2010-2019
Ulied Għeżież
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


Ulied Għeżież

Fil-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu fit-Tfajliet hemm ix-xewqa tagħna li ngħinukom tiksbu fidi soda fil-Mulej Ġesù Kristu.

Għeżież ħuti, inħossni verament ferħana li ninsab hawn magħkom! Aħna qegħdin naraw b’għajnejna nixxiegħa ta’ rivelazzjoni li hi kemm spiritwalment ta’ sfida kif ukoll ta’ tqanqil il-qalb.

Biex nagħtu bidu, nixtieq nintroduċikom ma’ xi ħbieb; huma tfajliet mill-aktar uniċi fejn jidħol talent, drawwiet, u ċ-ċirkustanzi kemm individwali kif ukoll tal-familja tagħhom. Kollha kemm huma, bħalkom ilkoll, ħallew effett kbir fuqi.

Immaġni
Bella

L-ewwel, iltaqgħu ma’ Bella. Hi tieqaf soda bħala l-unika tfajla fil-fergħa tagħha fl-Islanda.

Immaġni
Josephine

Iltaqgħu ma’ Josephine, tfajla devota mill-Afrika, li reġgħet ikkommettiet ruħha li tistudja l-Ktieb ta’ Mormon kuljum. Hi qed tiskopri l-qawwa u l-barkiet li jinkisbu minn dan l-att sempliċi u fidil.

Immaġni
Ashtyn

U finalment, iltaqgħu mal-għażiża ħabiba tiegħi Ashtyn, tfajla straordinarja li għaddiet għal ħajja oħra wara battalja ta’ sitt snin mal-kanċer. L-eku tat-testimonjanza kbira tagħha tal-Espjazzjoni ta’ Ġesù Kristu għadu jidwi f’qalbi.

Intom ilkoll tfajliet meraviljużi. Intom uniċi, kull waħda minnkom għandha d-doni u l-esperjenzi tagħha u madankollu intom ilkoll tixxiebhu b’mod mill-aktar importanti u etern.

Intom letteralment ulied spirti nisa ta’ Ġenituri tas-Smewwiet, u xejn ma jista’ jisseparakom mill-imħabba Tagħhom u l-imħabba tas-Salvatur tagħkom.1 Hekk kif tersqu aktar viċin Tiegħu, anke jekk tagħmlu l-iċken passi ta’ tarbija ’l quddiem, intom tiskopru l-paċi dejjiema li ssaltan f’ruħkom bħala dixxipli fidili tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu.

Il-President Russell M. Nelson, il-profeta għażiż tagħna, talabni naqsam magħkom xi tibdil ispirat li se jgħinkom “tiżviluppaw il-potenzjal personali u sagru tagħkom”2 u jkabbar l-influwenza tajba tagħkom. Illejla jiena se nindirizza erba’ oqsma ta’ tibdil.

It-Tema tat-Tfajliet

L-ewwel, fil-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu fit-Tfajliet hemm ix-xewqa tagħna li ngħinukom tiksbu fidi soda fil-Mulej Ġesù Kristu3 u għarfien ċert tal-identità divina tagħkom bħala wlied Alla.

Illejla, nixtieq inħabbar reviżjoni fit-tema tat-Tfajliet. Nitlob li intom tħossu l-Ispirtu s-Santu jixhed dwar il-verità ta’ dan il-kliem hekk kif se nlissen it-tema l-ġdida:

Jiena bint għażiża ta’ ġenituri tas-smewwiet,4 b’natura divina u destin etern.5

Bħala dixxiplu ta’ Ġesù Kristu,6 nagħmel l-almu tiegħi biex insir nixbhu.7 Jiena nfittex u naġixxi skont ir-rivelazzjoni personali8 u nimministra lill-oħrajn fl-isem imqaddes Tiegħu.9

Jiena se nieqaf bħala xhud ta’ Alla f’kull ħin u f’kollox, u kullimkien.10

Hekk kif nagħmel l-almu tiegħi biex nikkwalifika għall-eżaltazzjoni,11 jiena ngħożż id-don tal-indiema12 u nfittex li nitjieb kuljum.13 B’fidi,14 jiena nsaħħaħ id-dar u l-familja tiegħi,15 nagħmel u nżomm patti sagri,16 u nirċievi l-ordinanzi17 u l-barkiet tat-tempju mqaddes.18

Innutaw il-bidla minn “aħna” għal “jiena.” Dawn il-veritajiet japplikaw għalik individwalment. Għax inti bint għażiża ta’ Ġenituri tas-Smewwiet. Għax inti dixxiplu tal-patt tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Nistiednek biex tistudja u tixtarr dan il-kliem. Jiena naf li kif tagħmel dan, inti tikseb testimonjanza tal-verità tiegħu. Li tifhem dawn il-veritajiet jibdel il-mod kif inti tiffaċċja l-isfidi tiegħek. Li tkun taf l-identità u l-għan tiegħek jgħinek tallinja r-rieda tiegħek ma’ tas-Salvatur.

Inti tħoss il-paċi u tiġi ggwidata hekk kif timxi wara Ġesù Kristu.

Klassijiet tat-Tfajliet

It-tieni qasam ta’ tibdil jaffettwa l-klassijiet tat-Tfajliet. Il-Presbiteru Neal A. Maxwell qal, “Ħafna drabi dak li n-nies jeħtieġu verament hu li jkunu protetti mill-maltemp tal-ħajja fis-santwarju tal-appartenenza.”19 Il-klassijiet tagħna għandhom ikunu santwarji li jipproteġuna mill-maltemp, postijiet siguri ta’ mħabba u appartenenza. Fi sforz biex nibnu aktar għaqda, insaħħu l-ħbiberiji, u nkabbru dak is-sentiment ta’ appartenenza fi ħdan it-Tfajliet, aħna qed nagħmlu xi tibdil fl-istruttura tal-klassi.

Għal aktar minn 100 sena, it-tfajliet kienu qed jiġu maqsumin fi tliet klassijiet. B’effett immedjat, aħna nistiednu lill-mexxejja tat-Tfajliet u l-isqfijiet biex bl-għajnuna tat-talb jikkunsidraw il-bżonnijiet ta’ kull tfajla u jorganizzawhom skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam. Dawn huma xi ftit eżempji ta’ x’tistgħu tagħmlu.

  • Jekk ma tantx għandkom tfajliet, jista’ jkollkom klassi waħda ta’ Tfajliet fejn kulħadd jiltaqa’ flimkien.

  • Jista’ jkun li għandkom grupp akbar ta’ tfajliet ta’ 12-il sena u mbagħad grupp żgħir ta’ tfajliet li huma akbar. Tistgħu tiddeċiedu li jkollkom żewġ klassijiet: Tfajliet 12 u Tfajliet 13-18.

  • Jew jekk għandkom qasam kbir li fih jattendu mas-60 tfajla, jista’ jkollkom sitt klassijiet, waħda għal kull età, organizzata skont is-sena.

Irrispettivament kif huma organizzati l-klassijiet tagħkom, intom it-tfajliet verament importanti biex tikber l-għaqda. Kunu dawl għal dawk ta’ madwarkom. Kunu sors ta’ l-istess imħabba u tjubija li tittamaw li intom tirċievu mingħand ħaddieħor. B’talba f’qalbkom, komplu ilħqu lil ħaddieħor u kunu dik il-forza għat-tajjeb. Hekk kif tagħmlu dan, ħajjitkom tkun mimlija tjubija. Intom tħossu fikom sentiment aktar ħelu lejn l-oħrajn u tibdew tarawhom iroddulkom lura it-tjubija tagħhom.

Ismijiet tal-Klassijiet tat-Tfajliet

It-tielet, b’din l-organizzazzjoni ġdida tal-klassi, il-klassijiet kollha se nirreferu għalihom permezz tal-isem, li jirrifletti l-għaqda, “Tfajliet.”20 Aħna mhux se nibqgħu nużaw l-ismijiet “Beehive,” “Mia Maid,” u “Laurel.”

Insaħħu l-Presidenzi tal-Klassi

L-aħħar qasam li nixtieq nindirizza huwa l-importanza tal-presidenzi tal-klassi. Irrispettivament kif inhuma organizzati l-klassijiet tat-Tfajliet, kull klassi għandha jkollha presidenza tal-klassi!21 Huwa permezz ta’ pjan divin li t-tfajliet huma msejħa biex imexxu fiż-żogħżija tagħhom.

L-irwol u l-għan ta’ presidenzi ta’ klassi ġie msaħħaħ u definit b’mod aktar ċar. Il-ħidma tas-salvazzjoni hija waħda minn dawn ir-responsabbiltajiet sinifikanti, partikolarment fl-oqsma tal-ministeru, tal-ħidma missjunarja, tal-attivazzjoni, u tal-ħidma tat-tempju u tal-istorja tal-familja.22 Iva, dan hu kif niġbru flimkien lil Iżrael23—ħidma glorjuża għat-tfajliet kollha bħala membri tal-battaljun taż-żgħażagħ tal-Mulej.

Kif tafu, f’kull livell tal-Knisja, il-Mulej isejjaħ presidenzi biex imexxu lill-poplu Tiegħu. Intom it-tfajliet, li tkunu membru ta’ presidenza ta’ klassi taf tkun l-ewwel opportunità tagħkom li tipparteċipaw f’dan il-mudell ispirat ta’ tmexxija. Intom il-mexxejja adulti, araw li għalikom is-sejħa ta’ presidenzi ta’ klassi tkun prijorità u mbagħad araw li tmexxu spalla ma’ spalla magħhom, iggwidawhom ħalli jkunu jistgħu jirnexxu.24 Hu x’inhu l-livell ta’ esperjenza ta’ tmexxija li għandha l-presidenza tal-klassi, ibdew minn fejn jinsabu bħalissa u għinuhom jiżviluppaw il-ħiliet u l-kunfidenza li jberkuhom bħala mexxejja. Ibqgħu viċin tagħhom, iżda tippruvawx tagħmlu kollox intom. L-Ispirtu jiggwidakom hekk kif intom tiggwidaw lilhom.

Immaġni
Chloe

Biex nuri l-irwol tant importanti tal-ġenituri u l-mexxejja bħala mentors, ippermettuli ngħidilkom storja. Chloe ssejħet biex isservi bħala president tal-klassi. Il-mexxej tas-saċerdozju għaqli tagħha ħeġġiġha biex tfittex l-għajnuna tal-Mulej biex tirrakkomanda ismijiet għall-presidenza tagħha. Chloe talbet dwar dan u fi żmien pjuttost qasir irċeviet ispirazzjoni dwar min għandha tirrakkomanda bħala l-kunsilliera tagħha. Hekk kif hi kompliet tixtarr u titlob dwar segretarja, l-Ispirtu ripetutament beda juriha f’moħħha tfajla li verament issorprendietha—tfajla li rari kienet tattendi l-knisja jew l-attivitajiet.

Peress li ħassitha xi ftit inċerta dwar din l-ispirazzjoni, Chloe tkellmet m’ommha, li spjegatilha li wieħed mill-modi kif hija tista’ tirċievi rivelazzjoni hu permezz ta’ ħsibijiet rikurrenti. B’kunfidenza ġdida, Chloe ħasset li setgħet tirrakkomanda lil din it-tfajla. L-isqof estenda s-sejħa, u din it-tfajla aċċettat. Wara li ġiet distinta, din is-segretarja mill-aktar simpatika qalet, “Taf xejn, jiena qatt ma ħassejtni nappartieni jew li kien hemm bżonni x’imkien. Dejjem ħassejtni qisni xi ħuta barra mill-ilma. Iżda b’din is-sejħa, inħossni bħallikieku Missierna tas-Smewwiet għandu għan u post għalija.” Hekk kif Chloe u ommha ħarġu mil-laqgħa, Chloe daret fuq ommha u bi dmugħ f’għajnejha qalet, “Ir-rivelazzjoni hi xi ħaġa reali! Ir-rivelazzjoni verament taħdem!”

Intom il-presidenzi tal-klassi, intom ġejtu msejħin minn Alla u fdati biex tmexxu grupp ta’ wlied Alla. “Il-Mulej jafkom. … Huwa għażilkom.”25 Intom ġejtu distinti minn wieħed li għandu l-awtorità tas-saċerdozju; dan ifisser li hekk kif intom twettqu d-dmirijiet tas-sejħa tagħkom, intom tkunu qed teżerċitaw l-awtorità tas-saċerdozju. Intom għandkom ħidma importanti xi twettqu. Kunu sensittivi għas-suġġerimenti tal-Ispirtu s-Santu u aġixxu skont dawn l-istess suġġerimenti. Hekk kif tagħmlu dan, intom tkunu tistgħu sservu b’kunfidenza, għaliex intom ma sservux weħidkom!

Intom il-presidenti tal-klassi, aħna neħtieġu l-għerf, il-leħen, u l-enerġija tagħkom fil-kunsill il-ġdid taż-żgħażagħ tal-qasam li l-Presbiteru Quentin L. Cook għadu kif ħabbar illum. Intom parti essenzjali mis-soluzzjoni biex tilħqu l-bżonnijiet ta’ ħutkom.26

Dan it-tibdil fl-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-klassi jibda hekk kif l-oqsma u l-fergħat ikunu lesti biex jibdew iżda għandu jiġi inforzat mill-1 ta’ Jannar, 2020.

Għeżież ħuti, jiena naqsam magħkom ix-xhieda tiegħi li dan it-tibdil li tkellimt dwaru llum huwa direzzjoni spirata mill-Mulej. Hekk kif b’diliġenza aħna nimplimentaw dan it-tibdil, jalla aħna qatt ma nieqfu niffokaw fuq l-għan tagħna: li nsaħħu d-determinazzjoni tagħna li nimxu wara Ġesù Kristu u ngħinu lil oħrajn jersqu lejh. Jiena nixhed li din hi l-Knisja Tiegħu. Kemm jiena grata li Huwa jagħtina ċ-ċans li nkunu parti mill-aktar importanti tal-ħidma sagra Tiegħu.

Nitlob li l-istess Spirtu li ggwida dan it-tibdil jiggwida lilkom hekk kif tibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-patt. Jiena nixhed dan f’isem Ġesù Kristu, amen.