Skrittura
1 Nefi 5


Kapitlu 5

Sarija tilmenta kontra Leħi—It‑tnejn jifirħu bir‑ritorn ta’ wliedhom—Huma joffru sagrifiċċji—Il‑pjanċi tal‑bronż fihom il‑kitbiet ta’ Mosè u tal‑profeti—Il‑pjanċi jidentifikaw lil Leħi bħala dixxendent ta’ Ġużeppi—Leħi jħabbar dwar in‑nisel tiegħu u dwar il‑priżervazzjoni tal‑pjanċi. Madwar 600–592 Q.K.

1 U ġara li wara li nżilna fid‑deżert għand missierna, araw, huwa mtela bil‑ferħ, u anke ommi, Sarija, kienet veru ferħana, għaliex hi kienet verament sewdet qalbha minħabba fina.

2 Għax hi ħasbet li aħna konna mitna fid‑deżert; u hi bdiet tilmenta wkoll kontra missieri, tgħidlu li hu kien bniedem viżjonarju; u qaltlu: Ara inti ħriġtna ’l barra mill‑art ta’ wirtna, u wliedi s‑subien għebu, u aħna se mmutu fid‑deżert.

3 U b’dan il‑mod ta’ diskors ommi bdiet tilmenta kontra missieri.

4 U ġara li missieri kellimha u qalilha: Jiena naf li jien bniedem viżjonarju, għaliex li kieku ma rajtx f’dehra l‑ħwejjeġ ta’ Alla ma kontx inkun naf it‑tjubija ta’ Alla, iżda kont nibqa’ f’Ġerusalemm, u kont ninqered flimkien ma’ ħuti.

5 Iżda ara, jiena ksibt art imwiegħda, u f’dawn il‑ħwejjeġ jiena nifraħ; iva, u jien naf li l‑Mulej sejjer jeħles lil uliedi minn idejn Laban, u se jerġa’ jniżżilhom għandna fid‑deżert.

6 U b’dan il‑mod ta’ diskors missieri, Leħi, farraġ lil ommi, Sarija, dwarna, waqt li aħna konna mexjin fid‑deżert lejn l‑art ta’ Ġerusalemm, biex niksbu l‑kitba tal‑Lhud.

7 U meta erġajna lura fit‑tinda ta’ missieri, araw huma ħassew ferħ kbir, u ommi mtliet bil‑faraġ.

8 U hi tkellmet u qalet: Issa naf fiż‑żgur li l‑Mulej ordna lil żewġi biex jaħrab fid‑deżert; iva, u naf fiż‑żgur ukoll li l‑Mulej żamm idejh fuq uliedi, u ħelishom minn idejn Laban, u tahom il‑qawwa li permezz tagħha huma setgħu jwettqu dak li ordnalhom il‑Mulej. U b’dan il‑mod ta’ diskors hija tkellmet.

9 U ġara li huma bdew jaqbżu bil‑ferħ, u offrew is‑sagrifiċċju u s‑sagrifiċċji tal‑ħruq lill‑Mulej; u huma raddew ħajr lil Alla ta’ Iżrael.

10 U wara li raddew ħajr lil Alla ta’ Iżrael, missieri, Leħi, ħa l‑annali li kienu mnaqqxin fuq il‑pjanċi tal‑bronż, u beda jiflihom mill‑bidu.

11 U hu ra li kien fihom il‑ħames kotba ta’ Mosè, li kienu jitkellmu dwar il‑ħolqien tad‑dinja, kif ukoll dwar Adam u Eva, li kienu l‑ewwel ġenituri tagħna;

12 U kien fihom ukoll l‑istorja tal‑Lhud sa mill‑bidu, li tibqa’ sejra sewwasew sal‑bidu tas‑saltna ta’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda;

13 Kif ukoll il‑profeziji tal‑profeti qaddisa, sa mill‑bidu, li jibqgħu sejrin sewwasew sal‑bidu tas‑saltna ta’ Sedekija; kif ukoll bosta profeziji li ġew imħabbra b’fomm Ġeremija.

14 U ġara li fuq il‑pjanċi tal‑bronż, missieri, Leħi, sab ukoll l‑arblu tar‑razza ta’ missirijietu; b’hekk kien jaf li hu kien ġej min‑nisel ta’ Ġużeppi; iva, sewwasew dak l‑istess Ġużeppi li kien bin Ġakobb, li ġie mibjugħ fl‑Eġittu, u li ġie mħares minn id il‑Mulej, sabiex ikun jista’ jħares lil missieru, Ġakobb, u lil daru milli jinqerdu bil‑ġuħ.

15 U huma kienu wkoll ittieħdu ’l barra mill‑jasar tal‑eżilju u ’l barra mill‑art tal‑Eġittu, minn dak l‑istess Alla li ħarishom.

16 U b’hekk missieri, Leħi, skopra l‑arblu tar‑razza ta’ missirijietu. U Laban ukoll kien min‑nisel ta’ Ġużeppi, għalhekk hu u missirijietu żammew l‑annali.

17 U issa meta missieri ra dan kollu, hu mtela bl‑Ispirtu, u beda jħabbar dwar in‑nisel tiegħu—

18 Li dawn il‑pjanċi tal‑bronż kellhom imorru fost kull ġens, tribù, ilsien, u poplu li kien ġej min‑nisel tiegħu.

19 Għalhekk, hu qal li dawn il‑pjanċi tal‑bronż m’għandhom jinqerdu qatt; lanqas id‑dija tagħhom m’għandha tonqos maż‑żmien. U hu ħabbar bosta ħwejjeġ dwar in‑nisel tiegħu.

20 U ġara li jien u missieri s’issa ħarisna l‑kmandamenti li ordnalna l‑Mulej.

21 U aħna ksibna l‑annali li ordnalna l‑Mulej, u flejnihom u sibna li kien fihom għaxqa; iva, sewwasew kienu ta’ valur kbir għalina, hekk li aħna stajna nippreservaw il‑kmandamenti tal‑Mulej għal uliedna.

22 Għalhekk, kien għerf fil‑Mulej li aħna kellna nġorruhom magħna, hekk kif imxejna fid‑deżert lejn l‑art imwiegħda.