2010-2019
Imnaddfin permezz tal-Indiema
April 2019 Konferenza Ġenerali


Imnaddfin permezz tal-Indiema

Minħabba l-pjan tal-Alla u l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, aħna nistgħu nitnaddfu permezz tal-proċess tal-indiema.

Fil-mortalità aħna suġġett għal-liġijiet tal-bniedem u l-liġijiet ta’ Alla. Jiena kelli l-esperjenza mhux tas-soltu li niġġudika ċerta mġieba ħażina u mill-aktar serja skont dawn iż-żewġ liġijiet—fil-passat bħala parti mill-Qorti Suprema ta’ Utah u issa bħala membru tal-Ewwel Presidenza. Il-kuntrast li jiena esperjenzajt bejn il-liġijiet tal-bniedem u l-liġijiet ta’ Alla kabbru l-apprezzament tiegħi għar-realtà u l-qawwa tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu. Skont il-liġijiet tal-bniedem, persuna li tkun ħatja tal-aktar reati serji tista’ tqatta’ ħajjitha l-ħabs mingħajr il-possibbiltà ta’ parole. Iżda skont il-pjan mimli ħniena ta’ Missierna tas-Smewwiet li tant iħobbna hija ħaġa verament differenti. Jiena rajt b’għajnejja li dawn l-istess dnubiet serji jistgħu jinħafru fil-mortalità minħabba s-sagrifiċċju tat-tpattija għad-dnubiet ta’ “dawk kollha li għandhom qalb maqsuma u spirtu sogħbien” (2 Nephi 2:7). Kristu jifdi u l-Att tal-Fidwa Tiegħu huwa reali.

Il-kompassjoni kollha mħabba tas-Salvatur tagħna hija espressa fl-għanja meraviljuża li l-kor għadu kif kanta.

Ejja għand Kristu; hu lest jisimek,

Minkejja fil-dlam inti żbaljajt.

Imħabbtu ssibek u b’ħlewwa tmexxik

Mil-lejl mudlam sad-dawl tal-jum.1

Is-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa ta’ Ġesù Kristu jiftaħ il-bieb għall-“bnedmin kollha biex jindmu u jersqu lejh” (Doctrine and Covenants 18:11; ara wkoll Mark 3:28; 1 Nephi 10:18; Alma 34:8, 16). Il-ktieb ta’ Alma jirrapporta l-indiema u l-maħfra anke ta’ dawk li kienu nies ħżiena u qattiela (ara Alma 25:16; 27:27, 30). Il-messaġġ tiegħi llum huwa wieħed ta’ tama għalina lkoll, inkluż għal dawk li m’għadhomx membri tal-Knisja minħabba skomunika jew tneħħija tal-isem. Aħna lkoll midinbin li nistgħu nitnaddfu permezz tal-indiema. “Li tindmu mid-dnub mhux xi ħaġa faċli,” għallem il-Presbiteru Russell M. Nelson f’konferenza ġenerali passata. “Iżda ta’ min iħallas il-prezz biex jikseb il-premju.”2

I. Indiema

L-indiema tibda bis-Salvatur tagħna, u hija ferħ, mhux piż. Fid-devozzjonali tal-Milied, Diċembru li għadda, il-President Nelson għallem: “L-indiema vera mhijiex avveniment. Hija privileġġ mingħajr tmiem. Hija ħaġa fundamentali għall-progressjoni tagħna u biex ikollna s-serħan il-moħħ, il-faraġ, u l-ferħ.”3

Xi wħud mill-akbar tagħlim dwar l-indiema jinsab fid-diskor ta’ Alma, fil-Ktieb ta’ Mormon, lill-membri tal-Knisja li aktar tard iddeskrivihom li kienu fi stat ta’ “nuqqas ta’ twemmin,” “minfuħin bihom … infushom,” u li qalbhom kienet tinsab “fuq ir-rikkezzi u l-frugħa tad-dinja” (Alma 7:6). Kull membru ta’ din il-Knisja rrestawrata għandu ħafna x’jitgħallem mit-tagħlim ispirat ta’ Alma.

Aħna nibdew bil-fidi f’Ġesù Kristu, għaliex “huwa hu li jiġi biex ineħħi d-dnubiet tad-dinja” (Alma 5:48). Aħna għandna nindmu għaliex, kif għallem Alma, “jekk intom ma tindmux intom bl-ebda mod ma tistgħu tirtu s-saltna tas-smewwiet” (Alma 5:51). L-indiema hija parti essenzjali mill-pjan ta’ Alla. Peress li f’din l-esperjenza mortali tagħna aħna kollha se nidinbu u se ninqatgħu mill-preżenza ta’ Alla, il-bniedem ma jistax “isalva” mingħajr l-indiema (Alma 5:31; ara wkoll Helaman 12:22).

Dan ilu jiġi mgħallem mill-bidu taż-żminijiet. Il-Mulej talab lil Adam, “Għallmu dan lil uliedkom, li l-bnedmin kollha, kullimkien, għandhom jindmu, jew huma bl-ebda mod ma jkunu jistgħu jirtu s-saltna ta’ Alla, għaliex l-ebda ħaġa mniġġsa ma tista’ tgħammar hemmhekk, jew tgħammar fil-preżenza tiegħu” (Moses 6:57). Aħna għandna nindmu minn dnubietna kollha—l-għemejjel tagħna kollha jew in-nuqqas ta’ għemejjel tagħna li jmorru kontra l-kmandamenti ta’ Alla. Ħadd mhu eżentat. Ilbieraħ stess il-President Nelson qalilna, “L-aħwa, aħna lkoll jeħtieġ li nindmu.”4

Biex aħna nitnaddfu permezz tal-indiema, jeħtieġ li niċħdu dnubietna u nistqarruhom lill-Mulej u lill-imħallef mortali Tiegħu fejn ikun meħtieġ (ara Doctrine and Covenants 58:43). Alma għallem li aħna għandna wkoll “inwettqu għemejjel tas-sewwa” (Alma 5:35). Dan kollu huwa parti mill-istedina li nsibuha ta’ spiss fl-iskrittura biex immorru għand Kristu.

Jeħtieġ li aħna nieħdu sehem fis-sagrament kull jum tas-Sabbath. F’dik l-ordinanza aħna nagħmlu ċerti patti u nirċievu ċerti barkiet li jgħinuna negħlbu kull għemil u xewqa li jżommuna milli niksbu l-perfezzjoni li jistedinna biex niksbu s-Salvatur tagħna (ara Mattew 5:48; 3 Nephi 12:48). Hekk kif aħna “niċħdu lilna nfusna minn kull ħażen, u nħobbu lil Alla b’moħħna kollu u bil-qawwa u l-ħila tagħna kollha,” imbagħad inkunu nistgħu nsiru “perfetti fi Kristu” u “nitqaddsu” permezz tat-tixrid ta’ demmu, biex “insiru qaddisa, mingħajr tebgħa” (Moroni 10:32–33). X’wegħda dik! X’miraklu! X’barka!

II. Responsabbiltà u Ġudizzju Mortali

L-għan tagħna tal-pjan ta’ Alla għal din l-esperjenza mortali hu li “jippruvana” biex “jara jekk nagħmlux dak kollu li l-Mulej Alla jitlobna nagħmlu” (Abraham 3:25). Bħala parti minn dan il-pjan, aħna responsabbli lejn Alla u lejn il-qaddejja magħżulin tiegħu,u din ir-responsabbiltà tinvolvi kemm ġudizzju mortali kif ukoll divin.

Fil-Knisja tal-Mulej, il-ġudizzju mortali għall-membri jew il-membri prospettivi jiġi amministrat minn mexxejja li jfittxu li jiksbu direzzjoni divina. Hija r-responsabbiltà tagħhom li jiġġudikaw persuni li qed ifittxu li jersqu lejn Kristu biex jirċievu l-qawwa tal-Att tal-Fidwa Tiegħu fit-triq tal-patt lejn il-ħajja eterna. Il-ġudizzju mortali jiddetermina jekk il-persuna hijiex lesta għall-magħmudija. Hija denja dik il-persuna li tingħata rakkomandazzjoni biex tattendi t-tempju? Nidmet biżżejjed, permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, dik il-persuna li isimha tneħħa mir-reġistri tal-Knisja, biex tkun tista’ terġa’ ssir membru mill-ġdid permezz tal-magħmudija?

Meta mħallef mortali msejjaħ minn Alla japprova persuna biex tkun tista’ tavvanza, bħal fil-każ ta’ privileġġi tat-tempju, huwa ma jkunx qed jiddikjara li dik il-persuna hija perfetta, u hu ma jkun qed jaħfer l-ebda dnubiet. Il-Presbiteru Spencer W. Kimball għallem li wara dak li huwa sejjaħlu “ir-rinunzja [mortali] tal-penali,” persuna “għandha wkoll tfittex u tiżgura mingħand Alla tas-sema indima finali, u hu biss jista’ jassolvi.”5 U jekk dik il-persuna tibqa’ ma’ tindimx minn ċerti għemejjel u xewqat midinba sal-Ġudizzju Finali, hija tibqa’ mniġġsa. Ir-responsabbiltà aħħarija, inkluż l-effett li finalment inaddaf tal-indiema, hija bejn kull wieħed u waħda minna u Alla.

III. Il-Qawmien mill-Imwiet u l-Ġudizzju Finali

Il-ġudizzju li hu deskritt l-aktar fl-iskrittura huwa l-Ġudizzju Finali li jiġi wara l-Qawmien mill-Imwiet (ara 2 Nephi 9:15). Bosta passaġġi fl-iskrittura jiddikjaraw li “aħna lkoll għad nidhru quddiem it-tribunal ta’ Alla” (Rumani 14:10; ara wkoll 2 Nephi 9:15; Mosiah 27:31) “li niġu ġġudikati skont l-għemejjel li wettaqna fil-ġisem mortali” (Alma 5:15; ara wkoll Rivelazzjoni 20:12; Alma 41:3; 3 Nephi 26:4). U se jiġu ġġudikati “skont għemilhom” (3 Nephi 27:15) u “skont ix-xewqa ta’ qalbhom” (Doctrine and Covenants 137:9; ara wkoll Alma 41:6).

L-għan tal-Ġudizzju Finali hu li jiddetermina jekk aħna rċevejniex dak li Alma ddeskrivih bħala “bidla kbira f’qalbna” (ara Alma 5:14, 26), fejn aħna sirna ħlejjaq ġodda fejn m’għandniex “aktar dispożizzjoni li nagħmlu l-ħażen iżda li nagħmlu t-tajjeb kontinwament” (Mosiah 5:2). L-imħallef ta’ dan huwa s-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu (ara Ġwanni 5:22; 2 Nephi 9:41). Wara l-ġudizzju Tiegħu aħna lkoll se nistqarru “li l-ġudizzju tiegħu huwa ġust” (Mosiah 16:1; ara wkoll Mosiah 27:31; Alma 12:15), għaliex l-omnixxenti Tiegħu (ara 2 Nephi 9:15, 20) tah għarfien perfett dwar l-għemejjel u x-xewqat kollha tagħna, kemm dawk ġusti jew li ndimna minnhom, kemm dawk li ma ndimniex minnhom jew li bqajna ma bdilniex.

L-iskrittura tiddeskrivi l-proċess ta’ dan il-Ġudizzju Finali. Alma jgħallem li l-ġustizzja ta’ Alla tagħna teħtieġ li fil-Qawmien mill-Imwiet “kollox se jiġi rrestawrat skont l-ordni xierqa tiegħu” (Alma 41:2). Dan ifisser li “jekk f’din il-ħajja l-għemejjel tagħom ikunu tajbin, u x-xewqat ta’ qalbhom ikunu tajbin, … fl-aħħar jum huma se jiġu rrestawrati għal dak li hu tajjeb” (Alma 41:3). Bl-istess mod, “jekk l-għemejjel tagħhom jew ix-xewqat tagħhom huma ħżiena huma se jiġu rrestawrati għal dak li hu ħażin” (Alma 41:4–5; ara wkoll Helaman 14:31). Bl-istess mod, il-profeta Ġakobb għallem li fil-Ġudizzju Finali “dawk li huma ġusti se jibqgħu ġusti, u dawk li huma maħmuġin se jibqgħu maħmuġin” (2 Nephi 9:16; ara wkoll Mormon 9:14; 1 Nephi 15:33). Dan hu l-proċess li jseħħ qabel ma’ aħna se nieqfu quddiem dik li Moroni jsejħilha “l-iżbarra sabiħa tal-Kbir Ġehova, l-imħallef Etern tal-ħajjin u l-mejtin” (Moroni 10:34; ara wkoll 3 Nephi 27:16).

Biex niżguraw ruħna li aħna ndaf quddiem Alla, jeħtieġ li aħna nindmu qabel il-Ġudizzju Finali (ara Mormon 3:22). Kif Alma qal lill-midneb ibnu, aħna ma nistgħux naħbu dnubietna quddiem Alla “u jekk intom ma tindmux huma se jieqfu bħala xhieda kontrikom fl-aħħar jum” (Alma 39:8; enfażi miżjuda). L-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu jagħtina l-uniku mod kif aħna nistgħu niksbu t-tindifa meħtieġa permezz tal-indiema, u ż-żmien tagħna biex nagħmlu dan hu f’din il-ħajja mortali. Għalkemm aħna mgħallmin li ċerta ndiema tista’ sseħħ fid-dinja tal-ispirti (ara Doctrine and Covenants 138:31, 33, 58), dik mhijiex ħaġa ċerta. Il-Presbiteru Melvin J. Ballard għallem: “Huwa aktar faċli li negħlbu n-nuqqasijiet tagħna u nservu lil Mulej meta l-ġisem u l-ispirtu huma magħqudin bħala ħaġa waħda. Dan huwa ż-żmien meta l-bnedmin huma aktar flessibbli u suxxettibbli. … Din il-ħajja hija ż-żmien li fih għandna nindmu.”6

Meta aħna nindmu, aħna jkollna l-assigurazzjoni tal-Mulej li dnubietna, inkluż l-għemejjel u x-xewqat tagħna, se jiġu mnaddfin u l-imħallef ħanin finali tagħna “mhux se jiftakarhom iżjed” (Doctrine and Covenants 58:42; ara wkoll Isaija 1:18; Ġeremija 31:34; Lhud 8:12; Alma 41:6; Helaman 14:18–19). Imnaddfin permezz tal-indiema, aħna nistgħu nikkwalifikaw għall-ħajja eterna, li s-Sultan Benjamin iddeskriviha bħala “li ngħammru ma’ Alla fi stat ta’ ferħ mingħajr tmiem” (Mosiah 2:41; ara wkoll Doctrine and Covenants 14:7).

Bħala parti mill-“pjan ta’ restawrazzjoni” ta’ Alla (Alma 41:2), il-Qawmien mill-Imwiet se jirrestawra “kull ħaġa … mal-ġisem perfett tagħha” (Alma 40:23). Dan jinkludi l-perfezzjoni tad-defiċjenzi u d-deformitajiet fiżiċi kollha miksuba fil-mortalità, inkluż dawk fit-twelid jew minħabba xi trawma jew mard.

Din ir-restawrazzjoni tipperfezzjonana mix-xewqat jew mil-vizzji mhux tajba jew mhux megħluba tagħna? Dan ma jistax isseħħ. Aħna nafu permezz ta’ rivelazzjoni moderna li aħna se niġu ġġudikati skont ix- xewqat tagħna kif ukoll l-għemejjel tagħna (ara Alma 41:5; Doctrine and Covenants 137:9) u li anke l- ħsibijiet tagħna se jikkundannawna (ara Alma 12:14). M’għandniex “nipprokrastinaw il-jum tal-indiema tagħna” sal-mewt, għallem Amuleki (Alma 34:33), għaliex l-istess spirtu li jippossedi ġisimna f’din il-ħajja—kemm jekk huwa tal-Mulej, kemm jekk tax-xitan—“se jkollu l-qawwa li jippossedi ġisimna f’dik il-ħajja eterna” (Alma 34:34). Is-Salvatur tagħna għandu l-qawwa u jinsab lest biex inaddafna mill-ħażen. Issa huwa ż-żmien biex infittxu l-għajnuna Tiegħu biex nindmu mix-xewqat u l-ħsibijiet ħżiena jew mhux xierqa tagħna biex nitnaddfu u nkunu preparati li nieqfu quddiem Alla fil-Ġudizzju Finali.

IV. Dirgħajn il-Ħniena

Il-qofol tal-pjan ta’ Alla u l-kmandamenti kollha Tiegħu hija l-imħabba Tiegħu għal kull wieħed u waħda minna, li hi “l-aktar ħaġa mixtieqa fost kull ħaġa oħra … u l-aktar ħaġa li twassal l-hena fir-ruħ” (1 Nephi 11:22–23). Il-profeta Isaija assigura anke lill-ħżiena li meta huma “jerġgħu lura għand il-Mulej, … huwa jħenn … [u] jaħfer ħafna” (Isaija 55:7). Alma għallem, “Ara, huwa jibgħat stedina lill-bnedmin kollha għaliex dirgħajn il-ħniena huma lesti biex jilqgħuhom” (Alma 5:33; ara wkoll 2 Nephi 26:25–33). Il-Mulej imqajjem mill-imwiet qal lin-Nefiti, “Araw, dan huwa driegħi kollu ħniena lest għalikom, u kull min jiġi, lilu jiena nilqa’” (3 Nephi 9:14). Minn dan it-tagħlim skritturali u xi tagħlim ieħor mill-iskrittura, aħna nafu li s-Salvatur tagħna li jħobbna ħafna jinsab b’dirgħajh miftuħa biex jilqa’ lill-bnedmin kollha bil-kundizzjonijiet ta’ mħabba li Hu stess fassal għal uliedu.7

Minħabba l-pjan ta’ Alla u l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, jiena nixhed b’“dija perfetta ta’ tama” li Alla jħobbna u aħna nistgħu niġu mnaddfin bil-proċess tal-indiema. Aħna nwiegħdu li “jekk nibqgħu mexjin ‘il quddiem, niffesteġġjaw permezz tal-kelma ta’ Kristu u nibqgħu sodi sat-tmiem, araw, dan jgħid il-Missier: intom ikollkom il-ħajja eterna” (2 Nephi 31:20). Jalla aħna nagħmlu dan, jien nitlob f’isem Ġesù Kristu, amen.

Noti

  1. “Come unto Jesus,” Hymns, nu. 117.

  2. Russell M. Nelson, “Repentance and Conversion,” Liahona, Mejju 2007, 102.

  3. Russell M. Nelson, “Four Gifts That Jesus Christ Offers to You” (Devozzjonali tal-Milied tal-Ewwel Presidenza, 2 ta’ Diċ., 2018) broadcasts.ChurchofJesusChrist.org.

  4. Russell M. Nelson, “Nistgħu Nagħmlu Aħjar u Nkunu Aħjar,” Liahona, Mejju 2019, 69.

  5. The Teachings of Spencer W. Kimball, ed. Edward L. Kimball (1982), 101.

  6. Melvin J. Ballard, f’ Melvin R. Ballard, Melvin J. Ballard: Crusader for Righteousness (1966), 212–13.

  7. Ara Tad R. Callister, The Infinite Atonement (2000), 27–29.