Skrittura
1 Nefi 14


Kapitlu 14

Anġlu jgħid lil Nefi dwar il‑barkiet u s‑saħtiet li se jinżlu fuq il‑Ġentili—Hemm biss żewġ knejjes: il‑Knisja tal‑Ħaruf ta’ Alla u l‑knisja tax‑xitan—Il‑Qaddisin ta’ Alla f’kull ġens jiġu ppersegwitati mill‑knisja kbira u moqżieża—L‑Appostlu Ġwanni se jikteb dwar tmiem id‑dinja. Madwar 600–592 Q.K.

1 U ġara, li jekk il‑Ġentili jisimgħu mill‑Ħaruf ta’ Alla f’dak il‑jum li huwa se juri lilu nnifsu lilhom fil‑kelma, kif ukoll fil‑qawwa, sewwasew, li jneħħi minn quddiemhom kull ostaklu—

2 U ma jwebbsux qalbhom kontra l‑Ħaruf ta’ Alla, huma jingħaddu ma’ nisel missierek; iva, huma jingħaddu mad‑dar ta’ Iżrael; u huma jkunu poplu mbierek fl‑art imwiegħda għal dejjem; huma qatt aktar ma jittieħdu fil‑jasar; u d‑dar ta’ Iżrael qatt aktar ma jkollha bżonn tbeżbiża.

3 U dik il‑ħofra kbira, li ġiet imħaffra għalihom minn dik il‑knisja kbira u moqżieża, li twaqqfet mix‑xitan u wliedu, ħalli hu jkun jista’ jwassal l‑erwieħ tal‑bnedmin sal‑qiegħ tal‑infern—iva, dik il‑ħofra kbira li ġiet imħaffra għall‑qerda tal‑bnedmin se timtela b’dawk li ħaffruha, biex fiha huma jinqerdu, jgħid il‑Ħaruf ta’ Alla; mhux il‑qerda tar‑ruħ, sakemm ma tiġix mitfugħa f’dak l‑infern li m’għandu l‑ebda tmiem.

4 Għax araw, dan hu skont il‑jasar tax‑xitan, kif ukoll skont il‑ġustizzja ta’ Alla, fuq dawk kollha li jagħmlu l‑ħażen u ħwejjeġ moqżieża quddiemu.

5 U ġara li l‑anġlu kellem lili, Nefi, u qalli: Inti rajt li jekk il‑Ġentili jindmu huma jkollhom ir‑risq; u inti taf ukoll dwar il‑patti tal‑Mulej mad‑dar ta’ Iżrael; u inti smajt ukoll illi dawk kollha li ma jindmux sejrin jinqerdu.

6 Għalhekk, ħażin ikun għalihom il‑Ġentili jekk huma jwebbsu qalbhom kontra l‑Ħaruf ta’ Alla.

7 Għax jasal iż‑żmien, jgħid il‑Ħaruf ta’ Alla, li jiena nwettaq ħidma kbira u tal‑għaġeb fost ulied il‑bnedmin; ħidma li se tibqa’ għal dejjem, b’mod jew ieħor—kemm biex tipperswadihom għas‑sliem u l‑ħajja ta’ dejjem, jew biex teħleshom mill‑ebusija ta’ qalbhom u l‑għama ta’ moħħhom li jwassluhom biex jispiċċaw fil‑jasar, kif ukoll jinqerdu, kemm b’mod temporali kif ukoll spiritwali, skont il‑jasar tax‑xitan, li jiena tkellimt dwaru.

8 U ġara li meta l‑anġlu lissen dan il‑kliem, huwa qalli: Tiftakar inti l‑patti tal‑Missier mad‑dar ta’ Iżrael? U jien għidtlu, Iva.

9 U ġara li huwa qalli: Ħares, u ara dik il‑knisja kbira u moqżieża, li hi omm il‑qżiżijiet, li l‑fundatur tagħha huwa x‑xitan.

10 U huwa qalli: Ara hemm biss żewġ knejjes; waħda hija l‑knisja tal‑Ħaruf ta’ Alla, u l‑oħra hija l‑knisja tax‑xitan; għalhekk, min mhuwiex parti mill‑knisja tal‑Ħaruf ta’ Alla jagħmel parti minn dik il‑knisja kbira, li hija omm il‑qżiżijiet; u hija l‑prostituta tad‑dinja kollha.

11 U ġara li jien ħarist u rajt lill‑prostituta tad‑dinja kollha, u hi kienet bilqiegħda fuq ħafna ilmijiet; u hi kienet issaltan fuq l‑art kollha, fost kull ġens, tribù, ilsien, u poplu.

12 U ġara li jiena rajt il‑knisja tal‑Ħaruf ta’ Alla, u n‑numri tagħha kienu żgħar, minħabba l‑ħażen u l‑ħwejjeġ moqżieża tal‑prostituta li kienet bilqiegħda fuq ħafna ilmijiet; madankollu, jiena rajt li l‑knisja tal‑Ħaruf ta’ Alla, li kienu l‑qaddisin ta’ Alla, kienu wkoll fuq wiċċ l‑art kollha; u s‑saltna tagħhom fuq wiċċ l‑art kienet żgħira, minħabba l‑ħażen tal‑prostituta l‑kbira li jiena rajt.

13 U ġara li jiena rajt li l‑omm il‑kbira tal‑qżiżijiet ġabret flimkien folol kbar fuq wiċċ l‑art kollha, fost il‑ġnus kollha tal‑Ġentili, biex teħodha kontra l‑Ħaruf ta’ Alla.

14 U ġara li jien, Nefi, rajt il‑qawwa tal‑Ħaruf ta’ Alla, li niżlet fuq il‑qaddisin tal‑knisja tal‑Ħaruf, u fuq il‑poplu tal‑patt tal‑Mulej, li kien jinsab imxerred fuq wiċċ l‑art kollha; u huma kienu armati bis‑sewwa u bil‑qawwa ta’ Alla fi glorja kbira.

15 U ġara li jiena rajt li Alla sawwab il‑korla tiegħu fuq dik il‑knisja kbira u moqżieża, hekk li kien hemm gwerer u xnigħat ta’ gwerer fost kull ġens u tribù tad‑dinja.

16 U hekk kif beda jkun hemm il‑gwerer u x‑xnigħat ta’ gwerer fost il‑ġnus kollha li kienu parti minn omm il‑qżiżijiet, l‑anġlu kellimni u qalli: Ara, il‑korla ta’ Alla tinsab fuq omm in‑nisa żienja; u ara, inti tista’ tara dan kollu—

17 U meta jasal il‑jum li fih il‑korla ta’ Alla tissawwab fuq omm in‑nisa żienja, li hija l‑knisja kbira u moqżieża tal‑art kollha, li l‑fundatur tagħha huwa x‑xitan, imbagħad, f’dak il‑jum, jingħata bidu għall‑ħidma tal‑Missier, li titħejja t‑triq għat‑twettiq tal‑patti tiegħu, li huwa għamel mal‑poplu tiegħu li hu mid‑dar ta’ Iżrael.

18 U ġara li l‑anġlu kellimni u qalli: Ħares!

19 U jien ħarist u rajt raġel, u hu kien liebes mantar abjad.

20 U l‑anġlu qalli: Ara wieħed mit‑tnax‑il appostlu tal‑Ħaruf.

21 Ara, huwa se jara u jikteb il‑kumplament ta’ dawn il‑ħwejjeġ; iva, kif ukoll bosta ħwejjeġ li seħħew.

22 U huwa se jikteb ukoll dwar tmiem id‑dinja.

23 Għalhekk, il‑ħwejjeġ li huwa se jikteb huma ġusti u vera; u ara huma jinsabu miktubin fil‑ktieb li inti rajt li se joħroġ minn fomm il‑Lhud; u fiż‑żmien li ħarġu minn fomm il‑Lhud, jew, fiż‑żmien li l‑ktieb ħareġ minn fomm il‑Lhud, il‑ħwejjeġ li nkitbu fih kienu sempliċi u safja, u mill‑aktar prezzjużi u li setgħu jinftiehmu faċilment mill‑bnedmin kollha.

24 U ara, il‑ħwejjeġ li dan l‑appostlu tal‑Ħaruf se jikteb huma ħafna mill‑ħwejjeġ li inti rajt; u ara, il‑kumplament inti sejjer tara.

25 Iżda l‑ħwejjeġ li inti se tara minn issa ’l quddiem tiktibhomx; għax il‑Mulej Alla għażel lill‑appostlu tal‑Ħaruf ta’ Alla biex jiktibhom.

26 Kif ukoll oħrajn li ġew qabel, lilhom huwa wera kollox, u huma kitbuhom; u huma jinsabu ssiġillati biex jitwasslu fis‑safà tagħhom, skont il‑verità li tinsab fil‑Ħaruf, fiż‑żmien li jagħżel il‑Mulej, għand id‑dar ta’ Iżrael.

27 U jien, Nefi, smajt u nixhed, li l‑isem tal‑appostlu tal‑Ħaruf kien Ġwanni, skont il‑kelma tal‑anġlu.

28 U ara, jien, Nefi, ġejt mitlub biex ma niktibx il‑kumplament tal‑ħwejjeġ li jiena rajt u smajt; għalhekk il‑ħwejjeġ li jiena ktibt huma biżżejjed għalija; u jien ktibt biss parti żgħira mill‑ħwejjeġ li jiena rajt.

29 U jiena nixhed li jiena rajt il‑ħwejjeġ li ra missieri, u l‑anġlu tal‑Mulej żvela dawn il‑ħwejjeġ lili.

30 U issa jien se nieqaf nitkellem dwar il‑ħwejjeġ li jiena rajt waqt li ġejt meħud fl‑Ispirtu; u jekk il‑ħwejjeġ kollha li jiena rajt ma ġewx miktubin, il‑ħwejjeġ li jiena ktibt huma vera. U hekk hu. Ammen.