

  • Waħda koppja osservat: “Aħna qed naqraw l-iskrittura b’mod għal kollox differenti milli qatt qrajnieha qabel. Qed nitgħallmu ferm aktar milli qatt tgħallimna qabel. Il-Mulej iridna naraw l-affarijiet b’mod differenti. Il-Mulej qed jippreparana.”

  • Omm oħra rrimarkat: “Jogħġobni li qed nitgħallmu l-istess affarijiet flimkien. Qabel, konna qed naqraw l-iskrittura. Illum, qegħdin nitgħallmuha.”

  • Waħda oħt qasmet miegħi din il-perspettiva mill-aktar intuwittiva: “Qabel, kellna l-lezzjoni u l-iskrittura kienet tissupplimentaha. Issa, għandna l-iskrittura u l-lezzjoni tissupplimentaha.”

  • Oħt oħra kkummentat: “Jiena nħoss differenza meta nagħmel dan imqabbel għal meta ma nagħmilx. Insibha aktar faċli nitkellem ma’ oħrajn dwar Ġesù Kristu u t-twemmin tagħna.”

  • Waħda nanna rrimarkat: “Kull nhar ta’ Ħadd jiena nċempel lin-neputijiet, u aħna naqsmu ċerti ħsibijiet minn Ejja, Imxi Warajja flimkien.”

  • Oħt oħra osservat: “Ejja, Imxi Warajja qisu bħallikieku s-Salvatur qiegħed jimministra lili personalment. Verament huwa ispirat minn Alla.”

  • Wieħed missier ikkummenta: “Hekk kif aħna nużaw Ejja, Imxi Warajja, aħna nkunu bħal ulied Iżrael, nimmarkaw il-blata tal-bibien tad-djar tagħna, nipproteġu lill-familji tagħna mill-influwenza tal-qerried.”

Ħuti, kien verament ta’ pjaċir għalija li niltaqa’ magħkom u nisma’ kif l-isforzi tagħkom bir-riżors Ejja, Imxi Warajja qegħdin ibierku ħajjitkom. Grazzi għad-devozzjoni tagħkom.

Li nistudjaw l-iskrittura b’ Ejja, Imxi Warajja bħala l-gwida tagħna qiegħed isaħħaħ il-konverżjoni tagħna għal Ġesù Kristu u l-evanġelju Tiegħu. Aħna nhar ta’ Ħadd mhux qegħdin sempliċiment inpartu siegħa anqas fil-knisja għal siegħa aktar ta’ studju tal-iskrittura fid-dar. It-tagħlim tal-evanġelju huwa sforz konsistenti tul il-ġimgħa kollha. Kif qaltli waħda oħt, “L-għan mhuwiex li l-knisja tkun siegħa anqas; hu li l-knisja tkun sitt ijiem itwal!”

Issa, ikkunsidraw għal darb’oħra t-twissija li tana l-profeta tagħna, il-President Nelson, hekk kif hu kien qed jagħmel ir-rimarki tal-ftuħ tal-konferenza ġenerali ta’ Ottubru 2018:

“L-avversarju jinsab iżid l-attakk tiegħu fuq il-fidi u fuq il-familji b’rata mill-aktar mgħaġġla. Biex nibqgħu għaddejjin spiritwalment, aħna neħtieġu ċerti kontro-strateġiji u pjanijiet proattivi” (Rimarki tal-Ftuħ,” 7).

Imbagħad (bejn wieħed u ieħor xi 29 siegħa wara) il-Ħadd wara nofsinhar, huwa għalaq il-konferenza b’din il-wegħda: “Hekk kif intom, b’diliġenza, taħdmu biex timmudellaw mill-ġdid id-dar tagħkom f’ċentru tat-tagħlim tal-evanġelju, … l-influwenza tal-avversarju fil-ħajja tagħkom u fid-dar tagħkom tonqos” (“Insiru Qaddisin tal-Aħħar Jiem Eżemplari,” Liahona, Nov. 2018, 113).

Kif jista’ jkun li l-attakki tal-avversarju jiżdiedu b’rata mill-aktar mgħaġġla fl-istess ħin li l-influwenza tal-avversarju fil-fatt qed tonqos? Dan jista’ jseħħ, u fil-fatt qiegħed iseħħ madwar il-Knisja, għaliex il-Mulej iħejji lill-poplu Tiegħu kontra l-attakki tal-avversarju. Ejja, Imxi Warajja huwa l-kontrostrateġija u l-pjan proattiv tal-Mulej. Kif għallem il-President Nelson: “Il-kurrikulu l-ġdid u integrat, iċċentrat madwar id-dar u ssapportjat mill-Knisja, għandu l-potenzjal li jillibera l-qawwa li tinsab fil-familji.” Madankollu, dan jeħtieġ l-akbar sforzi tagħna; jeħtieġ li aħna “insegwuh kontinwament b’responsabbiltà u bir-reqqa ħalli jittrasforma djarna f’santwarju ta’ fidi” (“Insiru Qaddisin tal-Aħħar Jiem Eżemplari,” 113).

Wara kollox, kif qal ukoll il-President Nelson, “Aħna lkoll responsabbli għat-tkabbir spiritwali tagħna b’mod individwali” (“Rimarki tal-Ftuħ,” 8).

Bir-riżors Ejja, Imxi Warajja , il-Mulej qed jippreparana “għaż-żminijiet perikolużi li issa qegħdin niffaċċjaw” (Quentin L. Cook, “Konverżjoni Profond u Dejjiema,” 10). Huwa qed jgħinna nistabbilixxu “pedament sod, pedament li jekk il-bnedmin jibnu fuqu ma jfallu qatt” (Helaman 5:12)—il-pedament ta’ testimonjanza ankrata b’mod sod fil-blata tal-konverżjoni tagħna għall-Mulej Ġesù Kristu.

Jalla l-isforzi tagħna ta’ kuljum fl-istudju tal-iskrittura jiffortifikawna u juru li aħna denji tal-barkiet imwiegħda. Jiena nitlob dan f’isem Ġesù Kristu, amen.