Skrittura
1 Nefi 1


L‑Ewwel Ktieb ta’ Nefi

Is‑Saltna u l‑Ministeru Tiegħu

Rakkont ta’ Leħi u martu Sarija, u l‑erba’ wliedu subien, li jisimhom, (mill‑kbir saż‑żgħir) Laman, Lemwel, Sam, u Nefi. Il‑Mulej iwissi lil Leħi biex jitlaq mill‑art ta’ Ġerusalemm, peress li hu jħabbar lin‑nies dwar ħżunithom u huma jippruvaw ineħħulu ħajtu. Hu jagħmel tlett ijiem miexi fid‑deżert mal‑familja tiegħu. Nefi jieħu lil ħutu u jerġa’ lura fl‑art ta’ Ġerusalemm għall‑annali tal‑Lhud. Ir‑rakkont tat‑tbatija tagħhom. Huma jieħdu lill‑ulied bniet ta’ Ismagħel b’marthom. Huma jaqbdu lill‑familji tagħhom u jitilqu fid‑deżert. It‑tbatija u t‑tiġrib tagħhom fid‑deżert. Ir‑rotta tal‑vjaġġi tagħhom. Huma jaslu ħdejn l‑ilmijiet il‑kbar. Ħut Nefi jeħduha kontrih. Huwa jagħlqilhom ħalqhom, u jibni ġifen. Huma jsemmu l‑post Kotra. Huma jaqsmu l‑ilmijiet il‑kbar lejn l‑art imwiegħda, u aktar. Dan hu skont ir‑rakkont ta’ Nefi; jew fi kliem ieħor, jien, Nefi, ktibt din il‑kitba.

Kapitlu 1

Nefi jibda l‑istorja tal‑poplu tiegħu—Leħi jara f’dehra kolonna tan‑nar u jaqra minn ktieb ta’ profezija—Hu jagħti tifħir lil Alla, ibassar dwar il‑miġja tal‑Messija, u jħabbar dwar il‑qerda ta’ Ġerusalemm—Hu jiġi ppersegwitat mil‑Lhud. Madwar 600 Q.K.

1 Jien, Nefi, li twelidt minn ġenituri twajbin, u b’hekk ġejt mgħallem xi ftit jew wisq f’kull ħaġa li kien jaf missieri; u li tul ħajti rajt daqstant tbatija, madankollu, għax verament kelli l‑appoġġ tal‑Mulej tul ħajti kollha; iva, għax kelli għarfien kbir dwar it‑tjubija u l‑misteri ta’ Alla, jien għalhekk se nikteb l‑istorja ta’ dak li għaddejt minnu f’ħajti.

2 Iva, jien se nikteb l‑istorja bil‑lingwa ta’ missieri, li tikkonsisti mit‑tagħlim tal‑Lhud u l‑lingwa tal‑Eġizzjani.

3 U jiena naf li l‑istorja li jien se nagħmel hija vera; u se niktibha b’idi stess; u se niktibha skont l‑għarfien tiegħi.

4 Għax ġara li fil‑bidu tal‑ewwel sena tas‑saltna ta’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda, (missieri, Leħi, għex Ġerusalemm ħajtu kollha); u f’dik l‑istess sena ġew bosta profeti, iħabbru lin‑nies li jeħtieġ li jindmu, jew il‑belt kbira Ġerusalemm tispiċċa tinqered.

5 Għalhekk ġara li missieri, Leħi, hekk kif ħareġ talab lill‑Mulej, iva, sewwasew b’qalbu kollha, f’isem il‑poplu tiegħu.

6 U ġara li waqt li kien qed jitlob lill‑Mulej, feġġet kolonna tan‑nar u waqfet fuq blata quddiemu; u hu ra u sema’ bosta ħwejjeġ; u minħabba l‑ħwejjeġ li huwa ra u sema’ huwa twerwer u qabditu rogħda kbira.

7 U ġara li hu reġa’ lura f’daru ġo Ġerusalemm; u nxteħet fis‑sodda, peress li kien qed iħossu maħkum mill‑Ispirtu u mill‑ħwejjeġ li kien ra.

8 U waqt li kien maħkum mill‑Ispirtu, huwa nġarr f’dehra, fejn saħansitra ra s‑smewwiet jinfetħu, u għaraf li ra lil Alla bilqiegħda fuq it‑tron tiegħu, imdawwar b’numru bla għadd ta’ anġli li kienu qed ikantaw u jfaħħru lil Alla tagħhom.

9 U ġara li hu ra Wieħed nieżel minn nofs is‑sema, u ra li d‑dawl ta’ madwaru kien jisboq lid‑dawl tax‑xemx f’nofsinhar.

10 U ra wkoll tnax oħra mexjin warajh, u d‑dija tagħhom kienet akbar mid‑dija tal‑kwiekeb fis‑sema.

11 U huma niżlu u bdew jimxu fuq wiċċ l‑art; u ġie l‑ewwel wieħed u waqaf quddiem missieri, u tah ktieb, u talbu biex jaqra.

12 U ġara li hekk kif beda jaqra, huwa mtela bl‑Ispirtu tal‑Mulej.

13 U hu beda jaqra, u jgħid: Gwaj għalik Ġerusalemm, għax jien rajt qżiżijietek! Iva, u kienu bosta l‑ħwejjeġ li missieri qara dwar Ġerusalemm—li kellha tinqered hi u l‑abitanti tagħha; ħafna se jinqerdu permezz tax‑xabla, u ħafna se jittieħdu fl‑eżilju f’Babilonja.

14 U ġara li meta missieri qara u ra daqstant ħwejjeġ kbar u tal‑għaġeb, huwa stqarr bosta ħwejjeġ mal‑Mulej; bħal: Kbar u tal‑għaġeb l‑għemejjel tiegħek, O Mulej Alla li Tista’ Kollox! It‑tron tiegħek jinsab fl‑għoli tas‑smewwiet, u l‑qawwa, u t‑tjubija, u l‑ħniena tiegħek jinsabu fuq l‑abitanti kollha tad‑dinja; u, għaliex inti ħanin, int ma tħallix lil dawk li jiġu għandek jinqerdu!

15 U hekk kien id‑diskors li bih missieri beda jagħti ġieħ lil Alla tiegħu; għax ruħu verament ferħet, u qalbu kollha mtliet, minħabba l‑ħwejjeġ li huwa ra, iva, li wrieh il‑Mulej.

16 U issa jien, Nefi, mhux se nikteb rakkont sħiħ ta’ kull ma kiteb missieri, għaliex huwa kiteb bosta ħwejjeġ li hu ra permezz ta’ dehriet u permezz tal‑ħolm; u hu kiteb ukoll bosta ħwejjeġ li huwa ħabbar u li qal lil uliedu, li dwarhom m’inix se nikteb rakkont sħiħ.

17 Iżda jien se nikteb rakkont ta’ dak li għaddejt minnu f’ħajti. Araw, jien se nikteb fil‑qosor l‑istorja ta’ missieri, fuq pjanċi li għamilt b’idi stess; għalhekk, wara li nkun ktibt fil‑qosor l‑istorja ta’ missieri mbagħad jiena nikteb rakkont ta’ ħajti.

18 Għalhekk, nixtieq li intom tkunu tafu, li wara li l‑Mulej wera lil missieri, Leħi, ħwejjeġ daqstant tal‑għaġeb, iva, dwar il‑qerda ta’ Ġerusalemm, araw huwa mar qalb in‑nies, u beda jħabbar u jgħarrafhom dwar il‑ħwejjeġ li huwa ra kif ukoll sema’.

19 U ġara li l‑Lhud bdew jgħadduh biż‑żmien minħabba l‑ħwejjeġ li huwa xehed dwarhom; għaliex huwa verament xehed dwar ħżunithom u qżiżijiethom; u hu xehed li l‑ħwejjeġ li huwa ra u sema’, kif ukoll il‑ħwejjeġ li huwa qara fil‑ktieb, kienu juru b’mod ċar il‑miġja ta’ Messija, kif ukoll il‑fidwa tad‑dinja.

20 U meta l‑Lhud semgħu dawn il‑ħwejjeġ huma ħaduha kontrih; iva, l‑istess kif għamlu mal‑profeti tal‑qedem, li lilhom huma warrbu, u ħaġġru, u qatlu; u huma ppruvaw ukoll ineħħulu ħajtu, ħalli jeħilsu minnu. Iżda araw, jien, Nefi, nurikom li l‑ħniena ħelwa tal‑Mulej tinsab fuq dawk kollha li huwa għażel, minħabba l‑fidi tagħhom, sabiex iqawwihom saħansitra bil‑qawwa tal‑ħelsien.