Skrittura
1 Nefi 9


Kapitlu 9

Nefi jagħmel żewġ settijiet ta’ annali—It‑tnejn li huma jisimhom il‑pjanċi ta’ Nefi—L‑akbar pjanċi jinkludu fihom storja sekulari; dawk li huma iżgħar jittrattaw primarjament ħwejjeġ sagri. Madwar 600–592 Q.K.

1 U dan kollu missieri ra, u sema’, u qal, waqt li huwa għammar f’tinda, fil‑wied ta’ Lemwel, kif ukoll għadd kbir ta’ ħwejjeġ oħra, li ma jistgħux jinkitbu fuq dawn il‑pjanċi.

2 U issa, hekk kif jien tkellimt dwar dawn il‑pjanċi, araw dawn mhumiex il‑pjanċi li fuqhom se nagħmel rakkont sħiħ tal‑istorja tal‑poplu tiegħi; għax il‑pjanċi li fuqhom se nagħmel rakkont sħiħ tal‑poplu tiegħi tajthom l‑isem ta’ Nefi; għalhekk, huma jissejħu l‑pjanċi ta’ Nefi, li huma msemmija għalija; u dawn il‑pjanċi jisimhom ukoll il‑pjanċi ta’ Nefi.

3 Madankollu, jiena ngħatajt kmandamenti mill‑Mulej li għandi nagħmel dawn il‑pjanċi, għall‑għan speċjali li fuqhom ikun imnaqqax rakkont tal‑ministeru tal‑poplu tiegħi.

4 Fuq il‑pjanċi l‑oħra għandu jkun imnaqqax rakkont tas‑saltna tas‑slaten, u l‑gwerer u l‑ġlied tal‑poplu tiegħi; għalhekk dawn il‑pjanċi jittrattaw l‑aktar ħwejjeġ relatati mal‑ministeru; u l‑pjanċi l‑oħra jittrattaw l‑aktar ħwejjeġ relatati mas‑saltna tas‑slaten u l‑gwerer u l‑ġlied tal‑poplu tiegħi.

5 Għalhekk, il‑Mulej ordnali biex nagħmel dawn il‑pjanċi għal għan għaqli magħruf minnu, liema għan jiena ma nafux.

6 Iżda l‑Mulej jaf kull ħaġa sa mill‑bidu; għalhekk, hu jipprovdi mezz biex jitwettqu l‑għemejjel tiegħu kollha fost ulied il‑bnedmin; għax araw, hu għandu kull qawwa li jwettaq kull kelma li toħroġ minn fommu. U hekk hu. Ammen.