2010-2019
Kristu: Id-Dawl li Jiddi fid-Dlam
April 2019 Konferenza Ġenerali


Kristu: Id-Dawl li Jiddi fid-Dlam

Jekk tħossu li d-dawl tat-testimonjanza tagħkom qed jitbaxxa u riesqa d-dalma, agħmlu l-kuraġġ. Żommu l-wegħdi li għamiltu ma’ Alla.

Mill-uffiċċju tiegħi fil-Bini tas-Soċjetà tal-Għajnuna nista’ nara veduta mill-isbaħ tat-Tempju ta’ Salt Lake. Kull filgħaxija, puntwalment mal-ħin, id-dwal ta’ barra tat-tempju jinxtegħlu hekk kif tinżel ix-xemx. It-tempju huwa bħal dak il-fanal ta’ faraġ li narah jiddi kontinwament mit-tieqa tiegħi.

Immaġni
It-Tempju ta’ Salt Lake fi nżul ix-xemx

Lejla waħda fi Frar li għadda, fl-uffiċċju tiegħi ftit li xejn kien hemm dawl hekk kif niżlet ix-xemx. Hekk kif jien ħarist mit-tieqa, rajt it-tempju mitfi. Id-dwal ma kenux inxtegħlu. Dik id-dehra ħasditni. L-ispiri tat-tempju, li għal snin sħaħ kont inħares lejhom kull filgħaxija ma stajtx narahom.

Immaġni
It-Tempju ta’ Salt Lake bl-ispiri tiegħu mitfija

Li jien bdejt nara d-dlam fejn kont nistenna li se nara d-dawl wassalni biex nikkontempla li wieħed mill-bżonnijiet fundamentali li għandna biex inkunu nistgħu nikbru hu li nibqgħu f’kuntatt mas-sors tagħna tad-dawl—Ġesù Kristu. Huwa s-sors tal-qawwa tagħna, id-Dawl u l-Ħajja tad-Dinja. Jekk ma nibqgħux ikkonnettjati b’qawwa Miegħu aħna nibdew immutu spiritwalment. Peress li hu jaf dan, Satana jipprova jisfrutta l-ħafna pressjoni li aħna niffaċċjaw fid-dinja. Huwa jaħdem biex jitfi d-dawl tagħna, jiskonnettjana, jaqta’ l-kurrent, iħallina weħidna fid-dlam. Din il-pressjoni hija xi ħaġa komuni ħafna f’din il-ħajja mortali, iżda Satana jaħdem ħafna biex jiżolana u jgħidilna li aħna l-uniċi nies li qed nesperjenzawha.

Xi Wħud Minna Ipparalizzati bin-Niket

Meta nesperjenzaw xi traġedja, meta l-inkwiet tal-ħajja nħossuh joħnoqna, meta nħossuna qisna qlajna xi xebgħa bħar-raġel fi triqtu lejn Ġeriko u nitħallew immutu mal-art, Ġesù jiġi ħdejna u jidilkilna ż-żejt fuq il-ġrieħi tagħna, jerfagħna bil-ħlewwa, jeħodna fil-lukanda, idur bina.1 Lil dawk fostna li jħossuhom imnikktin, Huwa qed jgħidilna, “Jiena … nħaffef it-tagħbija li għandkom fuq spallejkom, li anke intom stess ma tibqgħux tħossuha aktar fuq daharkom, … sabiex tkunu tafu b’ċertezza li jiena, il-Mulej Alla, inżur il-poplu tiegħi waqt is-sofferenza tiegħu.”2 Kristu jfejjaq il-ġrieħi.

Xi Wħud Minna Sempliċiment Inħossuna Għajjenin

ll-Presbiteru Holland qal: “L-intenzjoni mhijiex li aħna niġru aktar milli nifilħu. … Iżda minkejja dan, jiena naf … li ħafna minnkom qed tiġru b’veloċità qawwija u l-enerġija u l-provvista emozzjonali xi kultant jidhru li mhu qed iwasslukom imkien.”3 Meta l-aspettattivi nħossuhom jiddisprawna, aħna nistgħu nieqfu ftit u nitolbu lil Missierna tas-Smewwiet biex jurina x’għandna nwaqqfu f’ħajjitna. Parti mill-esperjenza ta’ ħajjitna hi li nitgħallmu dak li m’għandniex nagħmlu. Iżda anke hawn, xi kultant il-ħajja taf tkun verament diffiċli. Ġesù jassigurana, “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.”4

Kristu huwa lest li jingħaqad magħna fil-madmad u jgħinna nġorru t-tagħbija tagħna. Kristu hu mistrieħ.

Xi Wħud Minna Nħossuna li M’aħniex bħall-Maġġoranza

Għal raġunijiet varji, aħna ma nħossuniex aċċettati jew aċċettabbli. It-Testment il-Ġdid jurina l-isforz kbir li Ġesù għamel biex jilħaq kull tip ta’ nies: imġiddmin, dawk li jiġbru t-taxxi, tfal, Galilew, qħab, nisa, Fariżej, midinbin, Samaritani, romol, suldati Rumani, żienja, dawk li ma tnaddfux permezz ta’ ritwali. Kważi f’kull rakkont, Huwa qed jipprova jilħaq lil xi ħadd li tradizzjonalment ma kienx aċċettat fis-soċjetà.

F’Luqa 19 naqraw l-istorja ta’ dak li jiġbor it-taxxi f’Ġeriko jismu Żakkew. Huwa tela’ fuq siġra biex ikun jista’ jara lil Ġesù għaddej. Żakkew kien impjegat mal-gvern Ruman u kien meqjus bħala bniedem korrott u midneb. Ġesù rah fuq is-siġra u sejjaħlu, u qallu, “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.”5 U meta Ġesù ra t-tjubija li kien hemm f’ qalb Żakkew u l-għemejjel tajba li kien għamel għal ħaddieħor, Huwa aċċetta l-offerta tiegħu, u qal, “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham.”6

Bil-ħlewwa Kristu qal lin-Nefiti, “Nitlobkom biex ħadd minnkom ma jitlaq.”7 Pietru għaraf ħaġa mill-aktar importanti f’ Atti 10 meta huwa ddikjara, “Alla wrieni li ebda bniedem ma għandi nsejjaħlu profan jew imniġġes.”8 Hija ħtieġa ċara ta’ kull dixxiplu Kristjan u kull Qaddis tal-Aħħar Jiem li juri imħabba veru lejn ħaddieħor.9 Ġesù għamlilna l-istess tip ta’ stedina li għamel lil Żakkew: “Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi.”10 Kristu jarana fuq is-siġra.

Xi Wħud Minna Nħossuna Emozzjonalment Konfużi b’Ħafna Mistoqsijiet.

Bosta snin ilu, jiena ħassejtni verament imdejqa u irritata b’għadd ta’ mistoqsijiet li ma stajx insib tweġiba għalihom. Darba waħda kmieni filgħodu f’jum is-Sibt, jien ħlomt ħolma qasira. Fil-ħolma stajt nara gażibo, u fhimt li kelli mmur ġo fija. Kienet imdawra b’ħames arkati, iżda t-twieqi kienu tal-ġebel. Jiena bdejt ingerger fil-ħolma li ma ridtx nidħol ġewwa għaliex kienet tidher vera klawstofobika. Imbagħad fil-pront ġie f’moħħi li ħu Ġared kien bil-paċenzja kollha dewweb il-ġebel fi ħġieġ trasparenti. Il-ħġieġ huma ġebel li bidel l-istat tiegħu. Meta l-Mulej mess il-ġebel għal ħu Ġared, dan wasal biex beda jiddi ġol-vapuri mudlama.11 F’daqqa waħda jiena xtaqt inkun fil-gażibo aktar minn kull post ieħor. Kien sewwasew il-post—l-uniku post—li fih jien stajt “nara” verament. Il-mistoqsijiet li kienu qed jinkwetawni xorta kienu għadhom hemm, iżda meta qomt, kien hemm tiddi b’qawwa akbar f’ moħħi l-mistoqsija: “Kif tista’ tkabbar il-fidi tiegħek, bħal ħu Ġared, ħalli l-ġebel tiegħek ikun jista’ jinbidel f’dawl?”12

Il-moħħ mortali tagħna magħmul biex jipprova jifhem u jfisser ftit ftit. Jien ma nafx ir-raġunijiet kollha għalfejn hu daqshekk diffiċli biex f’din il-ħajja aħna nifhmu ċerti affarijiet. Dan m’huwiex l-istadju, fl-iżvilupp etern tagħna, fejn aħna se nsiru nafu r-risposta ta’ kull tweġiba. Huwa l-istadju fejn aħna niżviluppaw l-assigurazzjoni tagħna (jew xi kultant it-tama tagħna) fl-evidenza ta’ ħwejjeġ li ma nistgħux naraw. Din l-assigurazzjoni niksbuha b’modi li mhux dejjem faċli nanalizzawhom, iżda fid-dalma tagħna jeżisti wkoll id-dawl. Ġesù qal, “Jiena d-dawl u l-ħajja u l-verità tad-dinja.”13 Għal dawk li qed ifittxu l-verità, għall-ewwel din taf tidher bħala l-klawstrofobja tat-twieqi magħmulin mill-ġebel. Iżda wara li bil-paċenzja kollha u bil-fidi aħna nagħmlu ċerti mistoqsijiet, Ġesù jkun jista’ jittrasforma t-twieqi tal-ġebel fi ħġieġ u dawl.. Kristu huwa d-dawl biex naraw.

Xi Wħud Minna Nħossu li Ma Nistgħux Inkunu Tajbin Biżżejjed

Iż-żebgħa tal-iskarlatt fit-Testment il-Qadim mhux biss kienet ikkulurita iżda wkoll durabbli, jiġifieri l-kuluri jgħajtu tagħha kienu jaqbdu sew mal-injam u, taħsilha kemm taħsilha, ma kenux jitilfu l-kulur.14 Satana juża din il-metafora biex iġegħilna nħossuna bħallikieku għalina mhemmx maħfra: suf bajdani mtebba’ bl-iskarlatt qatt ma jerġa’ jsir bajdani. Iżda Ġesù Kristu ddikjara, “Triqati ‘l fuq minn triqatkom,”15 u l-miraklu tal-grazzja Tiegħu hu li meta aħna nindmu minn dnubietna, id-demm kulur l-iskarlatt tiegħu jippurifikana. Din mhijiex xi ħaġa loġika, madankollu hija vera.

Immaġni
Suf imtebba bl-iskarlatt

Ritratt minn iStock.com/iinwibisono

“Imqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ; mqar jekk ikunu ħomor bħall-kremżi, isiru bojod bħas-suf.”16 Il-Mulej jgħid bla tlaqliq: dak “li nidem minn … dnubietu, huwa jkun maħfur, u jien, il-Mulej, ma niftakarhomx aktar.”17 Fi kliem ieħor: Ejjew, nirraġunaw flimkien.18 Intom tiżbaljaw; kulħadd jista’ jiżloq.19 Ejjew għandi u indmu.20 Jien ma niftakarx dnubietkom aktar.21 Intom tistgħu tiġu maħfura.22 Għandi ħidma għalikom xi twettqu.23 Kristu jagħmel is-suf abjad.

Iżda x’jeħtieġ li nagħmlu? X’inhu s-sigriet biex inkunu nistgħu nerġgħu nikkonettjaw mill-ġdid mal-qawwa ta’ Ġesù Kristu meta nkunu ninsabu mbegħdin mill-Mulej? Il-President Russell M. Nelson qalha b’mod sempliċi: “Is-sigriet hu li nagħmlu u nżommu l-patti sagri tagħna. … Mhux xi ħaġa kkumplikata.”24 Agħmlu lil Kristu ċ-ċentru ta’ ħajjitkom.25

Jekk tħossu li d-dawl tat-testimonjanza tagħkom qed jitbaxxa u riesqa d-dalma, agħmlu l-kuraġġ. Żommu l-wegħdi li għamiltu ma’ Alla. Staqsuh il-mistoqsijiet li jkollkom. Bil-paċenzja kollha dewbu l-ġebel fi ħġieġ. Duru lejn Ġesù Kristu, li għadu jħobbkom.

Ġesù qal, “Jiena d-dawl li jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.”26 Dan ifisser li jipprova kemm jipprova, id-dlam ma jistax jegħleb id-dawl. Qatt. Tistgħu tibqgħu ċerti li d-dawl Tiegħu se jkun dejjem hemm għalikom.

Immaġni
It-Tempju ta’ Salt Lake reġa’ nxtegħel

Aħna, jew il-maħbubin tagħna, nafu nispiċċaw għal xi ħin fid-dlam. Fil-każ tat-Tempju ta’ Salt Lake, sar kuntatt b’mod immedjat mal-maniġer tal-faċiltajiet, Brother Val White. In-nies innutaw x’ kien ġara. X’inqala’, għalfejn id-dawl tat-tempju ma xegħelx? L-ewwel, il-membri tal-istaff marru jiċċekkjaw il-bord tal-elettriku fit-tempju u manwalment reġgħu xegħlu d-dawl. Imbagħad huma bidlu l-batteriji u ttestjawhom biex jaraw x’kien mar.

Mhux faċli li terġa’ tixgħel id-dawl waħdek. Aħna neħtieġu l-għajnuna tal-ħbieb. Neħtieġu lil xulxin. Bħall-istaff tal-faċilitajiet tat-tempju, aħna nistgħu ngħinu lil xulxin billi nkunu hemm għal xulxin, nerġgħu niċċarġjaw il-batteriji spiritwali tagħna, insewwu dak li ma jkunx qed jaħdem.

Immaġni
It-Tempju ta’ Salt Lake fi żmien il-Milied

Id-dawl individwali tagħna jaf ikun sempliċiment bozza waħda fuq siġra. Iżda aħna xorta waħda nkunu qed nagħtu d-dawl fejn inkunu, u kollha flimkien, bħall-Pjazza tat-Tempju fi żmien il-Milied naslu biex nattiraw miljuni ta’ nies lejn id-dar tal-Mulej. U fuq kollox, kif ħeġġiġna nagħmlu l-President Nelson, aħna nistgħu nistiednu d-dawl tas-Salvatur biex ikun preżenti magħna u man-nies li huma importanti għalina, permezz tal-għemil sempliċi li nżommu l-patti tagħna. B’modi diversi, il-Mulej jippremja dak l-għemil ta’ fidi b’qawwa u b’ferħ.27

Jiena nixhed li intom maħbubin. Il-Mulej jaf li qed tagħmlu l-almu tagħkom. Intom qed tagħmlu progress. Ibqgħu sejrin hekk. Huwa jista’ jara s-sagrifiċċji li ma jidhrux tagħkom u minħabba fihom jippremja kemm lilkom kif ukoll lill-maħbubin tagħkom. L-għemejjel tagħkom mhux se jintesew. Intom mhux weħidkom. L-istess isem Tiegħu, Għimmanu-El, ifisser “‘Alla magħna.”28 M’hemmx dubju li Hu jinsab magħkom.

Agħmlu ftit passi oħra fit-triq tal-patt, anke jekk hemm wisq dlam biex taraw fil-bogħod. Id-dawl għad jerġa’ jinxtegħel. Jiena nixhed dwar il-verità li nsibu fi kliem Ġesù, li hu mimli dawl: “Ersqu lejja u jiena nersaq lejkom; fittxuni bid-diliġenza kollha u ssibuni; itolbu u tirċievu; ħabbtu u niftħilkom.”29 F’isem Ġesù Kristu, amen.