2010-2019
Dar li Fiha Jgħammar l-Ispirtu tal-Mulej
April 2019 Konferenza Ġenerali


Dar li Fiha Jgħammar l-Ispirtu tal-Mulej

Intom tesperjenzaw uħud mill-akbar ferħ li qatt tistgħu tesperjenzaw fl-isforzi tagħkom li tagħmlu minn darkom post ta’ fidi fil-Mulej Ġesù Kristu u post fejn l-imħabba hija abbundanti.

Għeżież ħuti, jiena grat li ġejt mistieden biex inkellimkom f’din il-189 Konferenza Ġenerali Annwali tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu tal-Qaddisin tal-Aħħar Jiem. Sewwa sew fid-data tal-lum fis-sena 1830, Joseph Smith organizza l-Knisja taħt id-direzzjoni tal-Mulej. Dan seħħ fid-dar tal-familja Whitmer ħdejn Fayette, New York. Dak inhar kien hemm biss sitt membri u madwar 50 ruħ oħra interessati.

Minkejja li ma nafx x’kien qal il-Profeta Joseph jew kif kienet id-dehra tiegħu meta huwa kien wieqaf quddiem dak il-grupp żgħir, jien naf x’ ħassew dawk in-nies li kellhom il-fidi f’Ġesù Kristu. Huma ħassew l-Ispirtu s-Santu, u ħassew li kienu jinsabu f post qaddis. Żgur li ħassewhom li kienu ħaġa waħda

Dak is-sentiment mirakoluż hu dak li aħna lkoll irridu li jgħammar f’darna. Huwa sentiment li nesperjenzawh meta aħna, kif iddeskriva Pawlu, ikollna fina “x-xewqat tal-Ispirtu.”1

L-għan tiegħi llum hu li ngħallem dak li jiena naf dwar kif nistgħu nikkwalifikaw aktar ta’ spiss għal dak is-sentiment u kif nistgħu nistednuh biex idum jgħammar aktar fil-familji. Kif tafu mill-esperjenza tagħkom, din mhijiex ħaġa faċli. Jeħtieġ li nbiegħdu minna t-tilwim, il-kburija u d-dnub. L-imħabba safja ta’ Kristu għandha tgħammar fil-qalb tal-membri tal-familja tagħna.

Adam u Eva, Leħi u Sarija u ġenituri oħra li nafu bihom mill-iskrittura sabu li din ma kenitx ħaġa faċli. Madankollu għandna eżempji inkuraġġanti li jqawwulna qalbna ta’ hena kontinwa fil-familja u f’darna. U dawk l-eżempji jippermettulna nitgħallmu kif aħna jista’ jkollna wkoll din l-hena fil-familji tagħna. Tiftakru r-rakkont li nsibu f’ 4 Nefi:

“U ġara li ma kien hemm l-ebda tilwim fil-pajjiż, minħabba l-imħabba ta’ Alla li kienet tgħammar f’qalb il-poplu.

“U ma kien hemm l-ebda għira, l-ebda ġlied, l-ebda tixwix, l-ebda żína, l-ebda gideb, l-ebda qtil, jew xi tip ta’ nuqqas ta’ rażan; u bla dubju ma kienx hawn poplu aktar kuntent fost il-popli kollha li ġew maħluqa minn id Alla.”

“La kien hemm ħallelin, la qattiela, lanqas ma kien hemm Lamaniti, jew xi forma ta’ -iti; iżda kienu kollha ħaġa waħda, ulied Kristu, u werrieta tas-saltna ta’ Alla.

“U O, kemm kienu imberkin! Għax il-Mulej berikom fl-għemejjel kollha tagħhom; iva, huma komplew jitbierku u jgħixu fir-riżq sa mitt sena u għaxra wara; u għaddiet l-ewwel ġenerazzjoni mill-miġja ta’ Kristu, u ma kien hemm l-ebda tilwim fil-pajjiż kollu.”2

Kif tafu, dak iż-żmien ta’ ferħ ma baqax għal dejjem. Ir-rakkont fi 4 Nefi jiddeskrivi s-sintomi eventwali tad-deterjorament spiritwali fost grupp ta’ nies twajbin. Huwa mudell li rajnieh ħafna tul iż-żminijiet qalb popli sħaħ, f’kongregazzjonijiet, u, b’ diqa kbira, fil-familji. Jekk nistudjaw dak il-mudell aħna nkunu nistgħu naraw kif aħna nistgħu nipproteġu u saħansitra nkabbru s-sentimenti tal-imħabba fil-familja tagħna.

Dan huwa l-mudell tad-deterjorament li deher f’dak il-poplu wara 200 sena jgħix fiż-żmien ta’ paċi perfett li jġib miegħu l-evanġelju:

Żviluppat gradwalment il-kburija.

In-nies ma baqgħux jaqsmu bejniethom il-ġid tagħhom.

Huma bdew iħarsu lejn ta’ madwarhom bħala ta’ klassi ogħla jew ta’ klassi aktar baxxa minnhom.

Huma bdiet tonqoshom il-fidi tagħhom f’ Ġesù Kristu.

Huma bdew jobogħdu.

Huma bdew jikkommettu kull tip ta’ dnub.

Ġenituri għaqlin ikunu osservanti biżżejjed li jinnutaw dawn is-sintomi meta jibdew jidhru fil-membri tal-familja tagħhom. M’hemmx dubju li huma jinkwetaw. Iżda huma jkunu jafu li l-kawża prinċipali hija l-influwenza ta’ Satana li jkun qed jipprova jmexxi nies twajbin ‘l isfel fit-triq tad-dnub u b’hekk huma jitilfu l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu. Għalhekk dawk il-ġenituri għaqlin jaraw li quddiemhom ikollhom opportunità li jiggwidaw lil uliedhom, u lilhom infushom, biex jaċċettaw b’mod sħiħ l-istedina tal-Mulej biex jersqu lejh.

Intom jista’ jkollkom suċċess limitat billi lit-tfal tagħkom, per eżempju, tgħidulhom biex jindmu mill-kburija. Intom tistgħu tippruvaw tipperswadu lit-tfal biex jaqsmu bejniethom b’mod ġeneruż dak li għandhom. Tistgħu titolbuhom biex jieqfu jħossuhom li huma xi ħaġa aħjar minn xi membru ieħor tal-familja. Iżda mbagħad intom tispiċċaw tiffaċċjaw is-sintomu li aktar kmieni jiena ddeskrivejt bħala ‘Huma jibdew jonqsu fil-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu.”

Hemm jinsab is-sigriet kif għandkom twasslu l-membri tal-familja tagħkom biex jelevaw ruħhom sa dak il-post spiritwali li intom triduhom ikunu—u li intom tkunu hemm magħhom. Hekk kif intom tgħinuhom jikbru fil-fidi li Ġesù Kristu huwa l-Feddej tagħhom li tant iħobbhom, huma jħossu fihom ix-xewqa li jindmu. Hekk kif jagħmlu dan, l-umiltà tibda tieħu post il-kburija. Hekk kif huma jibdew iħossu fihom dak li tahom il-Mulej, huma jkunu jridu jibdew ikunu aktar ġenerużi bejniethom. Ir-rivalità minħabba prominenza jew rikonoxximent tonqos. Il-mibegħda tieħu postha l-imħabba. U finalment, kif ġara min-nies li kkonverta s-Sultan Benjamin, ix-xewqa li jagħmlu tajjeb tasal biex tiffortifikahom kontra t-tentazzjoni li jidinbu. In-nies tas-Sultan Benjamin xehdu li huma ma kellhomx “aktar dispożizzjoni li jagħmlu l-ħażen.”3

Li nibnu l-fidi f’Ġesù Kristu huwa l-bidu tagħna li nreġġgħu lura d-deterjorament spiritwali fil-familja tagħna u fid-dar tagħna. Aktar hemm ċans li dik il-fidi twassal għall-indiema milli l-ippridkar tagħkom kontra kull sintomu tad-deterjorament spiritwali.

Intom tistgħu tmexxu bl-eżempju. Il-membri tal-familja tagħkom u oħrajn jeħtieġ jarawkom tikbru fil-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu u fl-evanġelju Tiegħu. M’ilux intom ġejtu mogħtijin għajnuna kbira. Il-ġenituri fil-Knisja ġew imberkin b’kurrikulu ispirat għall-familji u l-individwi. Hekk kif tagħmlu użu minnu, intom tibnu l-fidi tagħkom u l-fidi ta’ wliedkom fil-Mulej Ġesù Kristu.

Tikbru fil-Fidi

Il-fidi tagħkom fis-Salvatur kibret hekk kif intom imxejtu wara s-suġġeriment tal-President Russell M. Nelson li terġgħu taqraw il-Ktieb ta’ Mormon. Intom immarkajtu ċerti passaġġi u ċertu kliem li jirreferu għas-Salvatur. Il-fidi tagħkom f’Ġesù Kristu kibret. Iżda bħal pjanta ġdida, fidi bħal din f’Ġesù Kristu tispiċċa tidbiel jekk intom ma jkollkomx id-determinazzjoni kontinwa li tkomplu tixtarru u titolbu biex tkabbruha.

Jista’ jkun li għalissa mhux il-membri kollha tal-familja tagħkom jimxu mal-eżempju tagħkom li tikbru fil-fidi. Iżda ħallu l-esperjenza ta’ Alma ż-Żgħir timliekom bil-kuraġġ. Fil-bżonn diffiċli għall-indiema u l-maħfra, huwa ftakar fil-fidi ta’ missieru f’ Ġesù Kristu. Uliedkom jafu jiftakru l-fidi tagħkom fis-Salvatur f’mument meta huma verament ikollhom bżonn l-indiema. Dwar dawn it-tip ta’ mumenti Alma qal:

“U ġara li s-sofferenza tiegħi kienet mill-aktar severa, hekk kif kont ittormentat bil-memorja tal-ħafna dnubiet tiegħi, araw, ftakart ukoll li smajt lil missieri jbassar lin-nies tiegħu dwar il-miġja ta’ ċertu Ġesù Kristu, Iben Alla, biex ipatti għad-dnubiet tad-dinja.

“Issa, hekk kif f’moħħi feġġ dan il-ħsieb, jiena tlabt f’qalbi: O Ġesù, Inti Bin Alla, ikollok ħniena minni, li qed ngħaddi minn daqstant imrar, u li ninsab imdawwar bil-ktajjen bla ħniena tal-mewt.

“U issa, araw, meta feġġ dan il-ħsieb, jiena ma bqajtx niftakar aktar l-uġigħ tiegħi; iva, ma bqajtx niġi ttormentat aktar bil-memorja ta’ dnubieti.”4

Itolbu b’Imħabba

Minbarra l-eżempju tagħkom li tikbru fil-fidi, it-talb tagħkom bħala familja jista’ jilgħab ukoll rwol kruċjali biex darkom tkun post mill-aktar sagru. Normalment tingħażel persuna waħda biex tkun il-leħen fit-talba tal-familja. Meta dik it-talba tkun indirizzata b’mod ċar lil Alla f’isem dawk kollha li jkunu għarkupptejhom jisimgħu, il-fidi tasal biex tikber fihom ilkoll. Huma jkunu jistgħu jħossu ċerta espressjoni ta’ mħabba lejn Missierna tas-Smewwiet u lejn is-Salvatur. U meta l-persuna li tkun qed titlob issemmi lil dawk li jkunu għarkupptejhom f’ dak iċ-ċirku li jkunu fil-bżonn, ilkoll kemm huma jkunu jistgħu jħossu l-imħabba lejhom u lejn kull membru tal-familja.

Anke meta l-membri tal-familja ma jkunux qed jgħixu fid-dar, it-talba tkun tista’ tibni ċerti sentimenti ta’ mħabba. It-talb fil-familja jista’ jintlaħaq minn madwar id-dinja. Aktar minn darba jiena sirt naf li xi membru tal-familja li jinsab ‘il bogħod kien qiegħed jitlob fl-istess ħin għall-istess ħaġa li kont qed nitlob jien. Għalija, il-qawl antik “Il-familja li titlob flimkien tibqa’ flimkien” nistgħu nespanduh għal “Il-familja li titlob flimkien tkun flimkien, anke meta l-membri tagħha jkunu ‘l bogħod minn xulxin.”

Tgħallmu Indmu Malajr

Peress li ħadd minna mhu perfett u s-sentimenti huma sensittivi ħafna, il-familji jistgħu jsiru santwarji sagri biss jekk aħna ma ndumux ma nidmu u nagħmlu dan b’sinċerità. Il-ġenituri jistgħu jagħtu eżempju ta’ dan. Jistgħu jindmu malajr u b’mod sinċier minn ċertu kliem goff jew ħsibijiet xejn sbieħ. Sempliċi “Jiddispjaċini” tista’ tfejjaq il-ġrieħi u tistieden kemm il-maħfra kif ukoll l-imħabba.

Il-Profeta Joseph Smith kien mudell għalina lkoll hekk kif huwa ħabbat wiċċu ma’ attakki vjolenti, ma’ tradituri u saħansitra ma’ ċertu nuqqas ta’ qbil fil-familja tiegħu. Huwa kien jaħfrilhom malajr minkejja li kien jaf li dak li attakkah kien hemm ċans jerġa’ jattakkah. Huwa talab għall-maħfra, u huma malajr kien jaħfer.5

Ikkultivaw l-Ispirtu Missjunarju

Ulied Mosija kienu determinati li joffru l-evanġelju lil kulħadd. Din ix-xewqa kienet riżultat tal-esperjenza personali tagħhom tal-indiema. Il-ħsieb biss li xi ħadd seta’ jsofri l-effett tad-dnub, kif sofrew huma, kien inikkithom. Għalhekk għal snin sħaħ huma ffaċċjaw l-abbandun, it-tbatija u l-periklu biex joffru l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu lill-għedewwa tagħhom. Fil-proċess, huma sabu l-ferħ f’dawk il-ħafna nies li nidmu u esperjenzaw il-ferħ tal-maħfra permezz tal-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu.

Il-membri tal-familja tagħna jikbru fix-xewqa tagħhom li jaqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor hekk kif huma jħossu l-ferħ tal-maħfra. Dan jista’ jseħħ anke waqt li huma jġeddu l-patti tagħhom meta jieħdu sehem fis-sagrament. L-ispirtu missjunarju jikber fi djarna hekk li l-ulied u l-ġenituri jħossu l-ferħ tal-maħfra fis-servizz tas-sagrament. Bl-eżempju tagħhom ta’ qima, kemm il-ġenituri kif ukoll l-ulied jistgħu jgħinu lil xulxin iħossu dak il-ferħ. Dak il-ferħ jista’ jkun ta’ għajnuna kbira biex djarna jsiru ċentru għat-taħriġ missjunarju. Jaf mhux kollha kemm intom isservu missjoni, iżda lkoll tħossu fikom ix-xewqa li taqsmu l-evanġelju ma’ ħaddieħor, li twassalkom biex tħossu l-maħfra u l-paċi. U kemm jekk qed isservu missjoni full-time jew le, ilkoll tkunu tistgħu tħossu l-ferħ meta toffru l-evanġelju lil ħaddieħor.

Żuru t-Tempju

Kemm għall-ġenituri kif ukoll għall-ulied, it-tempju huwa l-akbar opportunità li għandna biex aħna nikbru fl-għarfien u l-imħabba għal postijiet ċelestjali. Dan huwa speċjalment minnu meta t-tfal ikunu għadhom żgħar. It-tfal jitwieldu bid-Dawl ta’ Kristu. Anke tarbija tista’ tħoss li t-tempju hu sagru. Peress li l-ġenituri jħobbu lit-tfal ċkejknin tagħhom, għalihom it-tempju jirrappreżenta t-tama li huma jista’ jkollhom lil uliedhom biex iħobbuhom fil-familja eterna tagħhom—għal dejjem.

Xi wħud minnkom għandkom ritratti tat-tempji fid-dar tagħkom. Hekk kif it-tempji madwar id-dinja qed jiżdiedu, huwa possibbli għal ħafna ġenituri li huma jżuru l-art ta’ madwar it-tempju mal-familja tagħhom. Xi wħud ikunu anke jistgħu jattendu l-ftuħ għall-pubbliku meta jinbnew it-tempji. Il-ġenituri jistgħu jistaqsu lil uliedhom kif ħassewhom meta kienu qrib it-tempju.

Il-ġenituri kollha jistgħu jaqsmu t-testimonjanza tagħhom dwar xi jfisser għalihom it-tempju. Il-President Ezra Taft Benson, li kien iħobb ħafna t-tempji, spiss kien jitkellem dwar il-mumenti li fihom kien jara lil ommu tgħaddi l-ilbies tat-tempju.6 Huwa tkellem dwar il-memorja tiegħu bħala tifel josserva l-familja tiegħu hekk kif kienu jkunu sejrin biex jattendu t-tempju.

Meta kien President tal-Knisja, huwa kien jattendi t-tempju kull ġimgħa, fl-istess jum. Huwa dejjem kien iwettaq il-ħidma tat-tempju għal xi antenat tiegħu. Dan kien riżultat, prinċipalment, tal-eżempju tal-ġenituri tiegħu.

It-Testimonjanza Tiegħi

Intom tesperjenzaw uħud mill-akbar ferħ li qatt tistgħu tesperjenzaw fl-isforzi tagħkom li tagħmlu minn darkom post ta’ fidi fil-Mulej Ġesù Kristu u post fejn l-imħabba, l-imħabba safja ta’ Kristu, hija abbundanti. Ir-Restawrazzjoni tal-evanġelju bdiet permezz ta’ mistoqsija umli mixtarra f’dar umli, u dan jista’ jibqa’ jseħħ f’kull waħda minn djarna hekk kif hemmhekk aħna nkomplu nistabbilixxu u nipprattikaw il-prinċipji tal-evanġelju. Din kienet it-tama tiegħi u l-akbar xewqa tiegħi minn meta kont għadni tifel żgħir. Intom ilkoll għandkom idea, xi ftit jew ieħor, ta’ din it-tip ta’ dar. Ħafna minnkom, bl-għajnuna tal-Mulej, spiċċajtu ħloqtu dar bħal din.

Xi wħud minnkom għamiltu sforzi kbar biex ikollkom din il-barka, madankollu għalissa għadkom mhux qed tesperjenzawha. Il-wegħda tiegħi lilkom hi l-istes wegħda li darba għamilli membru tal-Kworum tat-Tnax-il Appostlu. Jien għidtlu li minħabba l-għażliet li kienu ħadu xi membri tal-familja estiża tagħna, jien kont niddubita jekk aħna qattx stajna nkunu flimkien fid-dinja li jmiss. Huwa qalli, dejjem kif niftakar jien, “Inti qed tinkwieta dwar il-problema żbaljata. Sempliċiment għix den tas-saltna ċelestjali, u l-arranġamenti tal-familja jkunu ferm aktar meraviljużi milli tista’ timmaġina.”

Jien nemmen li hu jestendi wkoll dik it-tama ta’ ferħ lil kull wieħed u waħda minna fil-mortalità, li għamilna l-almu tagħna biex nikkwalifikaw, kemm aħna kif ukoll il-membri tal-familja tagħna, għall-ħajja eterna. Jiena naf li l-pjan ta’ Missierna tas-Smewwiet huwa pjan ta’ ferħ. Jiena nixhed li l-pjan Tiegħu jagħmilha possibbli għal kull wieħed u waħda minna li għamilna l-almu tagħna biex inkunu issiġillati għal dejjem.

Jiena naf li l-imfietaħ tas-saċerdozju li ġew irrestawrati lil Joseph Smith għaddew minn profeta għall-ieħor u issa jinsabu f’idejn il-President Russell M. Nelson. Dawk l-imfietaħ għamluha possibbli biex illum għandna s-siġill tal-familji. Jiena naf li lilna, l-ulied spirti Tiegħu, Missierna tas-Smewwiet iħobbna b’imħabba perfetta. Jiena naf li minħabba l-Att tal-Fidwa ta’ Ġesù Kristu, aħna nistgħu nindmu, nitnaddfu u nkunu denji li ngħixu f’familji kollha mħabba għal dejjem ma’ Missierna tas-Smewwiet u mal-Iben il-Maħbub Tiegħu, Ġesù Kristu. Jiena nixhed dan f’ isem Ġesù Kristu, amen.