2010-2019
L-Avventura Kbira Tagħkom
Konferenza ġenerali Ottubru 2019


L-Avventura Kbira Tagħkom

Is-Salvatur kuljum jistedinna biex inpoġġu ftit fil-ġenb il-kumdità u s-sigurtá tagħna u ningħaqdu miegħu fuq il-vjaġġ li jimxu fih id-dixxipli.

Dwar Ħobbits

Novella ta’ fantasija tat-tfal verament maħbuba, miktuba bosta snin ilu, tibda bis-sentenza “F’toqba fl-art kien jgħix ħobbit.”1

L-istorja ta’ Bilbo Baggins hija dwar ħobbit mill-aktar normali u ordinarju li quddiemu għandu opportunità mill-aktar meraviljuża—esperjenza meraviljuża ta’ avventura, misteru, u l-wegħda ta’ premju kbir.

Il-problema hi li ħafna mill-ħobbits tal-affari tagħhom ma jridux li jkollhom x’jaqsmu mal-avventuri. Li jimpurtahom biss f’ħajjithom hi l-kumdità. L-għaxqa tagħhom jieklu sitt ikliet kuljum meta jkunu jistgħu jagħmlu dan u jqattgħu jum wara l-ieħor fil-ġonna tagħhom, jaqsmu l-istejjer ma’ min imur iżurhom, ikantaw, idoqqu l-istrumenti mużikali, u jgawdu l-affarijiet sempliċi tal-ħajja li jġibulhom il-ferħ.

Madankollu, meta Bilbo jiġi ppreżentat bil-prospett ta’ avventura kbira, huwa jħoss xi ħaġa tqanqlu ġewwa fih. Huwa jifhem mil-bidu nett li l-vjaġġ se jkun wieħed ta’ sfida. Kif ukoll perikoluż. Hemm il-possibbiltà saħansitra li hu ma jerġax lura.

Madankollu, is-sejħa tal-avventura nifdet fil-fond ta’ qalbu. U għalhekk, dan il-ħobbit ordinarju jħalli warajh il-kumdità u jerħilha għal għonq it-triq fuq avventura kbira li se tieħdu sa “lil hinn u lura d-dar.”2

L-Avventura Tagħkom

Jista’ jkun li waħda mir-raġunijiet li din l-istorja tolqot daqstant nies hi għaliex hija wkoll l-istorja tagħna.

Ħafna żmien ilu, saħansitra qabel ma twelidna, fi żmien li ma bqajniex niftakruh u li hu moħbi mill-memorja tagħna, aħna wkoll ġejna mistednin biex nimbarkaw fuq avventura. Kien Alla li għamlilna l-proposta, Missierna tas-Smewwiet. Jekk naċċettaw din l-avventura kien ifisser li nitilqu lil hinn mill-kumdità u s-sigurtà tal-preżenza immedjata Tiegħu. Kien ifisser li niġu fid-dinja fuq vjaġġ mimli periklu u sfidi li ma kellniex l-iċken idea x’se jkunu.

Konna nafu li ma kienx se jkun faċli.

Iżda konna nafu wkoll li aħna konna se niksbu teżori prezzjużi, fosthom ġisem fiżiku u nesperjenzaw il-ferħ u n-niket intens tal-mortalità. Aħna nispiċċaw nitgħallmu nħabirku, infittxu, u nissieltu. Aħna nispiċċaw niskopru veritajiet dwar Alla u dwarna nfusna.

M’hemmx dubju, aħna konna nafu li konna se nagħmlu bosta żbalji tul it-triq. Iżda aħna wkoll ġejna mogħtijin wegħda: li minħabba s-sagrifiċċju kbir ta’ Ġesù Kristu, aħna konna se nindafu mit-trasgressjonijiet tagħna, niġu rrafinati u ppurifikati fl-ispirtu tagħna, u xi darba niġu mqajmin mill-imwiet u ningħaqdu għal darb’oħra ma’ dawk li aħna nħobbu.

Aħna tgħallimna kemm Alla jħobbna. Huwa tana l-ħajja, u Hu jridna nirnexxu. Għalhekk, Huwa ħejja għalina Salvatur. “Madankollu,” Missierna fis-Smewwiet qal, “intom jeħtieġ tagħżlu għalikom infuskom, għaliex ġie mogħti lilkom.”3

Żgur li kien hemm xi partijiet mill-avventura mortali li nkwetaw u beżżgħu lil ulied Alla, peress li numru kbir fost ħutna spiritwali ddeċidew bil-kontra.4

Permezz tad-don u l-qawwa tal-għażla morali, aħna għarafna li l-potenzjal ta’ dak li konna se nitgħallmu u li konna se nsiru eternament kien vallapena nieħdu dan ir-riskju.5

U għalhekk, għaliex afdajna l-wegħdiet u l-qawwa kemm ta’ Alla kif ukoll ta’ Ibnu l-Għażiż, aħna aċċettajna l-isfida.

Jiena hekk għamilt.

U intom ukoll.

Aħna qbilna li nħallu warajna s-sigurtà tal-ewwel stat tagħna u nerħulha għall-avventura kbira tagħna ta’ “lil hinn u lura d-dar.”

Is-Sejħa għall-Avventura

U madankollu, il-ħajja mortali għandha mod kif taljenana, veru? Aħna għandna t-tendenza li ma nibqgħux niffokaw fuq l-għan il-kbir tagħna, nippreferu l-kumdità u dak li hu faċli mill-avvanz u l-progress.

Xorta waħda, fil-fond ta’ qalbna tibqa’ xi ħaġa innegabbli, dik ix-xewqa għal għan ogħla u aktar nobbli. Din ix-xewqa hija raġuni waħda għalfejn in-nies jersqu lejn l-evanġelju u l-knisja ta’ Ġesù Kristu. L-evanġelju rrestawrat hu, f’ċertu sens, tiġdid tas-sejħa għall-avventura li aħna aċċettajna żmien twil ilu. Is-Salvatur kuljum jistedinna biex inpoġġu ftit fil-ġenb il-kumdità u s-sigurtá tagħna u ningħaqdu miegħu fuq il-vjaġġ li jimxu fih id-dixxipli.

It-triq mimlija liwjiet. Mimlija wkoll għoljiet, widien, u devjazzjonijiet. U jaf b’mod metaforiku fiha saħansitra anke brimb, trolls, kif ukoll xi dragun jew tnejn. Iżda jekk intom tibqgħu fil-mogħdija u tafdaw f’Alla, intom eventwalment issibu t-triq li twassal għad-destin glorjuż tagħkom u lura lejn id-dar tagħkom fis-smewwiet.

Allura kif għandkom tibdew?

Sempliċi.

Inklinaw Ruħkom lejn Alla

L-ewwel, jeħtieġ li tagħżlu li tinklinaw ruħkom lejn Alla. Agħmlu l-almu tagħkom kuljum biex issibuh. Tgħallmu ħobbuh. Imbagħad araw li tħallu dik l-imħabba tispirakom biex titgħallmu, tifhmu, u timxu wara t-tagħlim Tiegħu u titgħallmu żżommu l-kmandamenti ta’ Alla. L-evanġelju rrestawrat ta’ Ġesù Kristu ġie mogħti lilna b’mod tant ċar u sempliċi li anke t-tfal jistgħu jifhmuh. Madankollu, l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu għandu tweġiba għall-aktar mistoqsijiet kumplessi fil-ħajja u fih daqstant profondità u kumplessità li anke jekk ngħaddu ħajjitna kollha nistudjawh u nixtarruh, bilkemm inkunu fhimna parti żgħira minnu.

Jekk intom toqogħdu taħsbuha matul din l-avventura għaliex tiddubitaw l-abbiltà tagħkom, ftakru li l-ħidma ta’ dixxiplu mhijiex li jagħmel l-affarijiet b’mod perfett; hija li jagħmel l-affarijiet b’intenzjoni tajba. L-għażliet li tagħmlu illi juru min verament intom huma ferm aktar importanti mill-abbiltajiet tagħkom.6

Anke jekk ma jirnexxilkomx, intom tistgħu tagħżlu li ma taqtgħux qalbkom, iżda pjuttost għandkom tiskopru l-kuraġġ tagħkom, tibqgħu mexjin ’il quddiem, u taċċettaw ir-responsabbiltà tagħkom. Dan huwa t-test il-kbir tal-vjaġġ.

Alla jaf li intom mhux perfetti, li kultant mhux se jirnexxilkom. Meta intom tkunu qed titqabdu mal-ħajja, Alla ma jħobbkomx anqas minn meta intom tirnexxu.

Bħal ġenitur kollu mħabba, Huwa sempliċiment iridkom tkomplu tippruvaw b’intenzjoni tajba. Li tkun dixxiplu jixbah lil wieħed qed titgħallem iddoqq il-pjanu. Jista’ jkun li kull ma tkunu kapaċi tagħmlu għall-ewwel hu li ddoqqu verżjoni bilkemm tingħaraf ta’ “Chopsticks.” Iżda jekk tkomplu tipprattikaw, il-melodiji sempliċi xi darba għad isiru sonati, rapsodiji, u kunċerti mill-aktar meraviljużi.

Issa, jista’ jkun li dak il-jum ma tarawhx f’din il-ħajja, iżda għad jasal żgur. Kulma jitlob Alla hu li intom kuxjenzjożament tkomplu tagħmlu l-almu tagħkom.

Ilħqu lil Ħaddieħor b’Imħabba

Hemm xi ħaġa interessanti, kważi paradossali, dwar dan il-patt li intom għażiltu: l-uniku mod kif intom tistgħu tagħmlu progress fl-avventura tagħkom tal-evanġelju hu li tgħinu lil ħaddieħor jagħmel progress ukoll.

Li tgħinu lil ħaddieħor hija t-triq li jimxu fiha d-dixxipli. Il-fidi, it-tama, l-imħabba, il-kompassjoni, u s-servizz jirraffinawna bħala dixxipli.

Permezz tal-isforzi tagħkom li tgħinu lill-foqra u lil dawk fil-bżonn u li tilħqu lil dawk li jinsabu jbatu, il-karattru tagħkom jiġi ppurifikat u ffurmat, l-ispirtu tagħkom jitkabbar, u intom timxu b’raskom aktar mgħollija.

Iżda din l-imħabba ma tesperjenzawhiex bl-istennija li se tieħdu xi ħaġa lura. Ma tistax tkun it-tip ta’ servizz fejn intom tistennew xi għarfien, adulazzjoni, jew favur.

Id-dixxipli vera ta’ Ġesù Kristu jħobbu lil Alla u lil uliedu mingħajr ma jistennew xi ħaġa lura. Aħna nħobbu lil dawk li jiddiżappuntawna, li m’għandhomx grazzja magħna. Anke dawk li jgħadduna biż-żmien, jabbużaw ruħhom minna u jippruvaw iweġġgħuna.

Meta timlew qalbkom bl-imħabba pura ta’ Kristu, ġo fikom ma jkunx għad baqa’ spazju għar-riżentiment, għall-ġudizzju, u għad-diżrispett. Intom iżżommu l-kmandamenti ta’ Alla għaliex tħobbuh. Fil-proċess, intom bil-mod il-mod issiru tixbhu aktar lil Kristu fi ħsibijietkom u fl-għemejjel tagħkom.7 U liema avventura tista’ tkun akbar minn din?

Aqsmu l-Istorja Tagħkom

It-tielet ħaġa li għandna nippruvaw nitjiebu fiha f’dan il-vjaġġ hi li nieħdu fuqna isem Ġesù Kristu u ma nistħux nuru li aħna membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu.

Aħna ma naħbux il-fidi tagħna.

Ma nidfnuhiex.

Pjuttost, aħna nitkellmu dwar il-vjaġġ tagħna ma’ ħaddieħor b’mod normali u naturali. Hekk jagħmlu l-ħbieb—huma jitkellmu dwar ħwejjeġ li huma importanti għalihom. Ħwejjeġ li huma għeżież għalihom u li jagħmlulhom differenza.

Hekk għandkom tagħmlu. Intom tirrakkontaw stejjer u esperjenzi bħala membri tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Żmien.

Xi kultant l-istejjer tagħkom lin-nies iġibulhom tbissima. Xi kultant iwassluhom biex ixerrdu xi demgħa. Xi kultant jistgħu jgħinu lin-nies sabiex ikomplu mexjin bil-paċenzja, bir-reżiljenza, u bil-kuraġġ ħalli jkunu jistgħu jiffaċċjaw siegħa oħra, jum ieħor, u nersqu aktar viċin ta’ Alla.

Aqsmu l-esperjenzi tagħkom wiċċ imb wiċċ, fuq il-midja soċjali, bħala grupp, kullimkien.

Waħda mill-aħħar affarijiet li Ġesù qal lid-dixxipli Tiegħu kienet li huma kellhom imorru madwar id-dinja u jaqsmu l-istorja ta’ Kristu mqajjem mill-imwiet.8 Illum aħna wkoll naċċettaw bil-ferħ dik il-kummissjoni kbira.

X’messaġġ glorjuż għandna x’naqsmu ma’ ħaddieħor: minħabba Ġesù Kristu, kull raġel, mara, u tifel u tifla jistgħu jerġgħu lura lejn id-dar tagħhom fis-smewwiet mingħajr periklu u hemmhekk jgħammru fil-glorja u s-sewwa!

Hemm saħansitra aktar aħbarijiet tajbin x’naqsmu magħhom.

Alla deher lil wieħed tfajjel fi żmienna! Aħna għandna profeta ħaj.

Ippermettuli nfakkarkom li Alla ma jridx li intom “tbigħu” l-evanġelju rrestawrat jew il-Knisja ta’ Ġesù Kristu.

Huwa sempliċiment jistennikom biex ma taħbuhx taħt is-siegħ.

U jekk in-nies jiddeċiedu li l-Knisja mhijiex għalihom, dik hi deċiżjoni tagħhom.

Ma jfissirx li intom ma rnexxejtux. Intom tibqgħu tittrattawhom b’imħabba. Lanqas ma jeskludikom li terġgħu tippruvaw tistednuhom.

Id-differenza bejn kuntatti soċjali każwali u għemil ta’ dixxiplu kuraġġjuż u kompassjonali hi—l-istedina!

Aħna nħobbu u nirrispettaw lill-ulied kollha ta’ Alla, hi x’inhi l-pożizzjoni tagħhom fil-ħajja, hi x’inhi r-razza tagħhom jew ir-reliġjon tagħhom, huma x’inhuma d-deċiżjonijiet li huma jieħdu f’ħajjithom.

Min-naħa tagħna, aħna ngħidu, “Ejjew u Taraw! Skopru intom stess kif li timxu fit-triq li jimxu fiha d-dixxipli tista’ tkun ħaġa ta’ sodisfazzjon u nobbli.”

Aħna nistiednu lin-nies biex “jiġu u jgħinu, hekk kif aħna nippruvaw nagħmlu d-dinja post aħjar.”

U aħna ngħidu, “Ejjew u ibqgħu! Aħna ħutkom. Aħna m’aħniex perfetti. Aħna nafdaw f’Alla u nfittxu li nżommu l-Kmandamenti Tiegħu.

“Ingħaqdu magħna, u intom tagħmluna nies aħjar. U fil-proċess, intom issiru aħjar ukoll. Ejjew nesperjenzaw din l-avventura flimkien.”

Meta Għandi Nibda?

Meta l-ħabib tagħna Bilbo Baggins ħass is-sejħa għall-avventura tbaqbaq ġo fih, huwa ddeċieda li jmur jorqod raqda tajba, jieħu gost jiekol kolazzjon mill-aktar tajjeb, u jibda l-ewwel ħaġa filgħodu.

Meta Balbo stenbaħ, huwa nnota li d-dar tiegħu kienet imqallba waħda sew, u kważi kien se jħalli dan jaljenah mill-pjan nobbli tiegħu.

Iżda mbagħad sieħbu Gandalf ġie u staqsieh, “Inti meta se tiġi?”9 Biex jilħaq lil sħabu, Bilbo kellu jiddeċiedi għalih innifsu x’kellu jagħmel.

U għalhekk, il-ħobbit mill-aktar normali u ordinarju tant telaq jiġri b’ħarba ’l barra mill-bieb tad-dar tiegħu lejn it-triq tal-avventura li spiċċa nesa l-kappell, il-bastun tal-mixi, u l-maktur tiegħu. Hu saħansitra lanqas laħaq spiċċa jiekol it-tieni kolazzjon tiegħu.

Jista’ jkun li anke hawn aħna għandna lezzjoni x’nitgħallmu.

Jekk intom u jien ħassejna ġo fina li għandna ningħaqdu fl-avventura l-kbira li ngħixu u naqsmu dak li Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna ħejja għalina żmien twil ilu, jiena niżgurakom li llum huwa l-jum li fih għandna nimxu wara Iben Alla u s-Salvatur tagħna fit-triq Tiegħu ta’ servizz, liema triq jimxu fiha d-dixxipli.

Nafu ndumu ħajjitna sħiħa nistennew dak il-mument meta kollox ikun jidher perfett. Iżda issa huwa ż-żmien li għandna nikkommettu ruħna kompletament biex infittxu lil Alla, nimministraw lil ħaddieħor, u naqsmu l-esperjenza tagħna ma’ ħaddieħor.

Ħallu warajkom il-kappell, il-bastun tal-mixi, il-maktur u d-dar imqallba tagħkom.10

Lil dawk fostna li diġà jinsabu jimxu f’dik it-triq, agħmlu l-kuraġġ, eżerċitaw il-kompassjoni, imtlew bil-kunfidenza, u komplu għaddejjin!

Lil dawk li ħarġu mit-triq, jekk jogħġobkom ejjew lura, erġgħu ngħaqdu magħna, saħħuna.

U lil dawk li għadhom lanqas bdew, x’intom tistennew? Jekk tridu tesperjenzaw l-għeġubijiet ta’ dan il-vjaġġ spiritwali meraviljuż, ibdew issa l-avventura kbira tagħkom! Tkellmu mal-missjunarji. Tkellmu mal-ħbieb tagħkom Qaddisin tal-Aħħar Żmien. Tkellmu magħhom dwar din il-ħidma meraviljuża u li tgħaġġbek.11

Issa ż-żmien li tibdew!

Ejjew, Ingħaqdu Magħna!

Jekk tħossu li ħajjitkom jista’ jkollha aktar skop, għan akbar, aktar għaqda fil-familja u rabta aktar mill-viċin ma’ Alla, jekk jogħġobkom ingħaqdu magħna.

Jekk qed tfittxu komunità ta’ nies li qed jaħdmu biex isibu l-potenzjal sħiħ tagħhom, li jgħinu lil dawk fil-bżonn u jagħmlu din id-dinja post aħjar, ejjew, ingħaqdu magħna!

Ejjew u araw fiex jittratta dan il-vjaġġ tal-għaġeb u mill-aktar meraviljuż u avventuruż.

Tul it-triq intom tiskopru lilkom infuskom.

Intom tiskopru għan.

Intom tiskopru lil Alla.

Intom tiskopru l-aktar vjaġġ avventuruż u glorjuż f’ħajjitkom.

Ta’ dan jiena nixhed f’ isem il-Feddej u s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. J. R. R. Tolkien, The Hobbit or There and Back Again (Boston: Houghton Mifflin, 2001), 3.

  2. Sottotitolu ta’ The Hobbit.

  3. Moses 3:17.

  4. Ara Ġob 38:4–7 (tgħajjat bil-ferħ ix-xirka ta’ wlied Alla); Isaija 14:12–13 (“’Il fuq mill-kwiekeb ta’ Alla t-tron tiegħi ngħolli”); Rivelazzjoni 12:7–11 (qamet gwerra fis-sema).

  5. “Il-Profeta Joseph Smith iddeskriva l-għażla ħielsa bħala ‘dik l-indipendenza ħielsa tal-moħħ li d-divinità bil-grazzja kollha tat lill-familja umana bħala wieħed mill-aqwa rigali li tatha’ [Teachings of the Prophet Joseph Smith, miġ. Joseph Fielding Smith (1977), 49]. Din ‘l-indipendenza ħielsa tal-moħħ,’ jew l-għażla ħielsa, hija l-qawwa li tippermetti l-individwi biex ikunu ‘aġenti tagħhom infushom’ (D&C 58:28). Tinkludi kemm l-eżerċizzju tar-rieda li nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin jew livelli differenti ta’ tajjeb jew ħażin kif ukoll l-opportunità li nesperjenzaw il-konsegwenzi ta’ dik l-għażla. Missierna tas-Smewwiet iħobb lil uliedu tant li Huwa jridna nilħqu l-potenzjal sħiħ tagħna—biex insiru bħalu. Biex jagħmel progress, il-bniedem jeħtieġ jippossjedi kapaċità intrinsika li jagħmel l-għażla mixtieqa tiegħu. L-għażla ħielsa tant hi fundamentali għall-pjan Tiegħu għal uliedu li ‘lanqas Alla ma seta’ jagħmel lill-bnedmin bħalu mingħajr ma jagħmilhom ħielsa’ [David O. McKay, “Whither Shall We Go? Or Life’s Supreme Decision,” Deseret News, 8 ta’ Ġunju, 1935, 1]” (Byron R. Merrill, “Agency and Freedom in the Divine Plan,” f’Roy A. Prete, ed., Window of Faith: Latter-day Saint Perspectives on World History [2005], 162).

  6. Fin-novella tagħha Harry Potter and the Chamber of Secrets, l-awtur J. K. Rowling kitbet li l-kap tal-iskola ta’ Hogwarts Dumbledore qal xi ħaġa simili lit-tfajjel Harry Potter. Huwa parir meraviljuż għalina wkoll. Jiena diġà wżajtu f’messaġġi oħra qabel u naħseb li nagħmel tajjeb jekk nirrepetih.

  7. “Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu; għax narawh kif inhu” (1 Ġwanni 3:2; enfażi miżjuda).

    Filwaqt li jaf ikun diffiċli nimmaġinaw din it-tip ta’ trasformazzjoni, “dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla:

    “Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.

    “Jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal- glorja li għad trid tidher fina.” (Rumani 8:16–18; enfażi miżjuda).

  8. Ara Mattew 28:16-20.

  9. Tolkien, The Hobbit, 33.

  10. Ara Luqa 9:59–62.

  11. Ara LeGrand Richards, A Marvelous Work and a Wonder, ed. riv. (1966).