2010-2019
Kif Għamel Hu
April 2019 Konferenza Ġenerali


Kif Għamel Hu

Hekk kif aħna nfittxu li nimministraw kif għamel Hu, aħna niġu pprovduti opportunitajiet biex ninsew lilna nfusna u nelevaw lil ħaddieħor.

Bejn wieħed u ieħor 18-il xahar ilu, fil-ħarifa tal-2017, ħija Mike, ta’ 64 sena, infurmani li kien ħariġlu l-kanċer fil-frixa. Hu qalli wkoll li kien irċieva barka saċerdotali mill-għalliem tiegħu tad-dar, u li kien iltaqa’ mal-isqof. Aktar tard huwa bagħatli wkoll ritratt tat-Tempju ta’ Oakland, Kalifornja, meħud mill-isptar fejn kien qed jirċievi t-trattament, u taħtu kitibli “Ara x’nista’ nara mill-kamra tiegħi tal-isptar.”1

Kont sorpriż bil-kummenti tiegħu dwar l-għalliema tad-dar, il-barkiet tas-saċerdozju, l-isqfijiet u t-tempji daqs kemm kont sorpriż bil-kanċer li qabdu. Mela, Mike, qassis fis-Saċerdozju Aroniku, għal kważi 50 sena qatt ma attenda regolarment il-knisja.

Bħala familja, aħna bdejna ninteressaw ruħna fil-progress spiritwali tiegħu kważi daqs kemm konna interessati fil-ġlieda tiegħu mal-kanċer, l-aktar minħabba l-ħafna mistoqsijiet li issa beda jistaqsi dwar il-Ktieb ta’ Mormon, il-qawwa tas-siġill u l-ħajja wara l-mewt. Hekk kif għaddew ix-xhur u l-kanċer infirex, minħabba l-ħtieġa ta’ aktar trattament speċjalizzat, huwa eventwalment inġieb fil-Huntsman Cancer Institute ġewwa Utah.

Ftit wara l-wasla tiegħu, mar iżur lil Mike John Holbrook, il-mexxej tal-missjoni tal-qasam li kienet taqa’ taħtu l-faċilità tas-saħħa fejn issa kien qed joqgħod. John ikkummenta li “għalija kienet ħaġa mill-aktar ovvja li Mike kien iben Alla” u huma ma damux wisq ma żviluppaw relazzjoni u ħbiberija bejniethom li wasslet biex John isir il-persuna li bdiet timministralu, għalkemm ma kienx imsejjaħ jagħmel dan. Huwa ma damx wisq biex stiednu ħalli jmorru jarawh il-missjunarji, fejn ħija, bl-edukazzjoni kollha ma aċċettax, iżda wara li kienu ilhom ħbieb xi xahar, John reġa’ staqsieh, fejn spjega lil Mike, “Naħseb li tieħu gost tisma’ l-messaġġ tal-evanġelju.”2 Din id-darba huwa aċċetta l-istedina, u dan wassal għal diversi laqgħat mal-missjunarji, kif ukoll mal-Isqof Jon Sharp, li l-konverżazzjonijiet miegħu eventwalment wasslu biex Mike jirċievi l-barka patrijarkali tiegħu, 57 sena wara l-magħmudija tiegħu.

Fil-bidu ta’ Diċembru tas-sena l-oħra, wara xhur sħaħ ta’ proċeduri, Mike ddeċieda li jwaqqaf it-trattament għall-kanċer, li kien qed jikkawżalu ċerti effetti mill-aktar severi, u b’sabar jistenna sakemm iħalli dil-ħajja. Aħna ġejna infurmati mit-tobba li kienu qed jieħdu ħsiebu li Mike kien baqagħlu bejn wieħed u ieħor tliet xhur ħajja. Intant, il-mistoqsijiet tal-evanġelju kompew—kif komplew ukoll iż-żjajjar u s-sapport mill-mexxejja lokali tas-saċerdozju. Meta konna nżuru lil Mike, viċin is-sodda tiegħu spiss konna naraw kopja tal-Ktieb ta’ Mormon miftuħa hekk kif konna niddiskutu miegħu r-Restawrazzjoni tal-evanġelju, l-imfietaħ tas-saċerdozju, ordinanzi tat-tempju u n-natura eterna tal-bniedem.

Meta wasal nofs Diċembru, bil-barka patrijarkali f idu, Mike fil-fatt deher li saħħtu kienet qed titjieb u probabbilment skond il-pronjosi tiegħu hu kien se jibqa’ magħna tliet xhur oħra. Aħna anke ppjanajna li jingħaqad magħna għall-Milied, għall-Ewwel tas-Sena u anke wara. Fis-16 ta’ Diċembru, jiena rċevejt telefonata mhux mistennija mingħand l-Isqof Sharp, li nformani li hu u l-president tal-wited kienu intervistaw lil Mike, sabuh den li jirċievi s-Saċerdozju Melkisedeku, u staqsewni meta jiena kont disponibbli biex nipparteċipa f’dan. L-ordinanza ġiet skedata għall-Ġimgħa, 21 ta’ Diċembru.

Meta wasal il-jum, jien u marti, Carol, wasalna fil-faċilità tas-saħħa u mill-ewwel ġew jiltaqgħu magħna fil-kuritur ħdejn il-kamra tiegħu fejn infurmawna li qalb Mike kienet waqfet tħabbat. Aħna dħalna fil-kamra u sibna diġà jistennew lill-patrijarka, lill-isqof tiegħu u l-president tal-wited—u mbagħad Mike fetaħ għajnejh. Hu għarafni u wrieni li seta’ jismagħni u kien lest li jirċievi s-saċerdozju. Ħamsin sena wara li Mike ġie ordnat qassis fis-Saċerdozju Aroniku, jiena kelli l-privileġġ, assistit mill-mexxejja lokali, li nagħti lil ħija s-Saċerdozju Melkisedeku u nordnah bħala presbiteru. Ħames sigħat wara, Mike għadda għal ħajja oħra, qasam għan-naħa l-oħra tal-velu biex hemm jiltaqa’ mal-ġenituri tagħna bħala wieħed li jħaddan is-Saċerdozju Melkisedeku.

Ilu biss sena li l-President Russell M. Nelson sejħilna lkoll biex nieħdu ħsieb ħutna “b’mod aktar qaddis u ogħla.”3 Dwar is-Salvatur, il-President Nelson għallem li “peress li din hija l-Knisja Tiegħu, aħna bħala l-qaddejja Tiegħu se nimministraw persuna, persuna, kif għamel Hu. Aħna nimministraw f’ismu, bil-qawwa u l-awtorità Tiegħu, u bit-tjubija kollha mħabba Tiegħu.”4

B’rispons għal dik l-istedina minn profeta ta’ Alla, qed isir ċertu sforz biex nimministraw lil kull persuna individwali madwar id-dinja kollha, kemm fi sforz ikkoordinat, hekk kif il-membri b’ fedeltà jwettqu l-essajnments tagħhom tal-ministeru, kif ukoll permezz ta’ dak li jien insejjaħlu ministeru “spontanju,” fejn huma ħafna li juru l-imħabba bħal ta’ Kristu b’rispons għal opportunitajiet li jiġu bla ma nistennew. Fil-familja tagħna, aħna rajna b’għajnejna stess dan it-tip ta’ ministeru.

John, li kien il-ħabib ta’ Mike, ħuh li kien jimministralu, u eks president tal-missjoni, kien jgħid lill-missjunarji li “jekk xi ħadd fil-lista tagħkom jgħidilkom ‘mhux interessat,’ taqtgħux qalbkom. In-nies jinbidlu.” Imbagħad hu qalilna, “F’Mike seħħet bidla kbira.”5 John kien qabel kollox ħabib, li pprovda ċertu nkuraġġiment u sapport b’mod frekwenti—iżda l-ministeru tiegħu ma waqafx fiż-żjajjar tiegħu bħala ħabib. John kien jaf li ministru hu aktar minn ħabib u li l-ħbiberija tikber hekk kif aħna nimministraw.

Mhux neċessarju li xi ħadd ikun qed isofri, bħal ħija, minn xi marda terminali biex ikun fi bżonn tas-servizz tal-ministeru. Dak il-bżonn jasal f’diversi modi differenti. Ġenitur single; koppja anqas attiva; xi ħadd adoloxxenti li qed jitqabad mal-ħajja; omm li qed tħoss toqol kbir fuqha; xi sfida tal-fidi; jew ċerti kwistjonijiet finanzjarji, matrimonjali jew ta’ saħħa—il-lista ma tintemm qatt. Madankollu, bħal Mike, m’hawn ħadd li m’hawnx tama għalih, u qatt mhu tard wisq biex huma jħossu fihom l-imħabba li jrid iwasslilhom is-Salvatur.

Fil-websajt tal-Knisja dwar il-ministeru aħna mgħallmin li “filwaqt li l-ministeru għandu bosta għanijiet, l-isforzi tagħna fil-ministeru għandhom jiġu ggwidati minn xewqa li ngħinu biex ħaddieħor jikseb konverżjoni individwali aktar profonda u jsir jixbah aktar lis-Salvatur.”6 Il-Presbiteru Neil A. Maxwell iddeskriviha b’ dan il-mod:

“Persuna b’qalb tajba tista’ tgħin lil xi ħadd jibdel ir-rota tal-karozza, twassal lil xi ħadd minn sħabha għand it-tabib, tmur tiekol ma’ xi ħadd li jinsab imnikket, jew titbissem, issellem u tferraħ lil xi ħadd.

“Iżda dixxiplu tal-ewwel kmandament, b’mod naturali jmur oltre milli jwettaq dawn l-atti mill-aktar importanti ta’ servizz.”7

Fi sforz biex nimmudellaw il-ministeru tagħna fuq Ġesù Kristu, huwa importanti li niftakru li l-isforzi Tiegħu li jħobb, jgħin, iservi u jbierek kellhom għan ogħla milli sempliċiment jilħaq il-bżonnijiet immedjati ta’ dak li jkun. M’hemmx dubju li Huwa kien jaf x’kienu l-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum u kellu kompassjoni għas-sofferenza li kienu jkunu għaddejjin minnha, hekk kif Hu fejjaq, tema’, ħafer, u għallem. Iżda Hu ried jagħmel aktar milli sempliċiment jaqta’ l-għatx tal-mument. Huwa ried li dawk ta’ madwaru biex jimxu warajh, isiru jafuh u jilħqu l-potenzjal divin tagħhom.8

Hekk kif aħna nfittxu li nimministraw kif għamel Hu,9 aħna niġu pprovduti opportunitajiet biex ninsew lilna nfusna u nelevaw lil ħaddieħor. Dawn l-opportunitajiet ħafna drabi jafu jkunu inkonvenjenti, u jittestjaw ix-xewqa tagħna li nsiru aktar bħall-Imgħallem, li l-akbar servizz Tiegħu, l-Att tal-Fidwa infinit Tiegħu, żgur li ma kienx xi ħaġa konvenjenti. Fil-25 kapitlu ta’ Mattew, aħna niġu mfakkra kif il-Mulej iħossu dwarna, meta, bħalu, aħna nkunu sensittivi għall-problemi, l-isfidi u d-diffikultajiet li ħafna jħabbtu wiċċhom magħhom, iżda jistgħu jiġu injorati:

“Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja:

“Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni. …

“Imbagħad iweġbuh il-ġusti, Mulej, jgħidulu, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek ?

“Meta rajniek barrani u lqajniek? …

“U s-Sultan iweġibhom u jgħid, Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”10

Kemm jekk aħna qed inservu bħala aħwa fil-ministeru, jew sempliċiment meta aħna nkunu konxji li xi ħadd jinsab fil-bżonn, aħna mħeġġin biex infittxu l-gwida u d-direzzjoni tal-Ispirtu—imbagħad naġixxu. Aħna jaf ma nkunux ċerti kif inhu l-aħjar mod li għandna nservu, iżda l-Mulej jaf, u permezz tal-Ispirtu Tiegħu aħna niġu ggwidati fl-isforzi tagħna. Bħal Nefi, li “ġie ggwidat mill-Ispirtu, mingħajr ma kien jaf minn qabel x’kellu jagħmel,”11 aħna wkoll niġu ggwidati mill-Ispirtu hekk kif nagħmlu l-almu tagħna biex insiru strumenti f’idejn il-Mulej biex permezz tagħna jbierek lil uliedu. Hekk kif aħna nfittxu l-gwida tal-Ispirtu u nafdaw fil-Mulej, aħna nitpoġġew f’sitwazzjonijiet u f’ċirkustanzi fejn aħna nkunu nistgħu naġixxu u nbierku lil ħaddieħor—fi kliem ieħor, nimministraw.

Jaf ikun hemm mumenti oħra li fihom nagħrfu xi bżonn partikolari iżda nħossuna inadegwati biex nagħmlu xi ħaġa, nassumu li dak li għandna x’noffru huwa insuffiċjenti. Li nagħmlu eżatt kif għamel hu12 madankollu, ifisser li nimministraw billi noffru dak li kapaċi noffru u nafdaw li l-Mulej ikabbar l-isforzi tagħna biex inbierku lill-“vjaġġaturi oħra bħalna f’dan il-vjaġġ mortali.”13 Għal xi wħud, dan jaf ifisser li huma joffru ħinhom u t-talenti tagħhom; għal oħrajn, jafu joffru xi kelma ta’ mħabba jew xi daqqa t’id. Minkejja li aħna nafu nħossuna inadegwati fl-isforzi tagħna, il-President Dallin H. Oaks qasam magħna prinċipju mill-aktar importanti rigward “żgħar u sempliċi.” Huwa għallem li l-għemejjel żgħar u sempliċi huma effettivi ħafna għaliex jistiednu “is-sħubija tal-Ispirtu s-Santu,”14 li hu sieħeb li jbierek kemm lil min jagħti kif ukoll lil dak li jirċievi.

Hekk kif kien jaf li ma tantx kien baqagħlu ħajja, ħija Mike kkummenta, “Hi ħaġa mill-aktar meraviljuża kif il-kanċer fil-firxa jwasslek biex tiffoka daqstant fuq dak li hu l-aktar importanti.”15 Għal Mike ma kienx tard wisq, u dan grazzi għal irġiel u nisa meraviljużi li raw bniedem fil-bżonn, u mingħajr ma ġġudikawh, imministrawlu bħas-Salvatur. Għal xi wħud, din il-bidla tasal żmien qabel f’ħajjithom; għal oħrajn jista’ jkun tasal lil hinn mill-velu. Madankollu, jeħtieġ li aħna niftakru li qatt mhu tard wisq u ħadd ma jitbiegħed daqstant ’il bogħod mit-triq it-tajba li ma jistax jintlaħaq mill-Att tal-Fidwa infinit ta’ Ġesù Kristu, li fl-ambitu tiegħu huwa bla limitu.

Fil-konferenza ġenerali ta’ Ottubru li għadda, il-Presbiteru Dale G. Renlund għallem li “ilna kemm ilna ‘l barra mit-triq it-tajba … , il-mument li fih aħna niddeċiedu li ninbidlu, Alla jgħinna nerġgħu lura.”16 Dik id-deċiżjoni li ninbidlu, madankollu, hi ħafna drabi riżultat ta’ xi stedina, bħal “Naħseb li tieħu gost tisma’ l-messaġġ tal-evanġelju.” Bħalma qatt ma hu tard wisq għas-Salvatur, qatt ma hu kmieni wisq għalina li nistiednu lil ħaddieħor.

Dan iż-żmien tal-Għid jipprovdilna, għal darb’oħra, opportunità meraviljuża biex nirriflettu fuq is-sagrifiċċju tal-att tal-fidwa tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu u dak li Huwa għamel għalina lkoll billi ħallas prezz tremend—prezz li Hu nnifsu ddikjara “wassal biex Hu, l-akbar fost kulħadd, jitriegħed bl-uġigħ.” “Madankollu,” Huwa ddikjara, “Jiena xrobt u temmejt it-tħejjija tiegħi għal ulied il-bnedmin.”17

Jiena nixhed li minħabba li Huwa “temm,” dejjem se jkun hemm it-tama. F’ isem Ġesù Kristu, amen.