2010-2019
Kunu Fidili, Mhux Bla Fidi
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Kunu Fidili, Mhux Bla Fidi

Aħna għandna deliberatament niddedikaw ħin kuljum biex niskonnettjaw ruħna minn mad-dinja u nikkonnettjaw ruħna mas-smewwiet.

M’ilux wisq qomt filgħodu u bdejt nipprepara biex nibda nistudja l-iskrittura. Qbadt l-ismartfon u poġġejt bilqiegħda f’siġġu li kien hemm ħdejn is-sodda tiegħi, bl-intenzjoni li niftaħ il-Gospel Library app. Jiena ftaħt il-mowbajl tiegħi u kont kważi se nibda nistudja meta rajt quddiemi nofs tużżana notifiki għall-messaġġi jew imejls li kienu daħlu tul il-lejl. F’moħħu għedt, “Ħa niċċekkja malajr dawk il-messaġġi, u mbagħad nibda mill-ewwel bl-iskrittura.” Mela, sagħtejn wara jiena kont għadni fuq il-mobwajl naqra l-messaġġi, l-imejls, l-aħbarijiet fil-qosor, u posts oħra fuq il-midja soċjali. Meta rrealizzajt x’ħin kien, jiena qomt b’għaġġla biex nipprepara għal dik il-ġurnata. Dik l-għodwa jiena mmissjajt l-istudju tiegħi tal-iskrittura, u konsegwentament jiena ma rċevejtx in-nutriment spiritwali li kont qed nittama għalih.

Nutriment Spiritwali

Jiena ċert li ħafna minnkom tistgħu tirrelataw ma’ dan. It-teknoloġiji moderni jberkuna f’diversi modi. Huma jistgħu jikkonnettjawna mal-ħbieb u l-familja tagħna, b’informazzjoni, u b’aħbarijiet dwar ġrajjiet kurrenti minn madwar id-dinja. Madankollu, huma jistgħu wkoll jaljenawna mill-aktar konnessjoni importanti: il-konnessjoni tagħna mas-smewwiet.

Jiena se nirrepeti dak li qal il-profeta tagħna, il-President Russell M. Nelson: “Aħna ngħixu f’dinja li hija mill-aktar kumplessa u li aktar ma tmur aktar qed issir kontroversjali. Id-disponibiltà kostanti tal-midja soċjali u l-aħbarijiet 24 siegħa kontinwa jinsabu l-ħin kollu jimbumbardjawna b’ messaġġi persistenti. Jekk aħna rridu li jkollna tama li nkunu kapaċi niflu sew il-ħafna opinjonijiet u filosofiji tal-bnedmin li jattakkaw il-verità, jeħtieġ li aħna nitgħallmu nirċievu r-rivelazzjoni.”

Il-President Russell M. Nelson għallem, li “fiż-żmien li ġej, mhux se jkun possibbli li aħna nsalvaw spiritwalment mingħajr il-gwida, id-direzzjoni, il-faraġ u l-influwenza kostanti tal-Ispirtu s-Santu.”1

Snin ilu, il-President Boyd K. Packer tkellem dwar merħla ċriev li, minħabba l-kwantità kbira ta’ silġ, inqabdu barra lil hinn mill-abitat naturali tagħhom u kien hemm iċ-ċans li jmutu bil-ġuħ. Xi nies b’intenzjoni tajba, fi sforz biex isalvaw liċ-ċriev, tefgħu permezz tat-trakkijiet għadd kbir ta’ ħuxlief madwar il-post fejn kienu—dan ma kienx l-ikel li ċ-ċriev normalment jieklu, iżda huma ttamaw li għallinqas iċ-ċriev ikunu jistgħu jsalvaw tul ix-xitwa. Sfortunatament, ħafna miċ-ċriev wara nstabu mejtin. Huma kielu l-ħuxlief, iżda dan ma tahomx in-nutriment li kellhom bżonn, u huma spiċċaw biex mietu bil-ġuħ bl-istonku tagħhom mimli.2

Ħafna mill-messaġġi li jibbumbardjawna fi żmien l-informazzjoni huma l-ekwivalenti spiritwali għal meta titma l-ħuxlief liċ-ċriev—nistgħu nagħmlu l-jum kollu nikluhom, iżda huma mhux se jagħtuna n-nutrijenti li neħtieġu.

Fejn nistgħu nsibu l-veru nutriment spiritwali? Ħafna drabi, dan ma jkunx popolari fuq il-midja soċjali. Insibuh meta aħna “nimxu ’l quddiem” fit-triq tal-patt, “kontinwament inżommu sod mal-virga tal-ħadid,” u nieklu mill-frott tas-siġra tal-ħajja.3 Dan ifisser li aħna għandna deliberatament niddedikaw ħin kuljum biex niskonnettjaw ruħna minn mad-dinja u nikkonnettjaw ruħna mas-smewwiet.

Fil-ħolma tiegħu, Leħi ra ċertu nies jieklu mill-frott iżda mbagħad bdew jabbandunawh minħabba l-influwenza tal-bini kbir u spazjuż, il-kburija tad-dinja.4 Huwa possibbli li ż-żgħażagħ jitrabbew f’dar tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem, jattendu l-laqgħat u l-lezzjonijiet kollha tal-Knisja, u saħansitra jipparteċipaw fl-ordinanzi tat-tempju, u jispiċċaw jitbiegħdu “f’toroq ipprojbiti, u jintilfu.”5 Għaliex jiġri dan? F’ħafna każijiet dan iseħħ minħabba li, filwaqt li huma jkunu għaddejjin minn ċerti mozzjonijiet ta’ spiritwalità, huma ma jkunux verament konvertiti. Huma jkunu mtlew bl-ikel iżda mhux bin-nutriment.

Immaġni
Attività taż-Żgħażagħ

B’kuntrast għal dan, jiena ltqajt ma’ ħafna minnkom il-Qaddisin tal-Aħħar Jiem żgħażagħ li intom verament intelliġenti, b’saħħitkom u fidili. Intom tafu li intom ulied Alla u li Huwa għandu ħidma għalikom xi twettqu. Intom tħobbu lil Alla “b’qalbkom kollha, bis-setgħa tagħkom kollha, b’moħħkom kollu, u bil-qawwa tagħkom kollha.”6 Intom iżżommu l-patti tagħkom u taqdu lil ħaddieħor, u tibdew tagħmlu dan minn darkom. Intom teżerċitaw il-fidi, tindmu, u titjiebu kuljum, u dan iġibilkom ferħ dejjiem. Intom qed titħejjew għall-barkiet tat-tempju u għal opportunitajiet oħra li se jkollkom bħala dixxipli tas-Salvatur. U intom qed tgħinnu tħejju d-dinja għat-Tieni Miġja, billi tistiednu lil kulħadd biex jersaq lejn Kristu u jirċievi l-barkiet tal-Espjazzjoni Tiegħu. Intom tinsabu kkonnettjati mas-smewwiet.

Immaġni
Vjaġġ taż-żgħażagħ għat-tempju

Iva, intom tħabbtu wiċċkom ma’ ċerti sfidi. Iżda l-istess għamlu dawk li kienu parti minn kull ġenerazzjoni oħra. Dan huwa żmienna, u jeħtieġ li nkunu fidili, mhux bla fidi. Jiena nixhed li l-Mulej jaf dwar l-isfidi tagħna, u permezz tat-tmexxija tal-President Nelson, Huwa qed iħejjina biex niffaċċjawhom. Jien nemmen li s-sejħa riċenti tal-profeta għal knisja ċċentrata madwar id-dar, issapportjata minn dak li nagħmlu fil-bini tagħna,7 hija mfassla biex tgħinna nibqgħu ngħixu—anke niffjorixxu—f’dan iż-żmien ta’ malnutrizzjoni spiritwali.

Iċċentrata Madwar id-Dar

Xi tfisser li tkun knisja ċċentrata madwar id-dar? Id-djar tagħna madwar id-dinja jafu jidhru verament differenti. Intom tafu tagħmlu parti minn familja li ilha ġenerazzjonijiet sħaħ fil-Knisja. Jew jista’ jkun li inti l-uniku membru tal-Knisja fil-familja tiegħek. Jista’ jkun li intom miżżewġin jew single, bit-tfal jew mingħajr tfal id-dar.

Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħkom, intom tistgħu tagħmlu d-dar tagħkom iċ-ċentru tat-tagħlim u l-għixien tal-evanġelju. Dan sempliċiment ifisser li tieħdu ċerta responsabbiltà personali għall-konverżjoni u t-tkabbir spiritwali tagħkom. Ifisser li timxu wara l-kunsill tal-President Nelson “li timmudellaw mill-ġdid id-dar tagħkom f’santwarju ta’ fidi.”8

L-avversarju jipprova jipperswadikom li n-nutriment spiritwali mhuwiex neċessarju jew, u hawn jaf ikun iktar makakk, li dan in-nutriment jista’ jistenna. Huwa l-imgħallem tad-distrazzjoni u l-awtur tat-tnikkir. Huwa jgħabbilek moħħok b’affarijiet li jidhru urġenti iżda, fil-verità, mhumiex daqstant importanti. Huwa jipprova jara li inti tispiċċa tant “inkwetat fuq ħafna ħwejjeġ” li tasal biex twarrab “l-unika ħaġa meħtieġa.”9

Kemm jiena grat għall-“ġenituri twajbin,” tiegħi10 li rabbew il-familja tagħhom f’dar mimlija b’nutriment spiritwali kontinwu, b’relazzjonijiet ta’ mħabba, u b’attivitajiet rikreattivi xierqa. It-tagħlim li huma pprovdew fiż-żogħżija tiegħi kien verament ta’ benefiċċju għalija. Intom il-ġenituri, jekk jogħġobkom ibnu relazzjonijiet b’saħħithom ma’ wliedkom. Huma jeħtieġu aktar mill-ħin tagħkom, mhux anqas.

Issapportjata mill-Knisja

Hekk kif tagħmlu dan, il-Knisja tkun tinsab hemm biex tissapportjakom. L-esperjenzi tagħna fil-knisja jistgħu jirrinforzaw in-nutriment spiritwali li jkun qed jingħata fid-dar. S’issa din is-sena rajna dan it-tip ta’ sapport tal-Knisja fl-Iskola tal-Ħadd u fil-Primarja. Se naraw aktar minn dan is-sapport fil-laqgħat tas-Saċerdozju ta’ Aaron kif ukoll fil-laqgħat tat-Tfajliet. Mill-bidu ta’ Jannar li ġej, il-kurrikulu għal dawn il-laqgħat se jinbidel xi ftit. Xorta se jibqa’ jiffoka fuq suġġetti tal-evanġelju, iżda dawk is-suġġetti se jiġu allinjati ma’ Come, Follow Me—For Individuals and Families. Din hi biss bidla żgħira, iżda tista’ tagħmel impatt kbir fin-nutriment spiritwali taż-żgħażagħ.

X’tip ta’ sapport ieħor tipprovdi l-Knisja? Fil-knisja aħna nieħdu sehem fis-sagrament, xi ħaġa li tgħinna nerġgħu nistabbilixxu kull ġimgħa l-impenn tagħna lejn is-Salvatur. U fil-Knisja aħna ninġabru flimkien ma’ fidili oħra li għamlu l-istess patti. Ir-relazzjonijiet kollha mħabba li aħna niżviluppaw ma’ dixxipli oħra ta’ Ġesù Kristu jafu jkunu ta’ sapport qawwi għall-isforzi tagħna, bħala dixxipli, iċċentrati madwar id-dar.

Meta jiena kelli 14-il sena, jien mort noqgħod flimkien mal-familja tiegħi f’akwati ġodda. Issa, din għalikom taf tidher li ma kenitx xi traġedja terribbli, iżda f’moħħi, f’dak iż-żmien, kienet xi ħaġa mill-aktar devastanti. Kien ifisser li jien kont se nkun imdawwar b’nies li ma nafhomx. Kien ifisser li l-ġuvintur kollha fil-qasam tiegħi kienu se jkunu qed jattendu skola differenti minni. U fil-moħħ tiegħi bħala tfajjel ta’ 14-il sena, jiena ħsibt, “X’fettilhom il-ġenituri tiegħi għamluli hekk?” Ħassejt bħallikieku ħajti kienet irrovinata.

Madankollu, permezz tal-attivitajiet tagħna tal-Ġuvintur, jiena kont kapaċi nibni ċerta relazzjonijiet mal-membri l-oħra tal-kworum tiegħi, u huma saru ħbieb tiegħi. Barra minn hekk, ċerti membri tal-veskovat u konsulenti tas-Saċerdozju ta’ Aaron bdew jieħdu interess speċjali f’ħajti. Huma attendew l-avvenimenti tiegħi tal-atletika. Huma kitbuli noti ta’ inkuraġġiment li għadni nżomm sal-lum. Huma komplew iżommu kuntatt miegħi wara li jiena mort l-università u meta tlaqt għal missjoni. Wieħed minnhom anke ġie jilqagħni fl-ajruport meta jiena ġejt lura d-dar. Jiena se nkun għal dejjem grat għal dawn l-aħwa twajbin u l-kombinazzjoni tagħhom ta’ mħabba u aspettattivi għoljin. Huma ggwidawni lejn is-smewwiet, u l-ħajja saret waħda sabiħa, hienja, u kollha ferħ.

Kif nistgħu aħna, bħala ġenituri u mexxejja, ngħinu liż-żgħażagħ ikunu jafu li huma ma jinsabux weħidhom hekk kif jimxu fit-triq tal-patt? Minbarra li jibnu ċerti relazzjonijiet personali, aħna nistednuhom għal xi ġabra, kbira u żgħira, fejn huma jkunu jistgħu jinġabru flimkien—minn konferenzi ta’ Għas-Sodizza taż-Żgħażagħ u l-kampijiet taż-żgħażagħ, sal-attivitajiet ta’ kull ġimgħa tal-kworum u tal-klassi. Qatt tissottovalutaw il-qawwa li tiġi meta aħna ninġabru flimkien ma’ oħrajn li wkoll qed jippruvaw jibqgħu sodi. Intom l-isqfijiet u mexxejja oħra, jekk jogħġobkom iffokaw fuq li ssostnu lit-tfal u ż-żgħażagħ tal-qasam tagħkom. Huma jeħtieġu aktar mill-ħin tagħkom, mhux anqas.

Kemm jekk inti mexxej, ġar, membru tal-kworum, jew sempliċiment Qaddis bħalna, jekk inti għandek l-opportunità li tinfluwenza l-ħajja ta’ xi żgħażagħ, ara li tgħinhom jagħmlu kuntatt mas-smewwiet. L-influwenza tagħkom taf tkun eżattament “is-sapport tal-Knisja” li dik il-persuna żagħżugħa teħtieġ.

Ħuti, jiena nixhed li Ġesù Kristu huwa l-kap ta’ din il-Knisja. Huwa qed jispira lill-mexxejja tagħna u jiggwidana lejn in-nutriment spiritwali li aħna neħtieġu biex nibqgħu ngħixu u niffjorixxu fl-aħħar jiem. Dak in-nutriment spiritwali jgħinna nkunu fidili u mhux bla fidi. F’isem Ġesù Kristu, amen.